Thursday 7 July 2011

It-Torċa: Wara l-imġiba tal-Knisja Kattolika fir-referendum dwar id-divorzju... Iħeġġu l-iskomunika

26.6.2011 minn Charlot Zahra


TWAQQAF moviment ġdid bil-għan li jħeġġeġ lill-Maltin jiskomunikaw lilhom infushom mill-Knisja Kattolika. Dan biex jiddiżassoċjaw ruħhom mill-imġiba tal-Knisja Kattolika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu quddiem il-Kurja tal-Arċisqof, it-tliet kelliema tal-Moviment "Mhux f'isimna" – Reuben Zammit, Andrew Galea u Daniel Schembri - fissru kif l-imġiba tal-Knisja Kattolika waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju fit-28 ta' Mejju 2011 kienet l-aħħar ċans.

"L-aħħar episodju f'din il-lista m'hu xejn għajr l-użu ta' tattiċi moqżieża waqt il-kampanja tar-referendum dwar id-dħul tal-liġi tad-divorzju," saħaq Andrew Galea.

Akkuża lill-Knisja Kattolika li matul il-kruċjata li wettqet, "ħadet vantaġġ mill-anzjani u nies debboli, u nisġet għanqbuta ta' biża' fost il-membri tagħha b'mod ġenerali."

Fisser kif il-Knisja "akkużat lill-membri tagħha li jkunu immorali jekk jivvotaw 'iva' għal dritt ċivili u heddithom li ċċaħadhom mis-Sagramenti li huma meqjusa essenzjali għall-ħajja spiritwali tagħhom."

"Iddiskriminat kontra Deborah Schembri billi waqqfitha milli tipprattika fil-Qorti Ekkeżjastika f'attentat biex tagħlqilha ħalqha,"qal il-kelliem ta' dan il-moviment.

Ikkundanna wkoll il-ġarr tal-morda mill-Knisja sal-post tal-votazzjoni "minkejja li l-liġi tgħid ċar u tond li wieħed ma jistax jinfluenza lin-nies waqt jum il-votazzjoni."

"Meta wieħed jikkonsidra dan kollu nħossu li ma nistgħux ma nikkundannawx dawn l-azzjonijiet, u għalhekk nistqarru li li ma rridux nibqgħu nagħmlu parti minn dak il-perċentwal tal-popolazzjoni meqjusa bħala Kattoliċi," saħaq il-kelliem tal-Moviment.

Fisser kif dan aktar u aktar meta dan il-perċentwal "ikun ikkwotat b'ċertu entużjażmu biex imexxi 'l quddiem l-għanijiet politiċi tal-Knisja Kattolika".

Attard ikkontesta l-asserzjoni li ssir spiss li 98 fil-mija tal-Maltin huma Kattoliċi, kif jingħad b'tant ħeġġa sew mill-Knisja kif ukoll mill-Gvern.

Barra minn hekk, il-Moviment qed jikkontesta wkoll l-assoċjazzjoni li wħud jipprovaw jagħmlu bejn il-fidi Kattolika u l-identità Maltija.

"Bħala ċittadini, nasserixxu d-dritt tagħna li nkunu Maltin minkejja li m'aħniex Kattoliċi – wasal iż-żmien li ċ-ċittadini li m'humiex Kattoliċi ma jibqgħux iħossuhom mhux rappreżentati mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż, jew vittimizzati minħabba l-istigma tas-soċjetà," saħaq Attard.

"Aħna nittamaw li billi niskomunikaw ruħna u ma nibqgħux parti mir-reġistru tal-Knisja Kattolika, nkunu qed nappellaw lil dawk kollha li jaqsmu magħna din ix-xewqa għal Stat sekulari u inklussiv. Stat li jirrikonoxxi kull demonizzjoni reliġjuża bħala ugwali u bħala separata minnu," saħaq Attard.

Il-kelliemi tal-Moviment fisser kif skont il-liġi Maltija, insult kontra r-reliġjon Kattolika jġib multa ikbar minn insult lejn reliġjon oħra bħall-Iżlam.

"Għalhekk qegħdin insejħu lil dawk kollha li jifhmu l-ħtieġa tas-sekulariżmu u l-ħelsien reliġjuż biex jaġitaw għall-bidla, biex niftħu d-djalogu li permezz tiegħu jwassal għall-bdil ta' Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni li jgħid li r-reliġjon tal-Istat hija dik Kattolika," appella Attard.

Fisser kif dan għandu jwassal għat-tkissir tal-"privileġġi nġusti li l-Knisja Kattolika tgawdi fil-qasam tal-edukazzjoni, il-liġi, il-politika u l-kultura, li ma swew għal xejn ħlief biex jaljenaw lin-nies li ma jsegwux id-dogma Kattolika."

S'issa hemm sitt min-nies li qegħdin serjament jikkunsidraw li jiskomunikaw lilhom infushom mill-Knisja Kattolika. Dan minn madwar mitt membru fuq il-grupp tal-facebook imwaqqaf għal dan il-għan.

Din mhix l-ewwel darba li kien hemm attentat biex nies pubblikament jiskomunikaw ruħhom mill-Knisja Kattolika.

Fl-2009, żewġ attivisti ewlenin omosesswali', Patrick Attard u Lana Turner, kienu skomunikaw lilhom nfushom bi protesta kontra l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika kontra l-omosesswalità.

No comments:

Post a Comment