Sunday 19 August 2012

INews Malta: Il-każ Joanne Cassar b'impatt fl-Ewropa u lil hinn

http://www.inewsmalta.com/dart/20120726-il-ka-joanne-cassar-impatt-fl-ewropa-lil-hinn
09:53 | 27.07.2012


Il-każ ta’ Joanne Cassar, persuna transgender li l-istat Malti rrifjutalha d-dritt li tiżżewweġ se jkun deċiż mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iktar tard din is-sena. Anke jekk għad mhijiex stabilità d-data meta se jinstema l-każ fil-midja internazzjonali u fost dawk li jsegwu mill-qrib każi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, id-diskussjoni dwaru diġà bdiet.

Fost oħrajn, il-ġurnal elettroniku Amerikan WND qal li jekk is-sentenza tingħata favur il-persuna transgender, jista' jinħoloq kunflitt ġdid. Esperti kienu kkwotati jgħidu li l-gvern Malti jista' jirrifjuta li jaċċetta din id-deċiżjoni, anke jekk imkejjen viċin il-Ministeru tal-Ġustizzja qalu magħna li dan m’għandux ikun il-każ.

Fl-2006, Joanne Cassar, flimkien ma' dak li kien l-għarus tagħha applikaw biex jinħarġulhom it-tnedijiet taż-żwieġ mir-Reġistratur taż-Żwiġijiet. Dawn ma nħarġux minkejja li Cassar kienet għamlet operazzjoni fejn bidlet is-sess tagħha. Fil-fatt, riżultat ta’ din l-operazzjoni hija setgħet tibdel is-sess tagħha minn fuq il-karta tal-identità u ċ-ċertifikat tat-twelid.

Kien fl-2007 li Joanne Cassar rebħet kawża ċivili fejn il-qorti tat ordni lir-Reġistratur taż-Żwiġijiet biex joħroġ it-tneddijiet. Iżda, l-istat Malti appella u din il-kawża kienet revokata f'appell f'Mejju 2008.

Cassar fetħet kawża quddiem il-Qorti Kostituzjonali Maltija fejn mill-ġdid ingħatat raġun. Iżda, din is-sentenza mill-ġdid reġgħet ġiet revokata wara appell fl-2011.

Imħeġġa mill-komunità gay u transgender f’pajjiżna u lil hinn minnu Cassar fetħet kawża fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Anke jekk sforz tal-proċess legali fit-tul u diffiċli Cassar kienet tilfet lil għarus tagħha hija baqgħet tinsisti dwar id-dritt tagħha li tiżżewweġ.

Każ li nqata’ għaxar snin ilu huwa ta’ ftit tama. Fil-fatt, fl-2002 fil-każ Goodwin vs United Kingdom din il-qorti qalet li ż-żwieġ ma jistax ikun ibbażat biss fuq is-sess bioloġiku. B'hekk Christine Goodwin, transgender ingħatat id-dritt li tiżżewweġ raġel fir-Renju Unit.

Fl-appell il-Qorti Kostituzjonali Maltija kienet qalet li l-każ Goodwin vs United Kingdom m'għandux ikun applikat għall-Malta minħabba li dan kien jinvolvi “inġenerija soċjali” ibbażati fuq normi soċjali li evolvew u mhux fuq il-liġi.

Sadanittant fuq dan il-każ qed issir pressjoni sħiħa kemm minn gruppi favur id-drittijiet tat-transgender u anke minn attivisti li ma jixtiequx li nies transgender ikollhom id-dritt taż-żwieġ.

“In-nies transgender għandhom kwistjoni medika, għandhom bżonn ħajja aktar faċli mhux aktar kumplessa u Malta qed tagħmel ħafna biex tiffaċilità kemm tista' l-ħajja ta' kuljum tagħhom. Imma meta wieħed ikun qed jitkellem fuq il-kwistjoni ta' żwieġ u familja, il-qorti għandha tgħid li d-dritt ta' żwieg u d-dritt li tifforma familja huwa dritt wieħed u mhux żewġ drittijiet, u ma tagħmel l-ebda sens li tisforza stat biex jagħti d-dritt ta' żwieġ lil xi ħadd li m'għandux din il-kriterja,” qal Grègor Puppinck, id-Direttur taċ-Ċentru Ewropej għal-Liġijiet u Ġustizzja (ECJL) waqt intervista mal-ġurnal WND.

Jekk - kif trid din l-organizazzjoni - id-deċiżjoni tal-2002 tkun rivokata jista' jkun hemm riperkussjonijiet legali u soċjali fuq transgender miżżewġin fir-Renju Unit. Intant, l-artiklu tal-WND jgħid ukoll li din id-deċiżjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-Ewropa u saħansitra jinfluwenzaw l-Istati Uniti

No comments:

Post a Comment