Wednesday 19 February 2014

iNews Malta: Il-koppji lesbiċi kapaċi jrabbu aħjar minn koppji eterosesswali”

http://www.inewsmalta.com/dart/20140218-il-koppji-lesbi-kapa-jrabbu-jar-minn-koppji-eterosesswali
19:45 | 18.02.2014



Il-Professur Angela Abela, li tmexxi d-dipartiment dwar l-istudji tal-familja fl-Università ta' Malta, qalet li skont riċerka internazzjonali l-koppji lesbiċi kapaċi jrabbu aħjar minn koppji eterosesswali. Dan waqt li kienet qed titkellem quddiem il-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġijiet.

Illum il-Kumitat għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġijiet kien qiegħed għal darba oħra jiddiskuti l-liġi tal-unjoni ċivili. Il-Professur Abela kienet mitluba titkellem dwar l-interess tat-tfal vis a vis l-adozzjoni minn koppji eterosesswali.

Abela qalet li se tibbaża dak li tgħid minn studju li sar barra minn Malta. Dan hekk kif f'Malta ma jeżisti l-ebda studju fuq dan is-suġġett.

Hi ppreżentat lil kumitat studju li sar minn Billiards and Stancey li kien ippubblikat is-sena li għaddiet u review ta' riċerka pubblika li saret mill-Istitut tal-Istudju tal-Familja fl-Awstralja, li wkoll kien ippubblikat fl-2013.

Abela qalet li r-riċerka turi li l-lesbjani għandhom kapaċità aħjar biex irabbu t-tfal. Hi qalet li l-maġġoranza tar-riċerka ġejja aktar minn koppji lesbjani u middle class.

Abela qalet li hemm inqas riċerka li tinkludi koppji “gay” irġiel, hekk kif issib inqas irġiel “gay” li jagħżlu li jrabbu t-tfal. Il-kapaċità aħjar minn koppji lesbjani għat-trobbija tat-tfal minn dawk eterosesswali, ir-riċerkaturi jgħidu li ġejja mill-fatt li jkun hemm “a double dose of feminine.”

Meta kienet qed tirreferi dwar l-istress li jgħaddu minnu t-tfal f'koppji omosseswali, Abela qalet li skont ir-riċerka mhix l-istruttura tal-familja li tagħmel id-differenza, iżda l-mod kif wieħed irabbi, il-kwalità tar-relazzjoni tal-ġenituri mat-tfal u r-rikezza tar-riżorsi soċjali u materjali tal-familja.

Il-Professur Abela għamlet appell ukoll lill-board dwar l-adozzjoni u l-proċess ta' screening li jsir biex ma jaqtgħux borders. “Dawn it-tfal ikunu qed jingħataw it-tieni ċans tagħhom u rridu nagħtuhom l-aħjar ċans,” qalet Abela.

Intant, il-Professur kienet mistoqsija mill-eks ministru Joe Cassar jekk kinitx mitluba li tagħmel riċerka dwar it-tfal li jiġu mrobbija f'familji omosesswali, fejn qalet li ma kinitx mitluba.

Kienet mistoqsija wkoll mid-deputat Deborah Schembri jekk fil-passat kinitx mitluba tagħmel studju dwar tfal adottati minn individwi “gay”, Abela mill-ġdid saħqet li qatt ma kienet mitluba tagħmel dan. Qalet ukoll li studju simili f'Malta ma kienx ikun faċli, hekk kif kien ikollha bżonn aċċess għall-individwi li addottaw. Qalet ukoll li f'ċertu studji biex isiru f'Malta hekk kif ma ssibx expertise fir-riċerka.

Mistoqsija kemm ilu mwaqqaf dan id-Dipartiment, il-Profs Abela qalet li wara għaxar snin titlob biex ikun imwaqqaf, id-Dipartiment ilu li twaqqaf sitt snin.

No comments:

Post a Comment