Wednesday 26 February 2014

It-Torċa: Jien inħobb, inti tħobb

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1=%27Opinjoni%27&ID2=46189
23.2.2014 minn Fr Colin Apap

Mort nara fit-Teatru Manoel il-play “Jiena Nhobb, Inti Thobb”. Mort l-ewwelnett għax ridt nara b’għajnejja u nisma’ b’widnejja dak li naf li żgur irrid nikkummenta fuqu kemm fi programmi tat-television kemm fuq ir-radju. Ridt inkun ġust miegħi nnifsi li nkun naf jien personalment u mhux noqgħod fuq il-kummenti ta’ ħaddieħor. L-iktar ħaġa li tirritani hija meta niltaqa’ ma’ xi ħadd li jikkundanna ktieb, play, letteratura meta lanqas biss ikun qraha jew raha.

Raġuni oħra għax mort rajtha kienet għax kont qed nibża’ li se tagħmel ħsara kemm lill-Komunità LGBTI u b’mod partikolari dwar il-liġi kontra d-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali li għaddejja bħalissa mill-Parlament. Kull ċittadin għandu jkun ugwali quddiem il-liġijiet tal-pajjiż u ebda pajjiż mhu ġustifikat li jiddiskrimina bejn iċ-ċittadini tiegħu sempliċement għax Alla li Huwa Mħabba ħalaqhom, u huma wkoll huma Ulied Alla.
Naqbel perfettament ma’ dak li qed jgħid il-Papa: min jien jien biex niġġudika? Alla ma jħarisx lejn l-orjentament sesswali ta’ Uliedu imma li dawn huma Uliedu. Alla ma jiddiskriminax. Missier ma jiddiskriminax. Mhumiex ulied ta’ xi alla minuri – bħalma jirriflettu ċerti liġijiet li kien hemm bżonn li tbiddlu s-snin imma li ħadd ma kellu l-kuraġġ li jibdilhom. Għal snin twal ħadd mill-politiċi ma kellu l-ħila li jneħħi din id-diskriminazzjoni u jiena kuntent ħafna li din il-liġi se tqis lil kulħadd ugwali quddiem l-Istat Malti.
Ma nistagħġibx ukoll li dawk li qatt m’għamlu xejn biex ineħħu l-istigma li għandhom din il-minoranza (anki li kieku kienet persuna waħda biss) ISSA qed tagħfashom qalbhom. Sal-bieraħ kienu jgħajruhom “difettużi” illum qed jgħidulhom li jħobbuhom. L-imħabba trid tkun inkarnata f’liġijiet ġusti għal kulħadd. Il-liġi toħloq il-kultura u l-kultura toħloq il-liġi.
“Nirringrazzjaw lir-River of Love talli ġejtu hawnhekk!” Dawn kienu l-ewwel kelmiet li qalu minn fuq il-palk lill-udjenza li ppakjat it-Teatru Manoel.
Għamilt żmien nagħmel klassifika u gwida tal-films li joħorġu Malta. L-ewwel lezzjoni li tgħallimt hija li jekk trid li n-nies jiffullaw biex jaraw film ikklassifikah “Ħ” – Ħażin għal Kulħadd!
Hekk għamlu tar-River of Love – taw pubbliċità b’xejn lil din il-plej. Ir-riżultati tarahom b’għajnejk. Jekk trid tikkritika ‘plej’ jew film, agħmel dan wara li tkun spiċċat, mhux qabel.
M’għandix dubju li Gordon Manche’ u l-komunità evanġelika li jmexxi –ħbieb tiegħi u nirrispettahom – għandu intenzjonijiet tajba. Jemmen dak li jgħid u jgħid dak li jemmen. Personalment, ma naqbilx mal-mod kif jippreżenta t-twemmin nisrani u l-interpretazzjoni settarja tal-Kelma t’Alla, imma niddefendi b’qalbi kollha d-dritt tiegħu li jesprimi fehmtu pubblikament. Konvint mill-ġenwinità ta’ Matthew Grech.
Ovvjament Xarabank kellu xalata bis-sehem tagħhom. Kien hemm fil-bidu min ikklassifika “Xarabank” bħala “trash” – imma jiena konvint li kull min irid iwassal messaġġ lin-nies ma jistax jinjora lil “Xarabank”. Għandu team tajjeb ħafna, professjonali, produzzjoni attraenti, u matul tant snin bnew struttura li tagħti l-frott – u b’aġenda ovvja.
Ir-rappreżentant tal-komunità evanġelika, f’Xarabank, kellu punt importanti għax ma qagħadx jikkwota l-Iskrittura kif jaqbillu. Kieku għamel hekk il-kontribut tiegħu kien ikun fjask. Il-punt li laqatni kien ibbażat fuq il-promotion tal-plej fejn iġibu tarbija f’nofs ta’ sodda kbira mdawwar b’xi seba’ omosesswali libsin ta’ 16+ kif kienet ikklassifikata l-plej.
Min mar kien jaf li se jsib xi xeni ta’ nudità u xeni u kliem espliċitu. Ma neskludix li kien hemm min mar proprju minħabba f’hekk.
Imma, personalment, ix-xeni li ntwerew kienu parti mill-istorja tal-play, parti mill-messaġġ. Mario Philip Azzopardi tella’ plej li tiftaħ bibien beraħ u ‘progress’ fil-produzzjonijiet teatrali f’Malta.
Għedt li kont qed nibża’ li din il-promotion tal-plej se tagħmel ħsara lil-LGBTI u l-liġi li se tgħaddi dalwaqt mill-parlament. Dik il-promotion, biex tiġbed lin-nies, ovvjament, tista’ tiġi nterpretata li l-omosesswali jaqbdu mat-tfal iż-żgħar – akkuża nfondata imma li ssibha fil-perċezzjoni żbaljata ta’ diversi nies.
Ovvjament, fil-plej innifisha din it-tarbija dehret biss fil-pram moħbija.
Personalment għoġbitni l-mod kif din il-plej irnexxielha twassal stil ta’ ħajja kif jgħixu l-gays: normali. Il-gays la huma anġli u lanqas demonji. Huma bnedmin bħali u bħalek. Dan għen biex jitwassal messaġġ pożittiv.
Ovvjament, ma naħsibx li biex tkun ‘surrogate mother’ hemm bżonn lil Ray Calleja jeżamina sider l-omm prospettiva. Qatt ma smajt li biex tkun taf jekk hix se tkun omm tajba biex twelled trid toqgħod teżaminalha sidirha.
Ix-xena tal-assassinju ta’ gay bir-ritratti tax-xebgħa li qala’ ma kinux realistiċi. Kommoventi kienet ix-xena tal-ulied li jgħannqu lil missierhom li jgħidulhom li hu gay. Huwa mod kif turi li anki l-ulied jaċċettaw lill-ġenituri tagħhom kif inhuma u jħobbuhom xorta waħda.
Clare Agius kienet brillanti għal bosta raġunijiet.
Din hi plej li fetħet bibien ġodda fit-Teatru Malti. Il-fatt li saret fit-Teatru Nazzjonali jfisser li l-Ministeru tal-Kultura qed jitratta lill-Maltin ta’ adulti.

No comments:

Post a Comment