Tuesday 4 October 2011

It-Torċa: Mard trasmess sesswalment iktar reżisteni għall-antibijotiċi

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=538
2.10.11 minn Victor Vella

Quddiem il-mod kif żdiedu l-każi ta' mard trasmess sesswalment fosthom il-Gonor-r-hoeae u l-Chlamydia, fl-aħħar jiem it-tobba Maltin kienu "mwissijin li ċerti tipi ta' mard trasmess sesswalment saru reżistenti għall-antibijotiċi li l-aktar li jintużaw għal kura ta' dan l-istess mard. It-tobba qegħdin ikunu nfurmati li l-Neisseria Gonorrhoeae saret reżistenti għall-ciprofloxacin, waqt li l-Chlamydia Trachomatis ukoll saret reżistenti għall-antibijotiċi.

It-tobba Maltin, fl-aħħar jiem kienu mgħarrfa mid-Dipartiment għar-Regolazzjoni Saħħa Pubblika, li trattament ħażin għall-mard trasmess sesswalment mhux biss iwassal għal żieda f'dan it-tip ta' mard iżda jista' jwassal għal kumplikazzjonijiet fosthom infertilità u problemi fit-tqala. Id-dipartiment irrakkomanda lit-tobba li joqogħdu attenti kif jitrattaw mard trasmess sesswalment u rrakkomanda biex il-każi li jaslu quddiem it-tobba jkunu referuti lill-GU Clinic fl-Isptar Boffa, fejn hemmhekk jingħataw pariri ta' x'għandhom jagħmlu biex jikkuraw il-marda.
Id-dipartiment qed jenfasizza wkoll li każi urġenti għandhom jingħataw attenzjoni fi żmien 48 siegħa. Jekk wieħed jieħu s-sena 2010 naraw li b'kollox kienu rapportati 234 każ ta' mard li jkun trasmess sesswalment. Minn dawn kien hemm 138 każ ta' Chlamydia, 47 każ ta' Gonorrhoeae u 25 każ ta' Syphilis. Ma' dawn kien hemm ukoll 18-il każ ġdid ta' persuni li għandhom l-HIV.

Parti żgħira

Irid jingħad li dawn il-figuri huma biss parti żgħira mill-każi li jkollna f'pajjiżna fejn jidħol il-mard trasmess sesswalment. Dan għax dawn il-figuri jinkludu l-każi ta' pazjenti li jmorru fil-GU Clinic u għalhekk m'hemmx infor-mazzjoni eżatta u preċiża ta' kemm hi kbira l-problema. Il-fatt li issa qed ikun rakkomandat li każi ta' mard trasmess sesswalment jintbagħtu fil-GU Clinic għandu jgħin biex ikun hawn aktar għarfien għal dan it-tip ta' mard, li fi kliem it-tobba żdied bil-kbir f'pajjiżna. Dwar il-mard trasmess sesswalment u l-ippjanar biex f'pajjiżna jkollna politika nazzjonali dwar is-saħħa sesswali, kienu saru diversi laqgħat fil-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, fejn it-tabib Philip Carabott li jmexxi l-GU Clinic, kien qal li qiegħda tinħass il-problema li mhux kulħadd hu responsabbli biżżejjed li jekk jimrad b'infezzjoni trasmessa sesswalment ifittex l-għajnuna tal-GU Clinic. Hu kien qal li r-raġunijiet għaliex persuni infettati b'mard trasmess sesswalment ma jftittxux is-servizzi tal-GU Clinic huma varji fosthom għax il-persuni ma jkunux qegħdin iħossu uġiegħ ta' dan il-mard, jew inkella jmorru għand it-tabib tal-familja u ma jirreferux. Jgħid li hemm oħrajn li jistħu jidħlu fil-GU Clinic. Hu kien qal li t-tobba tal-familja m'għandhomx il-faċilitajiet biex jagħmlu t-testijiet bħall-GU Clinic u allura l-istatistika lokali mhix kompluta. Kien issemma' li f'Għawdex m'hemmx GU Clinic. Fil-kumitat kien intqal li quddiem ir-realtà ta' aktar mard trasmess sesswalment u l-fenomenu dejjem jikber ta' tqala fost iż-żgħażagħ u 'single parenthood', jeħtieġ aktar impenn favur relazzjonijiet b'saħħithom mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Kien issemma' li jeħtieġ li ssir edukazzjoni preventiva li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet, possibilment fl-età adolexxenzjali u post adolexxenzjali. Kien ingħad li l-iskejjel għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward u jwasslu l-messaġġ tal-fedeltà fir-relazzjoni fl-etajiet indikati.

No comments:

Post a Comment