Thursday 3 March 2011

L-Orizzont: Meta tgħix ħajja doppja

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=70723
3.3.2011 minn Martina Vella

Mark (isem fittizju u qed jin­tuża biex tkun imħarsa l-iden­tità ta' din il-persuna) iħa­res lejja, lest biex jgħid l-istorja tie­għu. Tkellmu mingħajr ebda diffikul­tà u mill-ewwel jibda jgħid tiegħu, għal­kemm din hi l-ewwel darba li qatt iltqajna. Iżda f'ħajjet Mark hemm dell tqil, dejjem preżenti. Għandu sigriet li qed jaħbi mill-ġenituri tie­għu, sigriet li jista' jkollu konsegwenzi xejn sbieħ jekk jinkixef.

"Irrealizzajt li kont diffe­renti meta kelli madwar 12-il sena, iżda ma kelli ebda ħjiel ta' x'kien għaddej fija," jgħid­li. Inġenwu dwar dak li kien qed iħoss, ma kinitx tgħaddilu minn rasu li seta' kien 'gay'. Iżda s-sinjali hemm kie­nu. L-iskola kien iżomm ma' grupp ta' bniet, u qatt ma ħa sehem f'atti­vitajiet tas-su­bien, bħall-futbol.

Waqt li kien qed jikber sar iżjed kon­xju tas-sesswalità tiegħu. Kien iħos­su miġbud lejn is-subien, iżda meta kellu madwar 13 għadda minn fażi 'straight'.

F'daqqa waħda l-bniet bdew jogħġ­buh iżda "dik ir-relazzjoni ma damitx" jgħidlek bi tbissima. Malajr jgħidlek li l-fażi 'straight' ġrat naturali. Ma ġegħelx lilu nnifsu jħobb il-bniet biex jinbidel. Meta kien f'dak l-is­tadju ta' ħajtu kien jaf li jista' jkun 'gay', u dik xejn ma kien se jibdilha.

Fl-iskola sekondarja l-affarijiet ma setgħux ikunu agħar. "Kien żmien tas­sew ikrah," jirrifletti b'mod meqjus. Ma kien qal lil ħadd li kien omosesswali iżda malajr ittimbrawh, u bdew jibbuljawh. "Għal xi żmien lanqas kel­li isem, u kont noq­għod għalihom u naċċetta dak it-trattament."

Kien tifel kwiet b'vuċi rqi­qa. Student b'manjieri tajbin li qatt ma qala' nkwiet u kien ħabib mal-barranin. Jaħ­seb li dawn il-fatturi kollha setgħu wasslu għall-aġir ta' bbuljar. Il-fatt li l-iskola kienet tas-subien biss u l-am­bjent kien goff ma għenux. L-ibbuljar ma kienx jieqaf.

"Kien hemm żmien meta anke kont noħlom li kienu qegħdin isawtuni," kompla jgħidli. Ironikament, fil-klassi tiegħu kien hemm tnejn li wkoll kie­nu 'gay', iżda ħadd ma kien jaqbad magħhom, u dawn issieħbu wkoll ma' dawk li kienu jibbuljawh. "U llum aħna ħbieb! Id-dinja timxi b'mod tassew stramb," jgħid bi tbissi­ma.

Lill-ġenituri tiegħu qatt ma qalilhom xejn dwar dan kollu, u baqgħu fil-għama dwar x'kien qed jiġri lil bin­hom. Ma kienx għadu lest li jgħidilhom li kien 'gay'. Anke meta kellu 17, u beda jgħid lil sħabu. Il-ħsieb li jiftaħ qal­bu ma' ommu u missieru kien jidher remot ħafna.

Aktar ma fetaħ qalbu ma' sħabu u sar komdu bih innifsu, ir-relazzjoni tiegħu mal-ġenituri aktar bdiet titbie­għed u titqal, sakemm wasal iż-żmien li ma kellhomx idea binhom min kien. Hu ħeba s-sesswalità tiegħu minnhom mhux għax kien iħossu mis­tħi, iżda minħabba s-sitwazzjoni li nqalgħet fid-dar u li laqtitu fil-fond.

Oħtu l-kbira hi lesbjana. Meta fet­ħet qalbha mal-ġenituri, it-tama ta' Mark li jiftaħ qalbu magħhom kienet tfarrket biċċiet. Missieru tant kien inkorlat għal oħtu li għall-aħħar sena lanqas qatt ma kellem lil bintu, tant li ċaħadha għal kollox.

Wara l-argumenti kollha li Mark ra bejn il-ġenituri u oħtu, kif seta' jġie­għel lilu nnifsu jgħidilhom li hu 'gay'? Kif seta' jagħtihom daqqa oħra wara dak kollu li kienu għadhom kemm għaddew minnu?

"Qgħadt hemm. Ħarist madwari. Smajt lill-ġenituri jiġġieldu dwarha," jgħid. "Ġesu', għaliex qed jiġrili dan kollu?" U Mark baqa' ma qalx lill-ġe­ni­turi, la dakinhar u lanqas fix-xhur ta' wara. Qed jgħix ħajja doppja. Il-ħin kollu jigdeb lill-ġenituri. Dwar fejn ikun, u dwar ma' min ikun.

"Kultant inkun nixtieq biss li l-ġenituri jikbru u jimmaturaw… u li jien ma kbirt qatt, u dik kienet tkun l-għażla tiegħi," jgħidlek. Kien hemm żmien fejn kien iħossu eqreb lejn ommu iżda llum dik qisha biss memor­ja fil-bogħod. "Kelli ninġibed lura, nig­deb u ngħatti kollox," jgħidli b'dis­pjaċir. Jammetti li maż-żmien irid jgħid lil ommu, iżda mhux lil missie­ru. Ommu hi inqas preġudikata, għal­kemm "se tinfaqa', għax min irid li jkollu iben 'gay'?"

"Tant ġraw affarijiet f'sena," jgħid, waqt li jiftakar meta l-ewwel darba kien qal lil sħabu li hu omosesswali. "Kważi nfqajt nibki għax dik l-ewwel darba li tgħid lil xi ħadd tkun qisha ġrat xi ħaġa kbira. Iżda kif tibda, ma tkunx tista' tieqaf!" jgħidlek, waqt li jiftakar fis-serħan u ferħ li ħass meta sħabu aċċettawh u nfetaħ kapitlu ġdid f'ħajtu. Issa qed jgħix il-ħajja ta' 'gay' u kull minuta qiegħda togħġbu.

"Fi tmiem il-ġimgħa ngħix ħajja tas­sew 'gay'. Il-ġenituri ma jafux dwar l-istil ta' ħajja tiegħi iżda din ma żam­mitnix lura!" jassigurani bi tbissima. Meta joħroġ filgħaxija jagħ­milha l-ak­tar mal-lesbjani għax jgħidli, b'ton im­qareb, li rġiel 'gay' huma "orribbli u preġudikati, iżda jien mhux bħalhom."

Qalli li bħalissa qed joħroġ ma' xi ħadd, u qabel kellu xi ftit relazzjonijiet għalkemm bħalissa qed jieħu biss pjaċir bil-ħajja u jgħix il-ħajja ta' żagħżugħ bħall-oħrajn.

Jien ngħidlu li hemm ċans kbir li l-ġenituri tiegħu jsiru jafu, għax Malta hi tant żgħira. Jaqbel miegħi perfettament għax darba minnhom lta­qa' ma' wieħed minn qrabatu. "Naf x'se jiġri, u hu għal­hekk li jbeżżagħni," jgħidlek, waqt li jiftakar fis-sitwazzjo­ni li sabet ruħha fiha oħtu.

Iżda l-intervista Mark itemmha fuq nota pożittiva. Qalli li f'dan kollu jaf li għandu l-appoġġ t'oħtu għal meta jasal iż-żmien li jgħid lill-ġenituri. "Domt xi sentejn jew tlieta biex fil-fatt għedt lil oħti, u issa ftaħt qalbi sew magħha. Inħossni qrib magħha u xortina tajba li għandna lil xulxin," jgħid­lek.

L-intervista spiċċat u jiena tlaqt, bit-tama li maż-żmien Mark jafda fil-ġenituri tiegħu. Għalkemm it-triq se tkun iebsa, huma maż-żmien għad jagħ­tuh l-appoġġ li jixraqlu.

Bil-pressjoni biex jimxu man-normi soċjali, il-ġenituri ta' Mark ma ki­nux kapaċi jaċ­ċettaw li binthom hi les­bjana. Kif se jirreaġixxu għall-orjentazzjoni sesswali ta' Mark ma nafx, iżda x'aktarx li mhix se tkun pjaċevoli.

Għażilt li nikteb dan l-artiklu għax hemm ħafna nies bħal Mark li għandhom bżonn joħorġu fil-beraħ. Jixtie­qu ħafna li jafdaw fil-ġenituri tagħ­hom iżda jibżgħu jagħmlu hekk għax skont is-soċjetà, huma mhumiex normali.

Dan il-mod ta' ħsieb irid jieqaf. Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot kampanja li tispira, magħrufa bħala "Ngħoż­żu d-diversità. Diskriminazzjoni Qatt". Hi kampanja mfassla bil-għan li turi l-aspett sabiħ fid-diversi­tà. Dawk li huma 'gay', anzjani, ta' razza diffe­renti jew li jipprattikaw reliġjon jew twemmin differenti għand­hom dritt isemmgħu leħinhom u din il-kampanja qiegħda titmexxa biex tqaj­jem fin-nies kuxjenza li d-din­ja hi sabiħa għax hi differenti. Id-diskriminazzjoni hi ħaġa ħażina u hemm bżonn li tintemm issa.

Martina Vella qiegħda fit-tie­ni sena fil-kors tal-Komunikazz­joni fl-Uni­versità ta' Malta. Bħalissa qiegħda tis­tudja Basic Reporting and Intercultural Communications with Psycho­logy.

No comments:

Post a Comment