Monday 20 August 2012

It-Torċa: Il-politiċi għandhom jgħidulna dwar il-ħajja sesswali tagħhom

29.7.12 [Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa iżda tista' tarah hawn.]

Fr Colin,

• Nixtieqek tieħu pożizzjoni pubblika dwar dawk il-politiċi li jaħbu l-fatt li huma omosesswali. Aħna, bħala dawk li ntellgħuhom fil-Parlament, għandna kull dritt li nkunu nafu x’inhi l-ħajja tagħhom u kif jgħixu s-sesswalità tagħhom li tista’ tinfluwenza l-mod kif jivvutaw fil-Parlament.

Toqgħodx tgħidli li dawn l-omosesswali għandhom kull dritt li jgħixu l-ħajja “privata” tagħhom. Meta tippreżenta ruħek fil-ħajja pubblika l-ħajja “privata” tiegħek tispiċċa. Iżjed u iżjed meta l-ħajja “privata” tiegħek tirrifletti dwar il-mod kif se tieħu pożizzjoni pubblika fil-Parlament u kif se tivvota dwar liġijiet li jolqtu l-omosesswali, il-leżbjani, transesswali u ma nafx x’iktar qed isejħulhom.

Jiena bħala ċittadin għandi kull dritt li nkun naf b’mod sħiħ x’inhi l-pożizzjoni personali tal-leġiżlatur u liema huma dawk l-influwenzi fil-ħajja “privata” tiegħu li jġiegħ- luh/ha jivvota skont kif qed jgħix huwa jew hija.

Huwa dmir tal-ġurnali li jgħidulna dwar min hu omosesswali jew le. Min hu omosesswali m’għandux dritt għallattivitajiet omosesswali f’daru għax dawn jinfluwenzaw għemilu fil-pubbliku; jekk irid ikun omosesswali jgħix ħajtu imma ma jistax, imbagħad, jgħidilna WARA li nkunu tellajnih fil-poter u jgħaddi liġijiet favur l-omosesswali.

Hekk ukoll jgħodd għal dawk il-politiċi li għandhom problemi kbar fiż-żwieġ tagħhom. Kull min hu divorzjat jew separat jew għandu problemi serji mal-mara mhux ovvjament li se jivvota dawk il-liġijiet li jmorru kontra l-istabbiltà taż-żwieġ? Jekk mhux għal xi ħaġa oħra irid iħares l-interessi tiegħu u taż-żwieġ imkisser li għandu.

Hekk ukoll dwar min hu divorzjat. Tista’ taħseb li min divorzjat mhux se jaqbel mad-divorzju? Jew min għandu tfal barra miż-żwieġ mhux se japprova liġijiet li jpoġġu lit-tfal leġittimi fiż-żwieġ fuq l-istess livell ta’ dawk li mhumiex?

Jien m’inix ngħid li dawn m’għandhomx ikunu fil-Parlament – qed ngħid li dawn għandhom JIDDIKJARAW MINN QABEL liema hija l-pożizzjoni tagħhom u għaliex.

L-istess fejn jidħlu valuri oħra li qed ikunu diskussi llum: liġijiet li jagħmlu legali r-rapport omosesswali u ż- żwieġ bejn omosesswali, is-sess qabel iż-żwieġ; l-abort u l-ewtanasija u tant suġġetti oħra li qegħdin jissemmew.

Jiena ma naqbilx ma’ min jgħid li l-istat m’għandux jindaħal fil-kamra tas-sodda taċ-ċittadini tiegħu. Hu veru li kull ċittadin hu liberu li jġib ruħu kif irid fil-kamra tas-sodda tiegħu... imma mbagħad mhux sewwa li wara li jkun għamel li ried imur għand l-istat (iċ-ċittadini) biex inħallsulu l-mard u l-inkwiet li jidħol fihom. Huma ċ- ċittaddini li mit-taxxi qegħdin iħallsu għad-dnubiet li jsiru f’isem il-libertà fil-kamra tas-sodda. L-istat m’għandux iħallas mit-taxxi tagħna lis-single mothers, mard tan-nisa, infezzjonijiet u kull xorta ta’ mard li jiġu mis-sess qabel iż-żwieġ.

Jiena nemmen li f’Malta Kattolika jistħoqqilha politiċi kattoliċi. Anzi nemmen li għandu jkun il-Partit Politiku li jistqarr ċar u tond liema huma l-prinċipji demokratiċi u kattoliċi tiegħu. Bla ebda kompromess.

Minn QABEL l-elezzjoni rridu nkunu nafu liema hija l-pożizzjoni ta’ kull politiku u kull partit politku li qed jitlob il-vot tagħna.

Kattoliku b’kuxjenza

Meta l-istat obbligat jidħol fil-kamra tas-sodda taċ-ċittadin

Nispera li fhimtek ħażin. Jekk fhimtek sew int qed tgħid li bħala “kuxjenza kattolika” qed titlob li kull politiku għandu jiddikjara pubblikament il-ħajja sesswali tiegħu u jekk ma jagħmilx hekk hu dmir talmidja li tikxfu – u b’hekk kull votant ikun jaf x’qed jistenna minn dak il-politiku.

Ma nistax nifhem għax semmejt biss lill-omosesswali. U l-eterosesswali allura le? Politiku li hu infidil lejn martu wkoll għandu jkun denunzjat fil-midja biex in-nies jiddeċiedu jivvutawlux jew le skont il-mod kif jgħix l-morali tiegħu?

Jekk dan li qed tgħid hu kif qed nifhmu jien, allura nista’ nistqarr li dan l-atteġġjament hu perikoluż ħafna għall-ħajja sana tal-pajjiż u għad-demokrazija tal-pajjiż.

Qed tgħid li l-midja għandha tgħidilna min huma l-omosesswali fil-ħajja pubblika. Inħoss li kieku l-midja tagħmel dan tkun qiegħda tonqos bil-kbir lejn id-dinjità tal-persuna, irrispett lejn il-bniedem, u ddritt ta’ kull bniedem għall- ‘privacy’ tiegħu jew tagħha.

Il-moralità u l-mod kif tinftiehem minn żmien għal żmien titbiddel mhux biss fil-perċezzjoni tagħha imma wkoll fl-imġiba konkreta tagħ- ha. Dak li l-istat Grieg kien iqis bħala ‘normali’ anzi ‘l-ideali’ bejn tnejn omosesswali ma naħsibx li nistgħu ngħiduh għal-lum ukoll. Mhux kull ma jgħid jew jilleġiżla Parlament jaqbel mal-moralità kif mifhuma fi ħdan il-knejjes.

Il-pożizzjoni tal-Knisja Anglikana, b’dak kollu li ġara fiha fejn jidħlu isqfijiet omosesswali fil-pubbliku, naħseb, li ma tantx taqbel mal-viżjoni “kattolika” dwar l-istess isqfijiet. Allura l-istat fuq liema interpretazzjoni tal-moralità għandu joqgħod?

Mhux dak kollu li hu “dnub” għandu jkun leġiżlat mill-istat. Inkella, naħseb, li għandna nagħmlu nofs Malta bħala ħabs u n-nofs l-ieħor jistenna biex jidħol.

Għedt “l-istat m’għandux jidħol fil-kamra tas-sodda taċ-ċittadini tiegħu” għax kull tip ta’ mard li jistgħu jaqilgħu huma ċ-ċittadini, mit-taxxi, li jridu jħallsu għalihom. La qed inħallsu aħna huwa dmir tal-istat li jindaħal bejn il-friex tas-sodda taċ-ċittadini tiegħu. Għalhekk irid jikkontrolla lillprostituti, id-drogati u kull tip ta’ problemi soċjali madwarna.

Kieku dan kien hekk konna nkunu bħal stat polizjesk, bilpulizija tal-moralità pubblika, u jitfgħu l-ħabs lil kull min jikser il-Liġi t’Alla u tal-Knisja. Kull min jikser il-Kmandamenti u l-Preċetti tal-Knisja għandu jintbagħat il-ħabs millistat. Hawn soċjetajiet li huma hekk. Imma ma naħsibx li soċjetà bħal din għandna naqblu magħha hawn Malta. Alla nnifsu tana l-ikbar rigal li għandna: il-LIBERTÀ. Anki li nidinbu. U ma jibgħat lil ħadd il-ħabs talli m’obdieHx. Min-naħa l-oħra nies fil-ħajja pubblika għandom kull obbligu li jiddikjaraw pubblikament dwar dak li jista’ jaffettwa l-mod kif jistgħu jivvutaw fil-Parlament dwar liġijiet li jolqtu l-orjentament sesswali, iż-żwieġ u l-istabbilta’ tiegħu. Il-ħajja privata tal-individwu hija tiegħu u tiegħu biss. Ħadd u ebda awtorità m’għandha dritt tidħol fil-kamra tas-sodda tiegħu jew tagħha. Imma min-naħa l-oħra persuna pubblika, f’kariga pubblika, għandu jistqarr liema huma l-valuri li jemmen fihom u kif se jivvota f’parlament dwar dawn il-valuri. Jekk il-midja toħroġ l-ismijiet ta’ dawk li huma omosesswali mingħajr il-kunsens tagħhom naħseb li tkun qiegħda tabbuża ħafna.

Anderson Cooper tas-CNN ħarġu storja fuq il-ħajja omosesswali tiegħu. Bosta ġurnalisti kienu jafu b’dan – imma rrispettaw il-ħajja privata tiegħu.

Ġurnalisti li ħarġu fil-beraħ dwar l-orjentament sesswali ta’ Cooper isostnu li għamlu sew għax kien fatt magħruf minn bosta, u l-fatt li ma kienx jitkellem dwar il-ħajja privata tiegħu ifisser li qed jaħbi xi ħaġa u jwassal messaġġ li min jgħix bħalu għandu x’jaħbi. 

F’Malta kellna l-ħabib tiegħi Joseph Chetcuti, avukat, attiv ħafna fil-Komunità Omosesswali f’Melbourne, l-Awstralja. Il-ktieb tiegħu “Queer Mediterranean Memories” jipprova, barra li jgħid l-istorja moħbija tal-omosesswali f’Malta, imma jipprova wkoll isemmi ismijiet partikolari ta’ nies magħrufa f’Malta li m’hemm ebda prova li huma jew kienu omosesswali. 

Ħalliha li weħel miegħu San Pawl, li m’għandux bżonn min jitkellem dwaru, imma, skont l-opinjoni tiegħi huwa nuqqas serju ta’ etika li ssemmi nies li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom għax mejtin jew uħud li jridu li l-ħajja privata tagħhom għandha tkun irrispettata. 

Valur ieħor huwa dan: aħna l-qarrejja m’għandniex ikollna d-dritt li nkunu nafu liema huwa l-“bias” tal-ġurnalist? 

M’għandniex dritt li nkunu nafu li jekk il-ħajja tiegħu hi bħal ta’ omosesswali allura hu iktar faċli li jikteb favur lomosesswalità? 

Mhux faċli taqta’ linja bejn dak li hu dritt tal-qarrej għallinformazzjoni sħiħa u r-rispett tal-ħajja privata tal-ġurnalist. Ma taħsibx li din l-ittra tiegħek hi ossessjoni ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam massess? Qiesu politiku jrid ikun evalutat biss jew prinċipalment fuq is-sesswalità tiegħu jew tagħha. 

Hemm valuri wisq iżjed importanti li kattoliku jrid jieħu in konsiderazzjoni lil min se jagħti l-vot: l-integrità, is-sinċerità, l-onestà, is-sens ta’ servizz, ir-rispett lejn il-minoranzi; is-sens ta’ ġustizzja... Dawn il-valuri kollha, skont l-opinjoni tiegħi, huma wisq iżjed ta’ importanza meta niġi biex nivvota. Waqt li nagħmlu sew li nitkellmu fuq l-omosesswali u dak kollu li hemm marbut mad-drittijiet tagħhom imma fl-istess ħin irridu nibbilanċjaw il-valuri tal-omosesswali mal-valuri oħra ta’ stabbiltà u permanenza ta’ żwieġ bejn raġel u mara. Jekk anki omm waħda li qed taqra dan ifisser li għandha taċċetta b’mod sħiħ lil binha omosesswali; jekk anki qarrej wieħed jitgħallem jirrispetta lil ħaddieħor li hu divers minnu – allura dan li ktibt ikun serva l-iskop tiegħu.
“Jiena ma naqbilx ma’ min jgħid li l-istat m’għandux jindaħal fil-kamra tassodda taċ-ċittadini tiegħu. Hu veru li kull ċittadin hu liberu li jġib ruħu kif irid fil-kamra tas-sodda tiegħu... imma mbagħad mhux sewwa li wara li jkun għamel li jrid imur għand l-istat (iċ-ċittadini) biex iħallsulu l-mard u linkwiet li jidħol fihom.

Huma ċ-ċittadini li mit-taxxi tagħna qegħdin iħallsu għad-dnubiet li jsiru f’isem il-libertà filkamra tas-sodda. L-istat m’għandux iħallas mittaxxi tagħna lis-single mothers, mard tan-nisa, infezzjonijiet u kull xorta ta’ mard li jiġu mis-sess qabel iż-żwieġ.”
Fr Colin Apap
frcolin@global.net.mt

No comments:

Post a Comment