Monday 14 March 2011

L-Orizzont: "Rainbow Weekend" f'Għawdex mill-MGRM

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=71010
14.3.2011


Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) se jorganizzaw l-ewwel edizzjoni ta' dik deskritta bħala "Rainbow Weekend". Din se ssir fi tmien il-ġimgħa ta' bejn il-25 u s-27 ta' Marzu fil-lukanda Cornucopia fix-Xagħra, Għawdex.

L-iskop prinċipali ta' din l-attività huwa biex l-MGRM tinforma aktar lill-parteċipanti bix-xogħol imwettaq min­nha kif ukoll il-ħidma ppjanata għall-futur, dwar l-iżviluppi li jkunu seħħew fil-qasam tad-drittijiet ta' persuni LGBT u kwistjonijiet pendenti li jolqtulhom mill-qrib, kif ukoll biex aktar nies jieħdu rwol attiv kemm fi ħdan l-istess MGRM kif ukoll movimenti oħrajn li jaħdmu b'risq persuni LGBT fil-gżejjer Maltin.

L-attività "Rainbow Weekend" se toffri wkoll l-opportunità lil dawk kollha li jattendu għaliha biex jiltaqgħu personalment mal-attivisti u l-voluntieri li jaħdmu fil-MGRM, kif ukoll biex iressqu 'l quddiem l-opinjonijiet u l-ħsibijiet li b'xi mod jew ieħor jolqtu l-qasam tal-LGBT kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali.

Għal dan il-"Rainbow Weekend" jista' jattendi kull mingħandu 18-il sena jew aktar, huma x'inhuma l-ħiliet jew il-professjoni tiegħu. Fid-dikussjonijiet li se jsiru se jintużaw kemm il-Malti kif ukoll l-Ingliż biex dak li jkun, ikun jista' aktar jesprimi lilu nnifsu.

Dawk kollha interessati jieħdu sehem jew jixtiequ aktar dettalji jistgħu jċemplu fuq in-numru tat-telefon: 99255559 jew jibgħatu imejl fuq mgrm@maltagayrights.org jew jidħlu fis-sit www.maltagayrights.org/rainbow2011.

No comments:

Post a Comment