Friday 6 July 2012

It-Torċa: Tibda l-ġimgħa dedikata għall-persuni LGBT b’marċ f’Tas-Sliema Qbil dwar il-bżonn tal-ugwaljanza

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=42304
1.7.12 minn Melvin Farrugia

Bħala parti mill-ġimgħa ddedikata għall-persuni LGBT, magħrufa aktar bħala l-Pride Week, ilbieraħ fl-10.30am ittellgħet attività fejn diversi persuni minn kull tip ta’ orjentazzjoni sesswali ltaqgħu flimkien u mxew minn ħdejn il-monument tal-familja f’Tas-Sliema lejn Triq Bisazza u spiċċaw fi Pjazza Sant’Anna.
It-TORĊA attendiet għal din l-attività u tkellmet ma’ diversi politiċi u attivisti dwar din l-attività u dak li qed isir biex jinkisbu d-drittijiet mistħoqqa ta’ dawn in-nies.

F’kumment li tatna l-kordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM), Gabi Calleja, hi qalet li din l-attività hi waħda importanti għax tesponi għall-pubbliku kemm hawn nies li jifformaw parti minn din il-komunità. Hija manifestazzjoni li ssir madwar id-dinja kollha f’pajjiżi fejn jitħallew isiru dimostrazzjonijiet ta’ dan it-tip mingħajr ma tinħoloq vjolenza.

Bħala moviment huma solidali ma’ dawk il-persuni LBGT f’dawk it-80 pajjiż fejn li tkun omosesswali għadu kkunsidrat bħala att kriminali. Jemmnu wkoll li kulħadd għandu jaċċetta li fi ħdan il-komunità jkun hemm id-diversità u kulħadd ikun stmat l-istess.

Mil-lat soċjali, Calleja qaltilna li sar progress hekk kif qed ikun hemm aktar għarfien dwar l-LGBT u anke fil-lat legali qegħdin isiru liġijiet li jgħinu li jingħataw l-istess drittijiet lil dawn il-persuni. Kien hawn li rreferiet għaż-żewġ bidliet fil-liġi li saru fl-aħħar ġimgħatejn u li kienu jikkonċernaw lil nies b’orjentazzjoni sesswali differenti. Dawn il-bidliet jinkludu l-liġi li tindirizza reati dwar mibegħda, li issa tinkludi anke l-orjentazzjoni u l-identità sesswali; u l-liġi l-oħra li wessgħet il-Kum-missjoni Nazzjonali dwar il-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) biex tinkludi wkoll l-orjentazzjoni u l-identità sesswali.

Tkellimna wkoll ma’ Cyrus Engerer li flimkien ma’ LGBT Labour qed jaħdem fis-sħiħ għad-drittijiet ta’ dawn in-nies. Qalilna li minkejja l-fatt li huma jaħdmu fi ħdan partit politiku, ma ddejqux jaħdmu mal-MGRM u anke mal-gvern preżenti biex id-drittijiet ta’ dawn in-nies ikunu protetti b’liġijiet li huma adattati.

Qalilna wkoll li l-Partit Laburista ilu jaħdem għad-drittijiet tal-LGBT fejn anke fl-imgħoddi kien hu li tahom id-dritt li joħorġu fil-beraħ u juru l-identità sesswali tagħhom. Minkejja dak kollu li nkiseb matul iż-żmien, xorta għad fadal diversi familji li mhumiex rikonoxxuti quddiem il-liġijiet Maltin.
Engerer qal li wara s-sena li għaddiet, fejn daħal id-divorzju minkejja l-ideat konservattivi li kien hawn, issa hemm bżonn li nerġgħu ningħaqdu biex ikun hawn l-ugwaljanza. Qal ukoll li għandna bżonn gvern li mhux biss jifhem iżda li jkun konvint u jieħu l-passi li hemm bżonn biex kulħadd ikun stmat l-istess.

Ikkummenta wkoll magħna d-deputat Laburista Leo Brin-cat li ħassu kburi li bħala membru parlamentari kien preżenti biex jagħti l-appoġġ tiegħu lil dawn in-nies. Qalilna li dawn in-nies mhux min juri s-simpatija magħhom iridu jew inkella li xi ħadd jitħassarhom. Li jridu huma drittijiet li jkunu stmati bħal kulħadd. F’isem il-Partit Laburista hu qalilna li bħala partit dejjem ħadmu biex imexxu ’l quddiem id-drittijiet tal-‘gays’ u li fil-futur, meta jkunu fil-gvern se jkomplu jagħmlu dan bl-aktar mod sħiħ.

Preżenti għal dan il-marċ kien hemm ukoll il-Ministru Chris Said li tkellem mat-TORĊA dwar id-diversi avvanzi li saru, iżda qal ukoll li minkejja dan għadna ma wasalniex. Saħaq fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li nkabbru l-inklużjoni. Irrefera wkoll b’sodisfazzjon għal-liġijiet li saru fl-aħħar ġimagħtejn.

Intant, kellmitna wkoll l-Ambaxxatriċi Amerikana Gina Abercrombie-Winstanley li kienet preżenti u qaltilna li dawn l-attivitajiet huma importanti għax għandna r-responsabbiltà li jkunu ris-pettati d-drittijiet tal-bnedmin kollha minkejja d-differenzi li jista’ jkun hemm bejn persuna u oħra. Kulħadd għandu x’joffri u ħadd mhu inqas minn ħadd. Irreferiet għal dak il-valur li tant jisħaq fuqu l-President Amerikan Barack Obama, l-inklużjoni soċjali.

L-attivitajiet tal-Pride Week issa jkomplu sejrin sas-7 ta’ Lulju fejn se jittella’ l-LGBT Film Festival fit-2, 3 u s-6 ta’ Lulju fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta u li jibda fid-9.00pm. Imbagħad ikun hemm attività oħra ta’ WomenSpace li ssir l-Erbgħa, 4 ta’ Lulju f’Tal-Ferħa Estate fil-Għargħur mit-8.00pm ’il quddiem

No comments:

Post a Comment