Tuesday 19 July 2011

L-Orizzont: Il-qagħda ta’ persuni LGBT fil-qasam tax-xogħol... L-attitudni f’Malta għadha negattiva

19.7.11 minn Sammy Sammut

Għalkemm fil-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, f’dawn l-aħħar snin kien hemm titjib fl-attitudni ġenerali lejn persuni LGBT, f’Malta għadha qiegħda tkun irrapportata mġiba negattiva lejn persuni gay, lesbjani, bisesswali u transesswali, bħal fil-każ ta’ Ċipru, il-Greċja, il-Latvja u r-Rumanija. Dan qed iwassal għal għadd akbar ta’ persuni LGBT li jiddeċiedu ma jiżvelawx il-vera orjen­tazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom.

Din kienet waħda mill-konklużjonijiet li l-Grupp ta’ Esperti Soċjo-Ekonomiċi fil-Qasam tan-Non-Diskrim­i­nazzjoni (SEN) wasal għali­hom fir-rapport tiegħu dwar il-qagħda ta’ gruppi LGBT fil-qasam tax-xogħol fl-UE. Dan ir-rapport, li għadu kemm kien ippubblikat, huwa bbażat fuq it-tagħrif miġbur matul l-ewwel nofs tal-2010.

Is-sitwazzjoni ta’ persuni LGBT fis-suq tax-xogħol hi waħda diversa fl-Istati Membri tal-UE. Waħda mir-raġunijiet li qed twassal għal dan hi l-attitudni kulturali li ħafna drabi tirriżulta f’imġiba u livelli differenti ta’ għarfien, għalkemm persuni LGBT għadhom isibu ostakli kul­limkien, kemm biex ikunu impjegati kif ukoll fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Studji diversi li saru wrew li l-fatt li persuna tkun tagħmel parti mill-komunità LGBT jista’ jwassal għal dis­kri­mi­nazzjoni f’każi ta’ pro­mozz­joni, kundizzjonijiet tax-xogħol, salarji u oppor­tu­ni­tajiet ta’ karriera, u dan minkejja li jkollha l-istess livell edukattiv, kwalifiki u kapaċità, jekk mhux ukoll aħjar. Ċajt goff, bullying, iffittar sesswali u theddid, ġeneralment huma l-aktar forom komuni ta’ dis­kri­mi­nazzjoni li qed iħabbtu wiċċ­hom magħhom wieħed minn kull erba’ persuni LGBT fl-Ewropa.



Kummenti omofobici minn politici

Minkejja dan, teżisti riċerka limitata u ftit li xejn hu magħruf dwar is-sitwazzjoni ta’ persuni LGBT fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, l-attenzjoni pubblika u tal-midja, kif ukoll l-azzjoni politika li ssir l-aktar minn għaqdiet mhux governattivi, aktar jiffokaw fuq kwistjonijiet bħalma huwa ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, id-dritt ta’ adozzjoni u l-‘gay pride parades’, milli fuq il-qagħda li teżisti fis-suq tax-xogħol.

Dan minkejja l-fatt li s-suq tax-xogħol huwa l-qasam fejn persuni gay u lesbjani huma l-aktar vulnerabbli għad-dis­kriminzzjoni. Ir-rapport jgħid li għalkemm il-qagħda ta’ persuni transesswali tidher li hija l-aktar waħda kkumplikata fl-Ewropa kollha, kien biss f’Malta, fl-Awstrija u fil-Finlandja li qatt saret riċerka speċifika dwar dan is-suġġett.

Fl-istudju li sar f’Malta mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM) dwar "L-Inklużjoni ta’ Individwi Transesswali fil-Qasam tax-Xogħol", irriżulta li 58.1% ta’ dawk li jħaddmu huma konxji mill-ħtieġa li persuni transesswali jkunu mħarsin milli jkunu ffittati fuq il-post tax-xogħol, iżda meta kienu mistoqsijin kif se jassiguraw dan, il-maġġoranza ma wieġbux

Jintqal ukoll li d-diffikultà prinċipali biex wieħed jieħu kont tal-qagħda tax-xogħol fost persuni LGBT huwa n-nuqqas ta’ tagħrif u riċerka uffiċjali. Ħafna drabi jkunu għaqdiet mhux governattivi li jidħlu għal dan ix-xogħol iżda dawn m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jagħmlu studji fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, f’pajjiżi bħal Malta, it-tagħrif miġbur hu kkunsidrat bħala "tagħrif personali sensittiv" u għalhekk huwa pprojbit bil-liġi li dan ikun ippubbliċizzat.



Il-GWU l-unika tarka ghall-haddiema LGBT

Ir-rapport jgħid li f’Malta, b’konsegwenza tal-bullying li jeżisti fl-iskejjel, kemm stu­denti kif ukoll għalliema jżom­mu lura milli jiżvelaw orjen­tazzjoni sesswali li ma taqbilx mal-identità eterosesswali. Persuni LGBT qed ukoll isibu diffikultajiet meta jiġu biex isegwu sessjonijiet ta’ taħriġ. Jirriżulta li fl-Ewropa kien hemm persuni li ma tħallewx isegwu taħriġ b’mod dis­kri­minatorju, waqt li oħrajn kienu mistoqsijin dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħ­hom. F’Malta, waqt workshop għal trainee therapists, mara lesbjani ġiet ikkonfrontata minn min kien qed imexxi dan it-taħriġ, li ddeskriva "l-fatt li wieħed ikun gay "bħala li jikkostitwixxi "marda psi­koloġika". L-istess trainer kien meqjus bħala kompetenti biex ifassal eżami għal min irid isir terapista!

Jgħid ukoll li l-attitudni tal-politiċi lejn persuni LGBT u drittijiethom għal sehem ugwali fl-oqsma kollha tas-soċjetà għandha rwol im­portanti biex tkun in­flu­wenzata l-imġiba ġenerali. Jintqal li f’Malta, l-espressjoni ta’ fehmiet omofobiċi minn membri parlamentari u/jew persuni politiċi kellhom impatt negattiv sinifikattiv fuq l-opinjoni pubbliku lejn persuni gay. Barra minn hekk, wieħed m’għandux jagħlaq għajnejh għan-negattività li tħalli l-influwenza tal-Knisja u istituzzjonijiet reliġjużi f’dan ir-rigward.

F’Malta, kontra dak li jsir f’ċerti Stati Membri oħrajn tal-UE u b’kuntrast ma’ gruppi vulnerabbli oħrajn, la jeżistu programmi speċi­fiċi li jgħinu persuni LGBT biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol, kif lanqas mhuma inklużi kwistjonijiet LGBT fi pjani ta’ azzjoni nazzjonali għall-inklużjoni soċ­jali. Daqstant ieħor, l-imsieħba soċjali Maltin xejn ma juru impenn sostnut fejn tidħol id-dis­krimi­nazz­jo­ni bbażata fuq l-orjen­tazz­joni sesswali. Ir-rapport Ewropew jgħid li minn dawn kollha kienet biss il-General Workers’ Union li mhux biss għamlet dik­jarazz­jo­nijiet pubbliċi fa­vur il-ħad­diema LGBT iżda wkoll fasslet u ppubblikat ‘policy document’ b-isem "Twem­min".

Issir ukoll riferenza għall-fatt li l-Kummissjoni Nazz­jonali għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) m’għan­d­hiex il-poter li tqies ilmenti relatati mad-dis­­krimi­nazz­jo­ni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Jintqal li l-NCPE tat bidu għal proġetti biex tqajjem kuxjenza fuq id-diskriminazzjoni li tista’ ssir minħabba x-xorta tas-sess, razza, reliġjon jew twemmin, l-età, diżabilità fiżika jew mentali, kif ukoll l-or­jen­tazz­joni sesswali.

1 comment:

  1. It seems some things never change and it reminds me why I left Malta many years ago.It seems some things never change and it reminds me why I left Malta many years ago.

    ReplyDelete