Friday 28 September 2012

It-Torċa: Fr Colin: Min jitwieled tond... L-omosesswali: Isiru hekk għax il-moħħ u l-organi sesswali ma jaqblux

23.9.2012 [Verżjoni PDF]

Fr Colin,

• Bħalissa hawn qawmien qawwi min-naħa ta’ dawk il-persuni li twiedlu b’orjentazzjoni differenti mill-organi sesswali tagħhom.

Skont professur magħruf fil-mediċina kien stqarr li dawn l-isfortunati jitwieldu b’moħħ mhux kompatibbli mal-organi sesswali tagħhom.

Safejn huwa magħruf fid-dinja tax-xjenza, fl-iżvilupp tal-ġisem tal-bniedem ħadd u qatt ma jirriżulta li xi ħadd jista’ juri li qatt wettaq xi tibdil fl-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha b’xi mediċini, eċċ., li setgħu qatt kellhom xi suċċess fit-tnissil bil-bidla li qatt wettaq fuq xi persuni b’orjentazzjoni mhix kompatibbli mal-organi sesswali tagħhom.

Issa nigi għax-xewqa ta’ dawk li qed jitolbu li jkollhom dritt bħal dawk il-persuni normali, biex jiżżewġu u wkoll bi dritt li jadottaw it-tfal.

L-ewwelnett m’hemmx DRITT mingħajr DMIR.

Hawn jidħol l-argument li bl-istess element li ż-żwieġ jista’ jinħall, dawn l-isfortunati b’orjentazzjoni bil-maqlub ta’ dawk li huma normali fil-maġġoranza tal-bnedmin, iridu jinqabdu fi żwieġ.

Dan il-fatt, li għalkemm għaddew eluf ta’ snin fil-formazzjoni tal-familja bejn żewġ adulti tas-sess oppost, maturi u liberi, dawn b’ebda prova ta’ tibdiliet mentali u kompatibbli mal-kumplament tal-organi sesswali funzjonabbli tagħhom, jippretendu l-istess drittijiet daqs li kieku kienu normali kompletament.

Li jsir xi forma ta’ kuntratt li jorbot liż-żewġ adulti, libri u li għandhom maturità b’saħħitha li jistgħu jkunu tal-istess sess, għal fini ta’ wirt, saħħa u taxxi li jkunu jaqgħu taħt xi titolu bħal SĦAB/partnership b’kuntratt li jkunu salvagwardati l-ġid ta’ xulxin iżda le u qatt m’għandna nnaqqsu d-dinjità taż-żwieġ kif ikun prattikat tul is-snin.

Nifthemu li l-adozzjoni tat-tfal mhix xi “take away” jew xi ġugarell. It-tfal fl-istituti diġà jkunu għaddejjin minn xi sfortuna minnaħa tal-familja tagħhom.

MIN se jkun l-għassies tat-trobbija xierqa tagħhom? Dawn it-tfal ikunu fl-iżvilupp tal-karattru tagħhom, u jkun gwaj serjissimu li dawn li huma diġà vittma sfortunata jkunu suġġetti għal xi trawma (kif diġà Malta jisperjenzat) u jkollhom iġorru xi trawma ikbar għal għomorhom kollu ħtija ta’ daqqa ta’ pinna biex setgħu jistagħnew dawk li wettqu l-operazzjonijiet biex bidlulhom il-mudell ta’ persunithom biss, u oħrajn li qegħdin iħeġġuhom, għall-akkwist tal-misħut vot.

Fil-waqt li hemm bzonn li nirrispettaw id-dinjita’ taż-żwieġ, għax għandna bizejjed żarmar taż-żwiġijiet hawn MALTA billi ma nkomplux nikkupjaw lill-Barranin fil-ħażen li jkomplu iżarmaw il-familji tagħna.

Salvu Debono

L-adozzjoni tat-tfal ta’ min hu omosesswali

minn Fr Colin Apap


Jiena fhimt, u m’inix ċert jekk fhimtx sew, li inti tħoss li l-liġi li se tkun diskussa fil-Parlament qed iressquha biex jakkwistaw il-voti u mhux għax b’xi mod iridu jirranġaw is-sitwazzjoni prekarja ta’ min qed jikkoabita biex iħarsulu ddrittijiet u d-dmirijiet tiegħu.

Jekk fhimt sew ukoll, qed issostni li ebda koppja omosesswali, irġiel jew nisa, m’għandhom ikollhom id-dritt li jadottaw għax it-tfal tal-istituti diġà jkollhom trawma kbira fuqhom u jekk ikunu adottati minn koppja tal-istess sess ikun agħar ħafna għalihom.

Jekk fhimt sew ukoll, qed tgħid li min hu omosesswali jsir hekk għax il-moħħ u l-organi sesswali tiegħu ma jaħdmux b’ċerta ko-ordinament bejniethom u allura anki jekk jagħmlu xi operazzjoni fl-organi sesswali tagħhom xorta waħda jibqgħu mhux normali bħal nies normali ta’ madwarna.

Jekk fhimt sewwa wkoll qed tagħti x’tifhem li m’għandniex inbiddlu d-definizzjoni tażżwieġ kif drajniha għal eluf ta’snin u nkunu qed niżbaljaw meta nqisu koppja omosesswali fuq l-istess livell ta’ koppja eterosesswali.

Ovvjament qajjimt bosta punti li żgur li l-qarrejja tat-TORĊA se jwieġbu fuqhom.

Dan huwa djalogu fejn kulħadd irid jirrispetta l-opinjoni ta’ xulxin u nitgħallmu minn xulxin.

Se nsemmi biss xi punti għad-diskussjoni fuq dak li għedt int:

iż-żwieġ bejn raġel u mara u għal dejjem mhux dejjem u mhux kullimkien għandu l-espressjoni tiegħu fil-kulturi u f’kull pajjiż l-istess – anzi kien hemm żminijiet li l-aqwa forma ta’ mħabba kienet bejn nies tal-istess sess.

Naqbel miegħek li meta nbiddlu d-definizzjoni taż-żwieġ inkunu qed nidħlu f’baħar imqalleb; imma f’Malta, safejn naf jien, ma nafx liema hija d-definizzjoni legali ta’ x’inhu ż-żwieġ u jekk din id-definizzjoni hijiex biss kulturali jew legali.

Ma naħsibx li min hu omosesswali dejjem jitwieled għax għandu xi ħaġa ħażina f’moħħu li ma taqbilx mal-organi sesswali tiegħu: fin-natura, inkluż il-bniedem, uħud jitwieldu eterosesswali u oħrajn le (xi 10 jew 15 fil-mija tal-popolazzjoni) – imma anke jekk ikun hemm wieħed biss għandu d-dritt li ma jkun kiskriminat taħt ebda raġuni.

L-adozzjoni tat-tfal hija tema ta’ delikatezza kbira – inħoss, u din hija opinjoni personali tiegħi, li l-adozzjoni għandha tkun regolata b’regoli stretti u averifikabbli li jġibu l-ewwel u qabel kollox il-ġid tat-tfal biss irrispettivament mill-orjentament sesswali ta’ min jadotta. Naf tfal li qegħdin jitrabbew minn koppji omosesswali u oħrajn minn koppji eterosesswali. Jiddependi.

Dawn kienu biss xi ftit reazzjonijiet meta qrajt l-ittra tiegħek.

100,000 trabi adottati minn koppji tal-istess sess

Nixtieqek tikkonsidra liema huma dawk in-nazzjonijiet Ewropej – u Malta tagħmel parti mill-Ewropa u dak kollu li tfisser – liema nazzjonijiet għaddew diversi liġijiet li jolqtu l- adozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess.

Fl-24 ta’ Jannar 2008, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal- Bniedem qablet li anki l-omosesswali għandhom id-dritt li jadottaw tarbija.

L-adozzjoni ta’ koppji tal-istess sess hija legali fir-Renju Unit, Spanja, Svezja, Norveġja, Danimarka, Belġju, Olanda, Iżlanda, Iżrael u mill-2013 anki fi Franza.

Il-Ġermanja u l-Finlandja jippermettu dak li jsejħu “stapchild-adoption” li tfisser li jippermettu lil wieħed mill- partners ta’ unjoni ċivili li jadotta t-tfal naturali li twieldu mill-partner l-ieħor jew l-oħra fi żwieġ jew unjoni ċivili ta’ qabel.

Fl-Irlanda u Franza dawk li huma single, kemm jekk omo- sesswali jew eterosesswali, jistgħu jitolbu l-adozzjoni.

Personalment inħoss li d-dibattitu f’Malta għadna kemm bdejnih u tajjeb li nisimgħu iżjed lil xulxin u nirrispettaw iżjed lil xulxin.

Irridu niddistingwu, però, bejn fatti xjentifiċi maqbula mill- Komunità Xjentifika li tevaluta r-realtà kif inhi u mhux minn punto di partenza ta’ ideoloġija u min-naha l-oħra opinjonijiet personali jew ta’ gruppi li huma frott ta’ kondizzjonamenti kulturali.

Il-liġi tal-koabitazzjoni li qiegħda tkun proposta fil-Parla- ment (sinċerament naħseb li qatt mhi se tkun diskussa min- ħabba raġunijiet politiċi li jafhom kulħadd) m’għandha x’taqsam xejn mal-adozzjoni u naħseb li trid issir liġi u dibat- titu apposta fuq dan f’leġiżlazzjoni oħra. Imma għalkemm dan hu minnu, inħoss ukoll li meta l-gvern ressaq draft ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni kien jaf li se jqumu ħafna temi marbuta magħha. La darba tiftaħ il-bieb imbagħad mhux faċli żżomm lil min irid jidħol ġewwa.

RAI 3 Educational għadu kif ittrażmetta dokumentarju ta’ koppja gay Taljani fejn marru l-Amerika biex ikollhom tarbija minn mara ta’ ħaddieħor u meta wellditilhom twins reġgħu lura l-Italja, għammduhom fil-Knisja Valdese, u kienu aċċettati mill-komunità li fihom trabbew kif ukoll milqugħa mill-familjari tagħhom stess. Mhux dak kollu li huwa xjentifikament possibbli huwa moralment tajjeb. Imma tajjeb li nkunu nafu liema huma l-iżviluppi li qed isiru f’Malta u lil hinn minnha għax eventwalment irridu naffrontawhom aħna wkoll.

Tema waħda minn dawn tieħu ġurnali sħaħ. Imma tajjeb li nqajmu d-domandi għax huwa biss meta nsaqsu li nitgħallmu u nikbru.

Fl-Italja, skont dan id-dokumentarju tar-RAI 3 Educational hemm diġà mitt elf trabi (100,000) adottati minn koppji tal- istess sess. Ebda stat ma jista’ jilleġiżla jekk ma jħarisx id- drittijiet ta’ kull ċittadin.

Irridu nitgħallmu, naqraw, nirriflettu u nifformaw kuxjenza informata u ffurmata biex nitgħallmu jkollna dak l-għerf biex ngħinu l-bini tal-bniedem sħiħ bħalma ried Kristu stess.

No comments:

Post a Comment