Monday 31 October 2011

L-Orizzont: Raġel “isir” gay wara inkwiet mal-mara

http://www.orizzont.com.mt/Archives.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=76207
31.10.11

Żwieġ bejn koppja kien annullat wara li rriżulta li r-raġel kien gay anke jekk fil-kawża sostna li huwa sar hekk minħabba l-inkwiet li kellu mal-mara.
Il-koppja żżewġet fis-27 ta’ Mejju tas-sena 1994 meta huwa kellu 25 sena u hi kellha 24 sena wara relazzjoni ta’ erba’ snin bejn­iethom. Wara sena miż-żwieġ twieldet tifla.
Il-mara spiċċat mardet u kellha tmur għall-kura l-Ingilterra bil-konsegwenza li r-relazzjoni ta’ bejniethom kom­pliet tmur lura. Wara tliet snin u nofs infirdu u l-mara welldet tarbija minn relazzjoni barra ż-żwieġ.
Hija talbet lill-Qorti tal-Familja biex tannulla ż-żwieġ u fl-awla qalet li għalkemm l-għerusija ta’ bejniethom damet erba’ snin hija ma kinietx konvinta li huwa kien interessat fiha.
Huwa kien ġabilha l-iskuża tal-moralità u r-reliġjon u ċaħad li kellu tendenzi omosesswali. Skont hi, huwa ma xtaqx li jkollhom it-tfal imma ried li jadottaw u flok jiżżewġu ried li jikkoabitaw.
Il-mara ddeskriviet il-ħajja sesswali bħala waħda li ma kinitx feliċi għax ma riedx ikollu x’jaqsam magħha u wara t-twelid tat-tifla kien jevita li jkunu intimi.
Wara li mardet ir-relazzjoni kompliet tmur lura u saret taf li kien qed jara raġel ieħor. Skont hi, ir-raġel qalilha ċar u tond li kien gay.
Min-naħa tiegħu r-raġel ċa­ħad l-allegazzjonijiet tagħ­ha, sostna li qabel iż-żwieġ kien ikollhom x’jaqsmu flimkien u waqt iż-żwieġ dan kien isir b’mod regolari.
Skont ir-raġel, ir-relazzjoni sesswali ta’ bejniethom naqset meta hija mardet. Fl-istess waqt ċaħad li ma riedx tfal imma qal li ma riedx mill-ewwel.
Dwar ir-relazzjonijiet mal-irġiel huwa qal jekk isib l-imħabba ma’ raġel kien lest ikollu relazzjoni fiżika mie­għu.
Fil-ġudizzju tiegħu l-Im­ħal­lef Noel Cuschieri qal li huwa kellu żewġ verżjonijiet quddiemu imma iktar jemmen lil dik tal-mara minn tar-raġel.
Fil-fatt huwa kkwota lill-psikjatra Joseph Mifsud meta dan xehed li mhux kredibbli t-teżi tar-raġel meta dan qal li l-omosesswalità fih ħarġet meta kellu l-inkwiet mal-mara. “Ir-raġel kien omosesswali minn qabel iż-żwieġ. Din is-sitwazzjoni kompliet fiż-żwieġ. Mhux kredibbli meta jgħid li l-omosesswalità ħarġet min­ħabba l-inkwiet li kellu fiż-żwieġ”.
Kien għalhekk li l-Imħallef Cuschieri laqa’ it-talba tal-mara u annulla ż-żwieġ.

No comments:

Post a Comment