Tuesday 26 July 2011

Il-Ġens Illum: Il-Partit Nazzjonalista: fejn sejjer?

23 ta'Lulju 2011 minn Fr John Avellino

F'dawn l-aħħar xhur kienu ħafna l-konsenturi li xaqqu l-ħitan tal-Partit Nazzjonalista. Fuq quddiem kien hemm id-doċċa kiesħa tad-divorzju, il-kwistjoni taż-żieda tal-Membri Parlamentari, u aktar riċenti d-diżastru ta' Arriva u r-riżenja ta' Cyrus Engerer. IL-ĠENSillum online staqsiet żewġ osservaturi tax-xena lokali jagħtu l-valutazzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni attwali tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-fehma ta' Godfrey Grima, analista u opinjonista, "il-konsenturi li qed jidhru fil-Partit Nazzjonalista jirriflettu kundizzjoni li hi ċara għal kulħadd: distakk bejn dawk li jmexxu kemm il-Partit, kif ukoll il-Gvern u l-bqija, inklużi membri tal-Partit, u dawk li soltu jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista…..

Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jidher li hemm qasma bejn dawk li jixtiequ jsostnu l-valuri tradizzjonali tal-Partit u dawk li qed jgħidu li l-Partit baqa' ankrat fil-passat. Dan hu veru?

"Ma naħsibx li l-problema tal-Partit Nazzjonalista hi dik li hu ankrat fil-passat. Għandu żgur problemi mal-ġenerazzjoni ġdida fi ħdanu, imma I-Partit Nazzjonalista, mibni kif inhu fuq is-slogan 'Reliġjon u Pajjiż' hu d-dar naturali għal dawk li huma kontra, kemm l-omosesswalità, kif ukoll id-divorzju.

"Ma jfissirx li b'daqshekk hemm xi għajta għal rivoluzzjoni fil-Partit, jew li din is-sitwazzjoni se tnaqqaslu ċ-ċansijiet tiegħu fl-elezzjoni li jmiss. Li jista' jtellfu l-elezzjoni li ġejja huma l-ilmenti li semmejt aktar 'l fuq. Huma dawn l-ilmenti li jagħmlu lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jidher qiesu xi partit Afrikan awtokratiku, aktar minn partit Ewropew. Din l-istess osservazzjoni qasamha miegħi dan l-aħħar ħabib ġurnalista Ingliż li żar Malta, li sostna li għal ta' ġewwa jidher li kollox hu bħalikieku bi dritt divin, waqt li dawk ta' barra jibqgħu jittewbu sakemm jerġgħu jsostnu ruħhom bil-wegħdiet meta tasal l-elezzjoni."..

Għal Roderick Pace, Professur tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Studi Ewropej fl-Università ta' Malta, "fid-dibattitu dwar id-divorzju ħadd ma mar tajjeb; la min uża l-imaġini ta' Kristu u lanqas min ħa l-okkażjoni biex joħroġ ċertu odju akkanit kontra l-Knisja.

"L-issue tad-divorzju kienet stress test li ħareġ d-djufijiet tas-soċjetà Maltija, tal-Partit Nazzjonalista u l-Knisja. Kienet ilha ċċaqċaq li d-divorzju xi darba jrid jidħol f'pajjiżna, iżda sakemm ħadd ma ppropona abbozz ta' liġi, il-kwistjoni tħalliet fuq l-ixkaffa. Meta d-divorzju daħal b'mod goff u għal għarrieda fl-aġenda politika, ħadd ma kien ippreparat għalih."

Fil-fehma tal-Prof Pace, "il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika kienet forsi l-aktar faċli... dmirha kien li topponieh. Iżda x'kellu jkun ir-rwol tal-Partit Nazzjonalista, li l-ħidma politika tiegħu hi bbażata fuq il-prinċipji Nsara?

"Fid-dokument 'Fehmiet Bażici' li l-Partit approva fl-1986 hemm ċar li d-distinzjoni bejn Knisja u Stat għandha dejjem tinżamm ċara. Il-'Fehmiet Bażiċi' jkompli: 'Infatti anki fi ħwejjeġ li jolqtu direttament il-valuri, il-kriterji li għandu juża l-istat meta jfassal il-liġijiet tal-pajjiż, m'humiex bħal dawk li tuża l-Knisja meta tgħallem u tesiġi mill-membri tagħha ċerta mġieba.'

"Għalhekk waqt li kull politiku Kattoliku fid-dmir li jiggwida ruħhu mit-tagħlim Kattoliku filwaqt li jibqa' dejjem miftuħ għal kurrenti tajbin oħra, jiġu minn fejn jiġu u jgħożż l-ogħla valuri etiċi, ma' jista' qatt għal mument jinsa r-rwol politiku tiegħu. F'demokrazija l-prinċipju fundamentali hu li titwettaq ir-rieda tal-maġġoranza prevalenti b'rispett sħiħ għall-minoranza."

Skont il-Prof Pace, "li kieku żamm mal-linja tal-'Fehmiet Bażiċi', il-PN kien jevita ħafna disgwid intern inutili u kien ikollu pożizzjoni aktar ċara".

Kompla jgħid li "l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien mosaic ta' fehmiet varjati li wrew kapaċità li jingħaqdu u jaqblu fuq programm politiku komuni. Diviżjonijiet interni minn dejjem kien hemm bħal f'kull moviment politiku ieħor, iżda rari laħqu din l-intensità. Għalhekk wieħed irid janalizza sew x'ġara biex jara jekk din il-qasma hiex xi ħaġa strutturali jew sempliċi mument politiku li se jingħeleb……

Għal Prof Pace "hu diffiċli tgħid li f'dawn l-affarijiet il-Pariti wera li hu 'marbut mal-imgħoddi'. Il-mistoqsija hi jekk għadx għandu dik l-ispinta interna u immaġinattiva li jiġġedded kif ġieli għamel fil-passat, u jekk għandux viżjoni ċara ta' fejn irid jara lil Malta fl-għaxar jew ħmistax-il sena li ġejjin?

"Punt siewi ieħor li l-Partit Nazzjonalista jrid jaċċetta hu li l-bidliet li nstiga hu stess bidlu mhux biss il-qafas politiku-soċjali, iżda fuq kollox il-mod kif in-nies jaħsbu. Il-poplu sar aktar liberu fil-ħsieb, aktar indipendenti, jaċċetta ferm anqas, jifli ferm aktar, jagħmel iżjed li tgħidlu rasu u anqas li tgħidlu l-Knisja, il-Gvern jew il-partit."

No comments:

Post a Comment