Tuesday 5 November 2013

iNews Malta: “Neħħew ir-ritratti tiegħi mid-dar wara li għidtilhom li jien gay”

http://www.inewsmalta.com/dart/20131103-ne-ew-ir-ritratti-tieg-mid-dar-wara-li-idtilhom-li-jien-gay
Melvic Zammit | 07:47 | 03.11.2013



“Ma nafx x’fettilli nżerżaqielhom li jien gay. Li ma kellix ġibda sesswali lejn is-sess oppost tiegħi. Mhux se ngħidlek li ommi fetħet idha meta għidtilha x’jien, imma ħaditni aħjar minn missieri. Dak għandu mentalità antika”.

Il-vuċi fraġli u l-għajnejn miksura kienu jirriflettu xi ftit jew wisq mill-ansjetà li kien għaddej minnha. It-toqol fil-pass irrifletta l-apatija li nħakem minnha. “Qed inħossni mnikket.” Għalkemm għall-ewwel kien qed jistenna li jkun hemm dik it-tip ta’ reazzjoni, “għaliex wara kollox din kienet sajjetta fil-bnazzi għalihom”, ma kienx qed jistenna li l-affari se titwal daqshekk. “Imma allura kont se nibqa’ sieket? Issa billi se nibqa’ ngħix f’gidba?! Mhux jien se nbati?”


Is-sitwazzjoni li kienet qed tiżvolġi fid-dar ta’ dan iż-żagħżugħ “kulma jmur qed tiggrava”. B’għafsa ta’ qalb isostni li “mhux se neħodha bi kbira jekk fil-ġranet li ġejjin ma ssajarlix u taħsilli l-ħwejjeġ”. Dan jgħidu wara li stqarr kif ħmistax ilu, l-omm kienet imġiegħla minn żewġha “biex tneħħi r-ritratti ta’ kull fejn nidher jien”. Wara pawża f’dak li kien qed jgħid sostna li “Dawk”, b’referenza għall-ġenituri tiegħu, “qed jagħmlu hekk, biex jippruvaw iġegħluni nerġa’ nkun dak li minix, biex ma nkunx il-veru jien... imma mhux se jirnexxielhom. Lest li nitlaq mid-dar”. Iż-żagħżugħ kompla jgħid li “jaħsbu li se nħamrilhom wiċċhom man-nies, imma mur għidilhom li n-nies moħħhom miftuħ...inħossni depressed”.

Din id-darba kien hemm pawża oħra. Għalkemm ma kintix twila daqs ta’ qabel kienet twila biżżejjed biex jenfasizza l-aħħar battuti fil-konverżazzjoni tagħna. “Onestament, nixtieq li jiġrili xi ħaġa, ħa jkun jaf missieri x’jiġifieri jitlef lil ibnu”.

L-esperjenza li għaddej minnha dan iż-żagħżugħ ta’ tnejn u għoxrin sena tistona mal-passi li qed tagħmel is-soċjetà Maltija dwar l-avvanz fir-rispett lejn id-diversità. Filwaqt li għandek soċjetà li bħalissa qed tiddiskuti jekk għandux jidħol l-unjoni ċivili jew le, jeżistu sitwazzjonijiet fejn persuni gay qed isibu diffikultà fl-istadju tal-coming out, speċjalment ma’ xi wħud mill-membri familjari tagħhom.

Reazzjonijiet varji mingħand ġenituri b’ulied gay 




Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni tkellimna mal-kordinatur tal-MGRM Gabi Calleja. “Żgħażagħ fl-istadju tal-coming out jistgħu jaffaċċjaw diversi reazzjonijiet mill-ġenituri, xi wħud minnhom pożittivi, oħrajn kemxejn diffiċli u f'xi okkażjonijiet ukoll abbużivi”.

Calleja tirrimarka li xi wħud mill-ġenituri jagħmlu minn kollox biex jifhmu lil uliedhom. “Xi ġenituri huma kapaċi jserrħu ras it-tifel jew it-tifla tagħhom u juruhom li jaċċettawhom kif inhuma”. Iżżid tgħid li xi kultant ifittxu huma kif jistgħu jkunu ta’ għajnuna għat-tfal tagħhom. “Oħrajn fil-bidu jirreaġixxu ħażin iżda wara ftit żmien jaslu li jaċċettaw din ir-realtà. Għal xi wħud ir-reazzjoni tista' tkun waħda vjolenti jew abbużiva fejn iż-żgħażagħ jiġu mgħajjra, mkeċċija mid-dar, imsawta jew iżolati minn sħabhom”. Calleja ssostni li dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultà ta’ dan it-tip għandhom ifittxu l-għajnuna. Fakkret li l-MGRM għandha diversi servizzi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju, inkluż ta’ appoġġ minn social workers, counsellors u anke ta’ parir legali fejn ikun meħtieġ.

Tkellimna ma’ Mario Gerada, wieħed mill-fundaturi tal-organizzajoni Drachma. Sostna li fost il-fergħat li tħaddan din l-organizzazzjoni wieħed jista’ jsib id-Drachma Parents. “Din il-fergħa tagħti opportunità lill-ġenituri li jkunu għaddejjin minn din l-esperjenza sabiex jitkellmu ma’ ġenituri li jkunu għaddew minnnha diġà”. Gerada sostna wkoll li “fost il-mistoqsija komuni li jibdew jistaqsu dawn il-ġenituri hija “x’għamilt ħażin?”. Iħossuhom ħatja għax jaħsbu li għamlu xi ħaġa ħażina jew li naqsu lit-tfal tagħhom u allura b’hekk ikunu gay”.

L-ewwel reazzjoni tal-ġenituri li jersqu lejn id-Drachma tkun waħda ta’ xokk u biża’. “Xi kultant din il-biża’ tkun ġejja mit-twemmin għaliex jibżgħu minn dak li tgħid il-Knisja”. Però wara li jgħaddi ftit taż-żmien li jissieħbu mal-grupp “ninnutaw kambjamenti pożittiv ħafna f’dawn il-ġenituri.” Irrimarka wkoll li “mhux l-ewwel darba li ltqajna ma’ ġenituri li ma jkunux ħaduha ħażin ħafna”.

Fid-dawl tal-fatt li 28 fil-mija tas-suwiċidju jsiru minn żgħażagħ gay, Gerada jenfasizza li “huwa tajjeb wieħed jitkellem dwar unjoni ċivili u żwieġ, però huwa importanti wkoll li nitkellmu dwar ir-riskji ta’ suwiċidju fost il-gays, b’mod speċjali l-adoloxxenti”. Ikompli jgħid li “is-soċjetà nbidlet u qed ikun hawn min iħossu jħossu li jagħmel il-coming out ta’ età żgħira. Għalkemm hija xi ħaġa pożittiva, iġġib ir-riskji magħha”. Dan għaliex “filwaqt li l-adult jista’ jgħix ħajtu b’mod indipendenti, fl-adoloxxenza tkun għadek tiddependi mill-ġenituri jew minn dawk li jkunu qed jieħdu ħsiebek”.

No comments:

Post a Comment