Sunday 20 October 2013

iNews Malta: “Hemm rieda politika biex l-affarijiet jimxu ’l quddiem” - Gabi Calleja

http://www.inewsmalta.com/dart/20131020-hemm-rieda-politika-biex-affarijiet-jimxu-quddiem-gabi-calleja
Melvic Zammit | 08:14 | 20.10.2013



Għalkemm aktar ma jgħaddi ż-żmien qed ikun hawn ġenituri li jersqu ’l quddiem biex jaraw kif jistgħu jagħtu s-sapport lil uliedhom li huma gay, għad hawn oħrajn li juru reżistenza biex jaċċettawhom.

“Kelna żagħżugħ li spiċċa barra bil-pyjama fil-ħdax ta’ bil-lejl, mingħajr xejn. Kellna każ ieħor fejn omm issajjar għal bintha separatament mill-oħrajn ma jmurx b’xi mod tikkontamina lill-kumplament tal-membri tal-familja. Ma jonqosx is-swat li jsir fuq żgħażagħ għax huma dak li huma”. Dawn il-każijiet, skont Gabi Calleja, il-kordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement, qed isiru l-eċċezzjoni iktar milli r-regola.

Meta jaffaċċjaw dawn it-tip ta’ każijiet, l-MGRM tara li din il-persuna hija sigura, jiġifieri li għandha saqaf fuq rasha, x’tiekol, li tkun tista’ tkompli bl-istudju jew bix-xogħol tagħha. “Jekk il-persuna tkun qiegħda f’ambjent fejn qed isir l-abbuż, naraw li toħroġ minn dak l-ambjent”. F’dawn il-każijiet, l-MGRM taħdem b’kollaborazzjoni ma’ agenzji oħra, inkluż mal-Appoġġ. Calleja żiedet tgħid li “aħna nagħtuha s-sapport sakemm naraw li tista’ tfendi għal rasha”.

Rigward il-perċezzjoni tal-Maltin dwar il-gays, Calleja sostniet li “meta nikkumparawha ma’ ftit snin ilu, naħseb li hawn iktar għarfien”. Żiedet tgħid li “fejn jidħlu koppji omosesswali jista’ jkun hemm min għadu reżistenti u fejn jidħlu tfal gay, ir-reżistenza hija waħda ikbar”. Il-perċezzjoni dwar it-trans “tiddependi mill-exposure li wieħed ikollu għas-suġġett għax huwa realtà pjuttost ikkumplikata”.

Ħidma lejn Ugwaljanza fiż-żwieġ

Gabi Calleja ffurmat parti mill-Kunsill Konsultattiv li pprepara l-abbozz dwar l-Unjoni Ċivili. Iddeskriviet il-ħidma ta’ dan il-kunsill bħala waħda kollaborattiva. “Ir-rappreżentanti tal-għaqdiet, fil-biċċa l-kbira tagħhom, naħseb li qablu, anke fl-għan aħħari – qbilna fl-istrateġija”. Sostniet li ftit li xejn kien hemm mumenti ta’ diżgwid. “Naħseb li dwar ċerti affarjiet irnexxielna naslu għall-kunsens u dak li għamilna qed jagħti l-frott”.

Calleja rrimarkat li “kienet ħaġa pożittiva mill-gvern li tana l-ispazju biex naħdmu fuq dan l-abbozz”. Barra minn hekk, apprezzat il-fatt li l-gvern appoġġja l-abbozz li pprepara l-Kunsill mingħajr ebda tibdil. “Dak kien sinjal ta’ fiduċja”. Hawn hekk Gabi tirrimarka li meta kkumparat mal-gvern preċedenti, il-gvern tal-ġurnata jikkolabora aktar. “Hemm rieda politika biex l-affarjiet jimxu ’l quddiem”. Calleja tinnota wkoll li “l-affarjiet qed isiru bl-aħjar mod possibbli u malajr kemm jista’ jkun”. Żiedet tgħid li “Il-fatt li hemm ministru li fil-kompitu tagħha għandha l-libertajiet ċivili, tgħin ħafna. Il-fatt li hemm djalogu bejn l-għaqdiet u dan il-ministeru hija xi ħaġa pożittiva”.

Se jkun abbozz li jagħti biżżejjed jew iżżejjed? Calleja sostniet li “se jkun qed jagħti l-iktar possibbi mingħajr ma jkun ugwaljanza fiż-żwieġ”. Iżżid tgħid li ma taqbilx ma dawk li qed jaħsbu li dan il-proċess qed ikun mgħaġġel iżżejjed. “Fil-fehma tagħna, kull ġurnata li tgħaddi mingħajr ma jkun hemm dawn id-drittijiet aċċessibbli għall-komunità LGBT ikun ksur tad-drittijiet. Naħseb li it’s about time li nibdew niċċaqilqu”. Sostniet li l-ħidma se tkun qed tissokta biex tinkiseb l-ugwaljanza fiż-żwieġ. “Jista’ jkun li din tista’ tieħu ftit tas-snin. Jista’ jkun li jkollna nistennew sa elezzjoni oħra biex dan l-għan jintlaħaq”. Żiedet tgħid li l-Unjoni Ċivili, hekk kif proposta, hija bidu tajjeb ħafna u fil-verità tagħti l-istess drittijiet u obbligi, però mingħajr ma jissejjaħ żwieġ.

L-edukazzjoni kruċjali għall-inklussività

Calleja sostniet li l-edukazzjoni hija kruċjali biex tiżdied l-inklussività. “Il-liġi waħidha mhux biżżejjed”. Jekk il-liġi tgħaddi, skont Calleja, jeħtieġ li ssir ħidma biex jiġi rivedut il-kurrikulu tal-iskejjel. “Dan għandu jsir biex il-familji li se jkunu qed jiksbu status legali jkunu inklużi fl-ambjent edukattiv u skolastiku. Ladarba jkun hemm dan l-istatus legali, ma jkun hemm xejn milli jżomm l-iskejjel milli jagħmlu sforz biex ikunu inklussivi fl-edukazzjoni”.

B’reazzjoni għal dak li stqarret il-Knisja, jiġifieri li t-tfal preferibilment għandhom jitrabbew mill-ġenituri tagħhom “raġel u mara”, b’kunfidenza Calleja sostniet li l-istudji xjentifiċi juru li ma tagħmilx differenza xi tkun l-orjentazzjoni sesswali tal-ġenituri. “Li għandhom bżonn it-tfal huwa xi ħadd li jindukrahom u jieħu ħsiebhom. Irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom”. Żiedet tgħid li mill-istudji li saru ma jidhirx li jista’ jkun hemm impatt negattiv mit-tfal. “L-unika differenza li sabu fit-tfal imrobbija minn koppja tal-istess sess kienet li jkunu iktar miftuħa li jesploraw is-sesswalità tagħhom fl-adoloxxenza għax ma jiħduhiex forgranted li huma straight.”

Minkejja l-isfidi, hemm ir-rieda biex jintlaħaq l-għan

Il-Malta Gay Rights Movement rat it-twelid tagħha fl-2001. Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, din l-organizzazzjoni ma baqgħetx sempliċiment tagħti sapport lil gays billi sempliċiment tkun preżenti għal attivitajiet partikolari. Illum il-ġurnata l-MGRM toffri servizzi speċifiċi ta’ għajnuna. Fuq bażi regolari jingħataw servizzi ta’ social work u counselling. F’numru ta’ sessjonijiet ikun hemm servizz ta’ psikologu. B’kollabborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ, l-MGRM qed tagħti serviżż għaż-żgħażagħ. Darba fil-ġimgħa żgħażagħ LGBT jistgħu jiġu u jqattgħu ftit tal-ħin flimkien, b’mod informali ħafna. Apparti dawn is-servizzi, Calleja spjegat kif l-MGRM qed tagħti kontribut fuq livell politiku u tara li jkun hemm għarfien fis-soċjetà dwar l-LGBT.

“In-nuqqas ta’ riżorsi hija l-ikbar sfida li qed taffaċċja din l-NGO. Il-ħidma li titwettaq mill-membri tal-kumitat ssir b’mod volontarju”. Il-kordinatriċi żiedet tgħid li l-isifda finanzjarja biex iżomm l-uffiċċju, il-help line u l-kampanji li jsiru għaddejjin mhix faċli”. L-isfida l-oħra hija “kif se mmexxu ’l quddiem id-drittijiet tal-komunità LGBT".

No comments:

Post a Comment