Sunday 20 October 2013

Malta Right Now: Abbozz ta' Liġi biex l-istess drittijiet li bħalissa japplikaw għaż-żwieġ jingħataw lill-koppji tal-istess sess

... iżda dan mhux qed jissejjaħ żwieġ

http://www.maltarightnow.com/?module=news&at=Abbozz+ta'+Li%26%23289%3Bi+biex+l-istess+drittijiet+li+b%26%23295%3Balissa+japplikaw+g%26%23295%3Ba%26%23380%3B-%26%23380%3Bwie%26%23289%3B+jing%26%23295%3Bataw+lill-koppji+tal-istess+sess&t=a&aid=99851394&cid=19
14 t' Ottubru, 2013 12:19 CET minn Alessa PSAILA ZAMMIT

Dalgħodu l-Gvern ippublika l-Liġi dwar l-Unjoni Ċivili, li se tagħti d-drittijiet u l-obbligi kollha taż-żwieġ lill-koppji tal-istess sess li jidħlu f'unjoni ċivili. F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Helena Dalli ppreżentat id-dettalji dwar l-Abbozz tal-Liġi, li kif spjegat il-Ministru Dalli, jagħti d-drittijiet li bħalissa japplikaw għaż-żwieġ lill-koppji tal-istess sess, inkluż l-adozzjoni tat-tfal, iżda li mhux qed jissejjaħ żwieġ.



Mistoqsija mill-ġurnalisti għaliex il-Gvern ma sejjaħx dan il-pass bħala żwieġ, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern marbut b'unjoni ċivili fil-Programm Elettorali. Hi spjegat li l-Abbozz ta' Liġi qed jiġi ppublikat kif imfassal mill-Kumitat Konsultattiv dwar persuni LGBT. Cyrus Engerer, li jmexxi dan il-Kumitat, spjega li l-Abbozz ta' Liġi hu mfassal fuq Liġi li saret id-Danimarka fis-snin tmenin. Hu kkonferma li l-Abbozz jgħid li kull dritt li għandha koppja fiż-żwieġ ċivili se jkun qed japplika għall-koppja tal-istess sess li tidħol f'unjoni ċivili. Hu spjega wkoll li l-Abbozz ta' Liġi jgħid li żwieġ bejn persuni tal-istess sess li jsir barra minn Malta se jkun ikkunsidrat bħala żwieġ f'Malta u mhux bħala Unjoni Ċivili.

Min-naħa tiegħu, Neil Falzon, li jmexxi l-għaqda Aditus, spjega li l-Abbozz ta' Liġi jikkonsisti fi ftit paġni u ddeskrivieh bħala l-ewwel pass għall-ugwaljanzi fiż-żwieġ. Gabi Calleja, li tmexxi l-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qalet li dan l-Abbozz ta' Liġi hu pass viċin lejn żwieġ għall-koppji tal-istess sess mingħajr mhu qiegħed, f'dan l-istadju, jissejjaħ żwieġ.

Helena Dalli qalet li għada se jsir it-Tieni Qari ta' dan l-Abbozz ta' Liġi fil-Parlament, filwaqt li l-Erbgħa se jiġi diskuss l-Abbozz Privat imressaq mill-Kelliema għall-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg ftit tax-xhur ilu, biex id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBT jkollhom protezzjoni massima fil-Kostituzzjoni ta' Malta.

No comments:

Post a Comment