Sunday 29 December 2013

iNews Malta: “Familja nixtiequ li tkun raġel, mara u tfal” - Cremona

http://www.inewsmalta.com/dart/20131229-familja-nixtiequ-li-tkun-ra-el-mara-tfal-cremona
15:20 | 29.12.2013



Waqt l-iskambju tal-awgurju tal-bidu tas-sena, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li l-knisja tixtieq li familja tkun raġel, mara u tfal.

“Ħafna drabi l-ġranet tagħna jimxu mhux biss mal-ġranet ċivili imma wkoll mal-ġranet tal-liturġija, u llum inzertat il-festa tal-familja ta' Nazaret. Din il-festa tfakkarna f'kemm dinjità Alla l-imbierek iħalli l-familja. Meta ħalaq id-dinja, bena kollox madwar raġel u mara. Meta mbagħad ġiet il-familja ta' Nazaret, l-ewwel kien hemm Marija li qalet iva, imbagħad kien hemm Ġużeppi li qal iva biex huma jiffurmaw familja madwar il-Mulej Ġesù. Għalhekk, għalina u għas-soċjetà kollha, il-familja nixtiequ li tkun familja ffurmata minn raġel, mara u t-tfal. Din għandha tkun il-bażi ta' kull soċjetà. Minnha jrid joħroġ ħafna tagħlim fuq it-tfal u ħafna mħabba fuq it-tfal biex huma jitgħallmu jħobbu wkoll u jġibu ħafna stabbilità fis-soċjetà tagħna,” qal Cremona.

L-Arċisqof qal ukoll li l-Knisja l-ewwel tibda minn dawk li jemmnu fiha, biex issaħħilhom iż-żwieġ tagħhom biex ikunu ta' eżempju għal kulħadd. “Imma peress li l-Knisja mhijiex maqtugħa minn mad-dinja ta' madwarha, anke fis-soċjetà tagħna aħna nixtiequ li dan iż-żwieġ bejn raġel u mara li minnhom jitwieldu t-tfal, għandu jkun rispettat ħafna. Nixtieq nagħmilha ċara, aħna m'għandna kontra ħadd, inħobbu lil kulħadd. Aħna li għandna, favur iż-żwieġ. Meta nitkellmu fuq l-addozzjoni tal-gays, meta nitkellmu fuq iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili, aħna ma nkunux qegħdin nakkużaw lil ħadd, aħna nkunu qegħdin nappellaw biex inħarsu ż-żwieġ billi nagħtuh il-post li għandu jkollu fis-soċjetà tagħna, u taraw kif ikollna dinja aħjar, u jkollna pajjiż aħjar,” qal Cremona.

Ritratt: Roger Azzopardi

No comments:

Post a Comment