Monday 5 October 2015

iNews Malta: Malta kklassifikata l-ewwel fost 49 pajjiż fil-qasam tad-drittijiet ta' persuni LGBTIQ

http://www.inewsmalta.com/dart/20151005-malta-kklassifikata-ewwel-fost-49-pajji-fil-qasam-tad-drittijiet-ta-persuni-lgbtiq
17:07 | 05.10.2015



Pajjiżna kompla javvanza ’l fuq fl-indiċi fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ għall-2015 maħruġ minn ILGA-Europe fejn għall-ewwel darba Malta rnexxielha titla’ fl-ewwel post minn fost 49 pajjiż differenti.

F’aġġornament li ħarġet ILGA-Europe aktar kmieni llum dwar l-andament ta’ pajjiżi differenti fil-qasam tal-libertajiet ċivili, jirriżulta li Malta rnexxielha tavvanza żewġ postijiet oħra ’l fuq biex mit-tielet post li kisbet f’Mejju, issa tinsab fil-quċċata f’temp ta’ erba’ xhur. Dan ifisser li fl-aħħar xhur pajjiżna rnexxielu jaqbeż kemm lill-Belġju kif ukoll lir-Renju Unit li kien ilu jokkupa l-quċċata għal diversi snin.

Ir-rapport ta’ ILGA-Europe jelenka sensiela ta’ miżuri li ħa l-gvern Malti fl-aħħar xhur fil-qasam tad-drittijiet ċivili fosthom l-introduzzjoni tal-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess, il-liġi dwar l-unjoni ċivili, u l-liġi li tipprojbixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ identità tal-ġeneru. Din tal-aħħar tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett bħala l-ewwel pajjiż Ewropew li lleġiżla att bħal dan li jagħti l-protezzjoni mistħoqqa liċ-ċittadini kontra diskriminazzjoni fuq bazi ta’ identità tal-ġeneru.

Ir-rapport ta’ ILGA Europe jsemmi wkoll kif Malta għall-ewwel darba inkludiet referenza għall-bullyingomofobiku u transfobiku f’dokument dwar il-mod kif għandu jkun indirizzat il-bullying fl-iskejjel maħruġ mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Fir-reazzjoni tagħha, il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li dawn ir-riżultati mill-aktar pożittivi juru l-qabża li għamel pajjiżna fl-aħħar sentejn u nofs fil-qasam tad-drittijiet ċivili.

Dawn ir-riżultati jikkuntrastaw bil-kbir mal-mod kif kienu ttrattati d-drittijiet tal- persuni LGBTIQ qabel l-2013, meta saħansitra persuna trans kienet kostretta tiftaħ kawża quddiem il-qorti għad-drittijiet tal-bniedem biex takkwista d-drittijiet tagħha wara li rebħet żewġ kawżi hawn Malta. Imma il-gvern nazzjonalista, fid-darbtejn, appella mid-deċiżjoni tal-qrati minflok ma bidel il-liġi.

No comments:

Post a Comment