Friday 21 October 2011

L-Orizzont: Għandhom persuni tal-istess sess jingħataw id-dritt li jiżżewġu?

L-imħabba bejn il-gays m’għandha xejn inqas
13.10.11 minn Melvin Farrugia

Fl-Ingilterra mistenni li l-gvern imexxi ’l quddiem il-pjani li jidħol fis-seħħ iż-żwieġ bejn koppji omosesswali, saħansitra bl-intervent ta’ David Cameron innifsu. Barra minn hekk, mistenni li l-Ingilterra tkun waħda mill-mexxejja fid-dinja li taqbeż għad-drittijiet tal-persuni omosesswali. Sal-lum, l-omosesswali u l-lesbjani fl-Ingilterra jistgħu jidħlu f’‘par­tnership’ ċivili, li joffri ħafna mill-protezzjonijiet legali taż-żwieġ, iżda l-kelma żwieġ għad­ha ma tissemmiex. Qed jissemma li fil-pjani hemm li koppji tal-istess sess ikun jista’ jkollhom żwieġ “komplut” fl-uffiċċji tar-reġistrar bħal kull koppja oħra eterosesswali u dan kollu sas-sena 2015.


Fil-każ ta’ Malta, sal-lum għadu mhux possibbli li persuni tal-istess sess jidħlu għall-pass taż-żwieġ u mhuma rikonoxxuti bl-ebda mod. Dwar dan l-oriz­zont staqsa kemm lil Albert Gau­ci Cun­ningham, li hu persuna gay, kif ukoll lil Fr Colin Apap biex jagħtuna l-opinjoni tagħ­hom dwar kif jaħsbuha fuq iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess.

Albert spjegalna li hu jaqbel li koppji gay jiżżewġu. Dan mhux bi pjaċir iżda bi dritt. Ir-raġuni hi li l-imħabba li jħoss persuna gay mhi xejn inqas minn dik li jħossu persuni eterosesswali u qal li hu mhu se jaċċetta qatt li fuq livell ta’ stat tkun valutata bħala inqas minn relazzjoni ete­rosesswali.
Hi realtà tal-lum li hawn kopp­ji gay u skont Albert il-problema ta’ dan il-pajjiż hi li hawn nies li minflok iħarsu lejn ir-realtà jipp­rovaw iħarsu lejn in-naħa l-oħra bħallikieku din ma teżistix.

Albert semma wkoll il-liġi tal-koabitazzjoni. Għalih din hi insult għax biha l-Istat qiegħed jgħid lill-persuni gay li r-relazzjoni tagħhom hi bħal dik bejn żewġt aħwa jew kuġini. Din bl-ebda mod mhi l-istess u skont Albert, jekk il-liġi tal-koabitazzjoni se titressaq b’dan il-mod, allura se tkun żbaljata mill-bidu. Il-mod kif inhi interpretata, li fl-istess kategorija hemm relazzjonijiet bejn koppji gay u anke dawk bejn aħwa, mhijiex tajba.
Il-koabitazzjoni fiha nnifisha hi li żewġ persuni jkunu jgħixu flimkien. Albert jixtieq li l-Istat lilu jarah bħala persuna li qiegħda f’relazzjoni ma’ persuna oħra li jħobb, f’xi ħaġa li jaħdmu għa­liha t-tnejn bħal koppji eterosess­wali. Albert spjegalna li hi res­ponsabbiltà tal-Istat li jivvaluta r-relazzjoni ta’ bejn persuni gay bħala espressjoni ta’ mħabba u li mhix xi att kriminali. Qalilna wkoll kemm mhux faċli li tħares madwarek u tara lil nies oħrajn jiżżewġu u int ma tistax. Tibda tistaqsi x’għandek ħażin u min hu l-Istat biex ma jħallikx taspira għal dak li tixtieq. Għal Albert dak li jixtiequ l-persuni gay hu l-istess bħalma jixtiequ nies oħrajn u kultant nintilfu fuq il-legaliżmi u ninsew li fl-aħħar mill-aħħar din hija mħabba u kollox idur fuq l-emozzjonijiet li tħoss persuna.
Albert jemmen ħafna fil-valur taż-żwieġ u tal-familja. Jemmen li ż-żwieġ hu pass lejn rabta aktar b’saħħitha. Filwaqt li hu jħos­su persuna liberali, fejn jid­ħol iż-żwieġ hu jħoss li hu konservattiv għax iħobb ħafna l-fa­milja u jixtieq li jkollu dak kollu li kellhom ommu u missieru qab­lu, bid-differenza li minflok ma’ mara jkun ma’ raġel.

Żwieġ jew isem ieħor

Albert spjegalna li hemm tliet kategoriji ta’ sistemi kif jistgħu jitqiesu r-relazzjonijiet. Hemm dawk li jissej­ħu ‘civil partnerships’, is-‘civil unions’ u fl-aħ­ħar hemm il-koabitazzjoni. Il-koabitazzjoni hi l-inqas forma fost dawn it-tlieta, li toffri l-inqas drittijiet. Is-‘civil union’ tagħ­ti drittijiet kważi daqs iż-żwieġ; bħall-assi u anke n-‘next of kin’.


Fil-każ tas-‘civil partnership’ l-Istat jagħti ċerti drittijiet li jku­nu maħdumin skont ma jitlob il-pajjiż, fis-sens li jagħti ċerti drittijiet u jaf ineħħi oħrajn skont ma jara li hemm bżonn.


Albert qal li ma jħossx li hu ġust li koppji eterosesswali jista’ jkollhom id-drittijiet kollha u l-persuni gay le. Għalih il-koabi­tazzjoni mhix soluzzjoni u tirrif­letti kif jaħsibha dan il-gvern dwar il-gays, li jaċċettahom u jit­tollerahom iżda jieqaf hemm.
Għal Albert, il-persuni gay għan­du jkollhom l-istess possibilitajiet bħal kull persuna oħra u dak li jitressaq meta ssir il-liġi għandu jkun jinvolvi anke l-aspirazzjonijiet ta’ dawn in-nies. L-aspirazzjonijiet ta’ nies bħalhom ma jweġġgħu lil ħadd u jekk jaslu l-aspirazzjonijiet tagħ­hom, eluf ta’ persuni jistgħu jku­nu kuntenti u jgħixu ħajjithom komdi.
Min-naħa l-oħra, Fr Colin qalilna li hu jħoss li għall-ġid komuni għandna nużaw il-kelma “żwieġ” biex nirreferu għal kopp­ji bejn raġel u mara, u jħoss li tonqos il-konfużjoni jekk nirreferu għall-għaqda legali bejn l-omosesswali bħala ‘civil un­ion’ bħalma fil-fatt hemm f’di­versi pajjiżi Ewropej.

Kif iħossu llum


Illum Albert iħossu żvalutat għax ma jistax jilħaq l-aspirazzjo­nijiet tiegħu. Iħossu inqas minn ħaddieħor u li r-relazzjoni tagħ­hom qisha ma teżistix. Għalih dan mhux aċċettabbli u jiddej­jaq li l-Istat li jirrappreżentah ma jikkalkulahx bħalma jamlu pajjiżi oħrajn. Hu ma jħossx li biex jgħix kuntent għandu jitlaq minn pajjiżu, ma jridx li jgħix ir-relazzjoni tiegħu fil-moħ­bi.

Għalih il-messaġġ tal-Istat hu wieħed ċar u għalkemm mhux wie­ħed dirett xorta qed jasal għand in-nies. Skont Albert, l-is­tat jaċċetta u jittollera lil dawn il-koppji, iżda għalih ir-relazzjoni ta’ dawn in-nies hi inqas u qiegħed ixerred dan il-ħsieb mal-poplu kollu. Semmielna l-eżempju tal-emendi dwar il-liġi tal-kera, fejn il-Partit Laburista res­saq emendi biex jiġu meq­jusin koppji gay u r-reazzjoni tal-Ministru Tonio Borg kienet “hekk jonqosna issa”. Għal Albert din tfisser li huma mhu­miex aċċettati u l-Istat ma jir­rapp­reżentax l-aspirazzjonijiet tal-persuni gay.

Rabja

Spjegalna wkoll li filwaqt li r-rabja dejjem kienet diretta lejn il-Knisja, li skont hu xerrdet l-idea ta’ “jaħasra” u “msieken”, hu jħoss li l-affarijiet m’għand­homx jieqfu hemm, bħalma tara f’bosta programmi televiżivi fejn ikollok sala nies jitkellmu u qassis wieħed fin-nofs. Għalih dwar dan iridu jirrispondu wkoll ir-rappreżentanti tal-poplu għax huma dawn li jridu jbiddlu l-liġijiet.

Skont Albert ma nistgħux nib­qgħu nistennew li tinbidel il-mentalità tan-nies. Ġab eżempju b’politiċi bħal Duminku Min­toff li ġew ikkritikati għax marru kontra l-mentalità tan-nies iżda fl-aħħar mill-aħħar wettqu dak li kellu jsir u dak li kien ġust li jsir. Fost l-oħrajn semma li ma baqax jitqies bħala att kriminali li tkun omosesswali.

Il-Knisja u l-Istat

Dwar dan kellimna wkoll Fr Colin li spjegalna li fuq livell prattiku l-Knisja trid tibqa’ tgħal­lem l-ideal ta’ żwieġ bejn raġel u mara, esklussiv u għal dejjem. Min-naħa l-oħra, l-Istat, li hu għaċ-ċittadini kollha, kattoliċi u mhumiex, irid jgħaddi dawk il-liġijiet li jħarsu l-ġid komuni. Mhux kulma hu moralment ħa­żin għall-Knisja Kattolika jġie­għel lill-Istat jilleġiżla skont tagħ­limha. Fr Colin spjegalna wkoll li ħaf­na stati llum għandhom liġijiet li jħarsu l-għaqda ċivili bejn l-omosesswali, id-drittijiet tagħ­hom, ineħħu kull tip ta’ diskri­minazzjoni fis-soċjetà bbażata fuq l-orjentament sesswali u anke jgħaddu liġijiet dwar l-adozzjoni tat-tfal minn koppji stabbli omosesswali.

It-tfal fi żwieġ gay

Rigward it-tfal, Albert qal li hemm perċezzjonijiet differenti u l-argument komuni ta’ ħafna nies sar li persuni gay jistgħu jiżżewġu iżda ma jitħallewx ja­dottaw tfal għax inkella jistgħu jħawdulhom is-sesswalità tagħ­hom. Dwar dan Albert qal li l-ar­gument jaqa’ kollu meta tikkon­sidra nies bħalu li ġejjin minn familja ta’ nies ‘straight’.


Hu personali jħoss li kieku għalissa ma jadottax tfal min­ħabba li bħala pajjiż għadna m’aħ­niex lesti u jista’ jkun hemm riperkussjonijiet fuq it-tfal. Ma jħossx li t-tfal għandhom isofru minħabba fih.

Minkejja dan, hu qal li lanqas ma rridu noqogħdu b’idejna fuq żaqqna u nistennew il-mentalità tinbidel. Hu jħoss li l-mentalità hi hekk minħabba l-injoranza fuq dan is-suġġett u ssuġġerixxa li dan għandu jkun il-pajjiż li jistudja dwar it-trobbija tat-tfal minn persuni gay.

Filwaqt li fil-każ taż-żwieġ, Albert iħoss li hi biss kwistjoni ta’ emozzjoni, fil-każ tat-tfal hu jħoss li għandhom isiru ċerti konsiderazzjonijiet, bħalma jsir ma’ koppji eterosesswali. L-is­tess qabel ma’ dan l-argument Fr Colin li qal li “l-adozzjoni għandha ssir fuq kriterji oġġettivi u dawk li l-ewwel nett iħarsu l-ġid tat-tfal infushom”.

Albert qal li “l-ewwel prijorità għandha dejjem tkun il-ħarsien totali tal-‘welfare’ tat-tfal”. Jekk il-koppja ma tkunx kompatibbli allura dawn m’għandhomx jin­għataw it-tfal. Trid tkun sistema retta iżda jekk jiġi ċċekkjat kollox u jkun jidher li l-koppja huma tajbin biex irabbu allura ma jħossx li għandek tiċħdilhom dan id-dritt.

Minkejja dan, Albert ħassu mħasseb sew dwar is-soċjetà li għadha mhix ippreparata u allu­ra jinkwieta jekk ikunx hemm riperkussjonijiet fuq it-tfal.

Il-Knisja u l-gays

Intant, Fr Colin spjegalna li Alla jħobb lil uliedu kollha, bla distinzjoni u bla ma jikklassifikahom skont il-lewn tal-ġilda, il-kultura tagħhom, l-intelliġenza tagħhom, jekk hux nisa jew irġiel, jekk hux tajbin jew ħżie­na, jekk hux twal jew qosra, Ame­rikani jew Ażjatiċi, inkella humiex eterosesswali jew le. Alla, li waqqaf il-Knisja Kattoli­ka, hu Alla ta’ kulħadd u kul­ħadd hu wliedu indistintivament. Ma jagħmilx preferenzi u jħobb lil kulħadd. Aħna kollha aħwa taħt l-istess missier f’famil­ja waħda “kattolika”, li tfisser “universali”.

F’din il-familja, Alla sebbaħ lill-bniedem bl-isbaħ rigal: il-li­bertà. U għax il-bniedem hu liberu li beda jpoġġi f’kategoriji differenti lil ħutu l-bnedmin, ħoloq reliġjonijiet, ideoloġiji, in­kwiżizzjonijiet, twemmin biex joqtol bniedem ieħor, ħo­loq l-iskjavitù u ġġustifikaha bil-kelma t’Alla stess, l-istess bħal­­ma għamel meta ħoloq il-piena kapitali u l-‘ethnic clean­sing’, biex razza tkun superjuri għal oħra.

Fr Colin fiehem kif sal-lum għadna nisimgħu kif il-“poplu magħżul” minn Alla jisraq l-artijiet okkupati u jistma lill-Palestinjani bħala razza inferjuri. Il-preġudizzji ta’ wlied Alla jwasslu lil dan il-poplu ta’ Alla biex f’isem Alla stess jistmaw 10 sa 15 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja bħala nies imwarrbin u diskriminati għax twieldu “differenti” mill-maġġoranza, għax jitwieldu omosesswali. U diversi reliġjonijiet, f’isem Alla jew f’isem Allah, jagħmlu minn kollox biex lil dawn l-omosesswali joqtluhom fil-pjazez, iħaġġ­ruhom u jagħmlulhom ħajjit­hom impossibbli, tant li jġegħ­luhom iwettqu suwiċidju.
Skont Fr Colin, il-Knisja Kattolika tgħallem li Alla ma jqisx lil uliedu fuq l-orjentament sess­wali tagħhom u lkoll aħna wliedu bla ebda kundizzjoni. Il-Knis­ja Kattolika, li tħaddan il-kelma t’Alla stess, għax trid li kull bnie­dem jgħix il-libertà tiegħu b’mod sħiħ, tgħallem kif is-sess­walità tal-bniedem, ta’ kull bnie­dem, hi forza pożittiva qawwija ħafna u hi ta’ valur kbir li Alla tahilna biex nieħdu sehem fil-ħolqien ta’ bniedmin oħrajn u ntejbu lin-natura. Iżda nafu wkoll li l-forza sesswali fil-bniedem daqskemm tista’ tintu­ża taj­jeb tista’ tintuża biex bnie­dem jisfrutta lil ħaddieħor u lilu nnifsu stess. Kemm isiru delitti f’isem il-libertà sesswali, vjolenza domestika u anke barra d-dar. Kemm tintuża din il-forza sesswali biex toħloq ilsiera ġodda minn nisa, tfal u tfajliet. Biżżejjed naqraw l-aħbarijiet…

Il-Knisja turi s-sbuħija tas-sesswalità imma hi wkoll realistika u tirrakkomanda lil kul­ħadd, li din il-forza tista’ tintuża kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Fl-aħħar mill-aħ­ħar, hi l-kuxjenza fformata u ffor­mata li trid tagħżel kif tuża s-sesswalità tagħha. X’tip ta’ ħaj­ja sesswali u ma’ min.
Għall-preservazzjoni tal-uma­ni­tà hi ovvja li l-“ideali”, sal-lum tal-inqas, jidher li fedeltà dejjiema bejn raġel u mara, għal dejjem, tagħti l-aktar garanziji ta’ stabbiltà soċjali. Iżda tnejn omosesswali wkoll iridu jgħixu l-intimità ta’ bejniethom i jwegħdu lil xulxin permanenza u esklussività. Bħalma l-eterosesswali mhux dejjem jirnexxielhom jgħixu l-“ideal” anke l-omosesswali ġieli jirnexxielhom u ġieli le.

Għal Fr Colin, il-Knisja hi omm u għalliema. Tħaddan fiha mezzi, imsejħin sagramenti, li jgħinuna biex meta ma nirnexxux f’li ngħixu l-ideal ikollna ċans li nerġgħu nibdew inħħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna.

Jiddependi mill-koppja nnifisha kemm tkun matura u x’ħila psikoloġika għandha biex tibni relazzjoni permanenti u esklussiva. Mhu faċli għal ħadd li ngħixu dejjem l-ideal. Għalhekk importanti li nibnu rapport veru ma’ Alla, mal-proxxmu u magħna nfusna biex ngħixu din il-mixja b’mod sħiħ. L-agħar, skont Fr Colin, hu meta naqtgħu qalbna jew nieqfu nfittxu l-ogħla forom ta’ mħabba vera.

No comments:

Post a Comment