Saturday 17 September 2011

L-Orizzont: Editorjal: B’kejl differenti

15.9.2011

Dan il-ġurnal irrapporta diversi drabi dwar sit soċjali fuq facebook imsejjaħ “DNA NAZZJONALIST BISS SAL-MEWT.” Minkejja li dan is-sit kien (għax sparixxa) qiegħed ixerred il-mibgħeda razzjali u jħeġġeġ politika u miżuri razzisti fil-konfront ta’ ħutna l-immigranti u persuni LGBT, il-Puliżija għadha ma ħadet ebda passi kontra membri tiegħu. Jidher ċar li l-Pulizija qed timxi b’kejl differenti bejn dan is-sit razzista, u l-każ ta’ żagħżugħ Malti li insulta lill-Papa fuq grupp fuq il-facebook li kien kontra l-miġja tiegħu f’Malta. Waqt li kaxkritu l-Qorti f’qasir żmien, u sew għamlet, lanqas biss ċaqalqet suba’ biex tinvestiga r-razziżmu estremist imbottat minn dan is-sit. Ir-raġuni jafuha biss il-Pulizija. Jista’ jagħti l-każ li din qiegħda tibqa’ lura milli tieħu passi kontra dan is-sit “soċjali” għax bħala membri tiegħu hemm ministri, segretarji parlamentari, uffiċjali għoljin tal-PN, MPs tal-PN, impjegati f’karigi sensittivi fiċ-Ċivil, iż-żewġ MEPs Busuttil u Casa, u anke x-xandar Joe Azzopardi. Jalla mhux hekk u hemm raġunijiet oħrajn li l-Pulizija għadha ma tħarkitix kontra dawn in-Nazzjonalisti razzisti.
Iżda huwa sinifikanti wkoll kif is-Segretarju Ġenerali tal-PN Dr Paul Borg Olivier waqa’ f’ħemda tal-mewt dwar dan is-sit u kien biss wara jumejn li rċivejna tweġiba mqanżħa fejn qalu li jiddiżassoċċjaw ruħhom mill-kummenti razzjali u omofobiċi li saru. Il-kitba u l-argumenti razzisti li kont issib f’dan is-sit li kien jiftaħar li hu ”Nazzjonalsit biss sal-mewt,” huma l-istess, bħal tar-razzista Nażista Julius Streicher li kien jippubblika fil-ġurnal DER STURMER (Il-Kumbuttent) u Joseph Goebbels f’DER ANGRIFF (L-Attakk). Suppost li kull propaganda razzista u t-tixrid tal-mibgħeda razzjali huma reati gravi u huwa dmir tal-Pulizija li tinvestighom u takkuża lill-ħatja quddiem il-Qorti. Iżda sal-lum dan għadu ma seħħx.
Mhux il-Pulizija biss suppost li tqum fuq tagħha biex teqred il-kankru soċjali tar-razziżmu fil-bidu, meta għadu l-waqt. Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi, bil-korpi kostitwiti b’kollox suppost li ilhom li pprotestaw kontra dan l-estremiżmu Nażista li qed jinbet fostna. Sal-lum ebda korp, ma kkundanna din il-mibgħeda kollha. Anke l-Knisja Kattolika baqgħet lura milli tikkundanna dak miktub. Jekk hawn twemmin li huwa għal kollox bil-maqlub għal dak li mhux biss wasslilna, iżda miet għalih Ġesu Kristu hu dak tal-imħabba u l-għaqda fost il-ġnus. Mid-dehra, dawk li dejjem jippretenduha ta’ Kattoliċi iżjed mill-Papa u gwardjani tat-tradizzjonijiet Insara ta’ dawn il-Gżejjer, b’mod konvenjenti nsew l-ikbar preċett li ħabbar il-Mulej, dak tal-karità u l-imħabba.
Il-gwaj għan-Nazzjonalisti hu li jafu li politikament qabdu t-triq tan-niżla u għalhekk jinsabu f’qagħda li ma jistgħux igerrxu lil dawn ir-razzisti. Mhux se jieħdu pass li jistgħu jitilfu l-voti tagħhom għax it-telfa taf tkun ferm ikbar. Għalhekk ikollhom idawru wiċċhom in-naħa l-oħra u jaċċettawhom bla ma jikkritikawhom!

No comments:

Post a Comment