Friday 24 December 2010

L-Orizzont: Tkompli l-battalja għat-transesswali: Il-Gvern jerġa' jikkontesta d-deċiżjoni taż-żwieġ

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=68819
23.12.2010 minn Brian Meli

Il-battalja legali li ilha għaddejja fil-Qrati Maltin għal dawn l-aħħar erba' snin, dwar jekk persuni transesswali ­għan­d­­homx jitħallew jiżże­w­ġu, se tkompli wara li l-Gvern reġa' qed jikkontesta l-aħħar deċ­iżjoni li kien hemm f'dan ir-rigward fil-Qorti fejn kien iddikjarat li dawn għandhom kull dritt li jiżżewġu.

Id-deċiżjoni li jmiss dwar l-appell li sar mill-awtoritajiet permezz tal-Avukat Ġenerali, issa trid tittieħed mill-Qorti Kostituzzjonali li tkun ippre­seduta minn tliet Imħallfin. Għalkemm dan hu l-aħħar pass li jista' jittieħed quddiem il-qrati tagħna, kemm-il darba l-eżitu ta' din id-deċiżjoni ma tkunx favorevoli għall-persuni transesswali, diġà ġie ddikjarat li l-kwistjoni tista' tispiċ­ċa qud­diem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Dan ikkonfermah ma' l-orizzont l-Avukat David Camilleri li flimkien mal-Avukat Josè Herrera qed jidher għall-persuna transesswali, Joanne Cassar, li qiegħda tagħmel ­ din il-battalja legali kontra l-awtoritajiet Maltin.

Cassar, li llum għandha 29 sena, xi snin ilu kienet għamlet operazzjoni kirurġika l-Ingilterra magħrufa bħala 'gen­der reassignment' u b'hekk assumiet is-sess femminili b'mod irriver­sib­bli. Wara li bidlet is-sess tagħha minn raġel għal mara, hija kienet fetħet kawża li biha rebħet id-dritt biex kemm fuq il-Karta tal-Identità kif ukoll fuq iċ-ċeritifkat tat-twelid sar it-tibdil neċessarju li jirriffletti l-partikolaritajiet dwar is-sess ġdid tagħha u anke l-isem li ħadet ta' mara. Is-sentenza kienet ingħatat mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fit-28 ta' Ġunju tal-2006.

Hija mbagħad kienet applikat biex tiżżewweġ lir-raġel li dak iż-żmien kien il-maħbub tagħ­ha, iżda d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku rrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ. Ir-raġuni li ngħatat kienet li hija ma tikkwalifikax biex tiżżewweġ min­ħabba li f'dan ir-rigward tibqa' kkonsidrata bħala raġel.

Kif jipprovdi l-Att dwar iż-Żwieġ, Cassar kienet ħadet il-każ quddiem il-Qorti Ċivili – Sezzjoni ta' Ġurisdizzjoni Volon­tarja fejn ikkontestat id-deċiżjoni tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku. B'digriet li ngħata fit-12 ta' Frar 2007, il-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja kienet iddikjarat li ż-żwieġ bejn il-koppja seta' jiġi kkuntrattat għax ma jmurx kontra l-provvedimenti tal-Kaptilu 255 tal-liġijiet ta' Malta u lanqas ma huwa kontra l-ordni pubbliku peress li ż-żwieġ kien se jsir bejn żewġ persuni ta' sess differenti.

Madanakollu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku baqa' jirrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ u fetaħ kawża fejn talab li dan id-digriet jiġi rrevokat. Fil-21 ta' Mejju 2008 it-talba tiegħu kienet ġiet milqugħa mill-Qorti Ċivili fejn din sostniet li t-talba ta' Cassar biex tiżżewweġ persuna tas-sess maskil tmur kontra l-Att tal-1975 dwar iż-Żwieġ.

Dan wassal biex Cassar imbagħad ħadet il-każ quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fejn għal darba oħra ngħatat raġun, tant li b'din l-aħħar deċiżjoni ġie ddikjarat li l-aġir mill-awtoritajiet fil-konfront tagħha qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Dritti­jiet tal-Bniedem. Fis-sentenza li ngħatat fl-aħħar ta' Novembru li għadda ntqal li minn dak inhar li ċertifikat tat-twelid jinbidel allura l-persuna għandha tiġi kkonsidrata għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi bħala tas-sess indikat fl-istess att ta' twelid.

Il-Qorti żeidet tgħid li llum hija ċara u konsistenti l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti Ew­ropea fis-sens li persuna li bidlet is-sess tagħha b'mod irriversibbli ma tistax titwaqqaf mill-Istat li tiżżewweġ persuna tas-sess oppost minn dak rikonoxxut mil-liġi.

Minkejja dan, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet reġa' sar appell mill-awtoritajiet fejn fost affarijiet oħrajn baqa' jiġi sostnut li l-Artiklu 257A tal-Kodiċi Ċivili huwa intiż biss biex persuna li tkun kisbet id-dehra ta' persuna tas-sess oppost ma tkunx imbarazzata meta tipproduċi dokumenti uffiċjali li juru xort'oħra. Għalhekk, dan bl-ebda mod ma jfisser li wara l-operazzjoni l-persuna transesswali tkun akkwistat 'gender' ġdid.

Xi ħaġa sorprendenti hija li l-awtoritajiet issa qegħdin iqajmu l-punt dwar il-fatt li Cassar illlum ma għadhiex iżjed f'relaz­z­joni mar-raġel li kienet se tiżżewweġ. Fil-fatt saret insistenza li n-nuqqas ta' prova dwar l-istat attwali tagħha jekk effettivament tinsabx preżentament f'relazzjoni ma' persuna ta' sess maskili, irrendi dawn il-proċeduri ta' natura straordinarja ġew biss proposti sempliċiment bħala eżerċizzju akkademiku.

Għadha qed issir insistenza wkoll li dak li qed issir riferenza għalih bħala "żwieġ" imur kontra l-prinċipju ta' ordni pubbliku assodat fis-sistema legali Maltija fis-sens li żwieġ jsita' jsir biss bejn żewġ persuni ta' sess oppost. L-awtoritajiet isostnu li mill-provi jirriżulta li Cassar hija biss 'phenotypically' mara, jiġifieri għandha biss is-sura esterjuri ta' mara iżda l-organi bħalma hi l-prostata, li hija waħda mid-differenzi bażiċi bejn raġel u mara, għadha pre­żenti fiha u għalhekk taħt il-liġi Maltija taż-żwieġ hija qatt ma tista' tiġi kkunsidrata bħala mara li tista' tikkontratta żwieġ ma' raġel ieħor.

Ikomplu jisħqu li l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea ma jistax jiġi interpretat li jagħti 'carte blanche' biex persuna ta' età taż-żwieġ tikkuntratta żwieġ, anke jekk dan imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat, f'liema każ l-Istat huwa ġustifikat li jiċħad talba biex jiġi kkuntrattat tali żwieġ.

B'referenza għall-fatt li l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) bbażat parti sostanzjali mid-deċiżjoni tagħha fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fil-każ "Christine Goodwin vs The United Kingdom", l-awtoritajiet qalu li ma jistax jingħad li fid-dritt Malti u fis-sistema ġuridiku u Kostituzzjonali Malti, b'dif­ferenza ta' dak Ingliż, saru xi tibdiliet kbar fl-istituzzjoni taż-żwieġ li jipprospettaw iż-żwieġ anke bejn persuni tal-is­tess sess.

Dan l-argument qed jagħmluh b'rabta mal-insisteza tagħhom li Cassar ħadet biss is-sura esterjuri ta' mara, iżda l-organi interni li jiddistingwu raġel minn mara għadhom preżenti.

Żiedu jgħidu wkoll li r-regolament tal-istituzzjoni taż-żwieġ hija wkoll ħaġa li taqa' fil-poteri u fid-diskrezzjoni tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea, u li l-Konvenzjoni ċertament ma tobbliga lil ebda Stat li jirrikonoxxi żwieġ li jmur kontra l-ordni pubbliku tiegħu.

"Iż-żwieġ f'Malta huwa kuntratt ta' natura 'sui generis' u ta' ordni pubbliku.

Dan il-kuntratt jista' jiġi konkluż biss bejn żewġ persuni ta' sess oppost u dan irid jir­riżulta mill-istruttura kemm esterjuri u kemm an­a­tomika, gonadali u kromosomika opposta.

Kull interpretazzjoni diffe­renti twassal għal żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess li ċertament hija dijametrikament opposta għall-ordni pub­bliku Malti", temm jgħid ir-rikors kostituzzjonali ppreżentat mill-Avukat Ġenerali.

Fit-tweġiba tagħhom għal din il-kontestazzjoni li reġgħet saret mill-awtoritajiet dwar id-deċiż­i­joni ta' Novembru li għadda, l-avukati ta' Cassar isostnu li r-raġunament tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) kien fis-sens li l-fatt li l-Istat Malti ma jirrikonoxxix lit-transesswali bħala persuni tas-sess assunt u ma jipprovdix għall-bdil tad-dokumenti relattivi, dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea. Dan ġie stabbilit f'diversi sentenzi anke tal-qrati tagħna fil-kompetenza tagħhom kostituzzjonali.

Il-Qorti mbagħad kompliet tik­kummenta fis-sens li kien minħabba f'dawn is-sentenzi li ppronunzjaw ruħhom fis-sens li hemm ksur ta' tali dritt li ġew introdotti l-emendi tal-artiklu 257A tal-Kodiċi Ċivili. Għalhekk ikkonkludiet li wieħed ma jistax jargumenta li dawn l-emendi saru biss għall-fini ta' protezzjoni ta' privatezza. B'ef­fett ta' dawn l-emendi, u wara s-sentenzi inkwistjoni, l-Istat ma setax ħlief jirrikonoxxi wkoll il-bdil fis-sess bil-konsegwenzi legali kollha li dan iġib miegħu.

Dwar il-fatt li l-Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dik tal-Qorti Ewropea fil-każ "Goodwin vs UK", intqal li għalkemm l-Istat Malti m'għamel xejn biex jawtorizza u jipprovdi t-trattament jew l-operazzjoni ta' 'gender reassignment', iżda b'effett tal-artiklu 257A tal-Kap. 16 irrikonoxxa l-effetti ta' tali operazzjoni.

Għalhekk b'dik is-sentenza diġà għandna dikjarazzjoni li l-Artiklu 8 mhuwiex sodisfatt b'sempliċi provvedimentli tiġi protetta l-privatezza tal-persuna konċernata bi bdil ta' dokumenti però issa l-idea hi li l-Istat m'għadux ġustifikat li jieqaf hemm. Irid ukoll jirrikonoxxi tali persuna bħala persuna tas-sess assunt għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi.

Dwar il-punt li tqajjem issa minħabba l-istat attwali tal-klijenta tagħhom, l-avukati ta' Cassar jisħqu li huwa irrelevanti jekk fil-preżent din hijiex f're­lazzjoni, għax il-pożizzjoni tal-Istat għar-rigward l-implikazzjonijiet legali ta' nies transesswali ma nbidlitx.

Huwa evidenti mill-kontestazzjoni tal-awtoritajiet li qegħdin jiċħdu lil persuni transesswali mill-possibilità ta' żwieġ fuq bażi ta' prinċipju u mhux fuq bażi personali skont iċ-ċirkostanzi. Għalhekk l-eżis­tenza jew le ta' relazzjoni hija irrelevanti.

Sostnew li dak li tgħid is-sentenza tal-Qorti Ewropea huwa li hemm bżonn bdil fil-ħsieb tenut kont kemm l-iżviluppi fl-istatut taż-żwieġ kif ukoll tenut kont l-iżviluppi fil-mediċina u x-xjenza għal dak li jirrigwardja t-transesswali.

Huwa fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet kollha li l-Qorti Ewropea deherilha li kien hemm lok għal żvilupp, u għalhekk huwa irrelevanti jekk l-idea ta' żwieġ hawn Malta inbidilx jew baqax l-istess tul iż-żmien.

Saret referenza wkoll għall-fatt li l-Qorti anke kkummentat li l-Artiklu 9 taċ-Charter tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dirttijiet tal-Bniedem tiddepartixxi, bi skop, mid-diċitura tal-artiklu 12 tal-Konvenzjoni fis-sens li tneħħi r-referenza għal "raġel" u "mara".

L-Oppozizzjoni ddizappuntata

Min-naħa tagħha, l-Op­po­żiz­zjoni esprimiet diżap­punt għall-kotestazzjoni li għadha qed issir mill-awtoritajiet fejn jidħlu drittijiet ta' persuni transesswali, u saħqet li dan juri kemm hemm bżonn li l-Parlament jgħaddi liġi li titratta dawn it-tip ta' sitwazzjonijiet mingħajr aktar preġudizzji u diskriminazzjoni.

Dan kien iddikjarat fi stqarrija li nħarġet mill-Kelliemi Laburista għad-Djalogu Soċjali u Drittijiet ta' Minoranzi, Gino Cauchi, li spjega li tali liġi għand­ha tkun ċara u li tevita kull ta' miżinterpretazzjoni mill-persuni li jokkupaw karigi, liema karigi jimpinġu fuq drittijiet ċivili li l-Istat għandu jiggarantixxi għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.

Huwa qal li d-deċiżjoni tal-Qorti li tat id-dritt lill-persuni transesswali li jiżżewġu hija konformi mal-liġijiet Ewropej u ma' diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Qorti Ewropea fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem. Saħaq li għaldaqstant, ma jistax ikun li f'dan il-pajjiż nibqgħu mexjin b'sistema li fejn ikun jaqbel lill-awtoritajiet jipprevalu l-liġijiet Ewropej, iżda meta jkun hemm individwi li jitolbu rimedju għal drittijiet li jkunu qed jiġu mċaħħdin lilhom mill-Istat, il-liġijiet Ewropej jitwarrbu fil-ġenb. Il-Kelliemi tal-Oppożizzjoni żied jirrimarka li wieħed jispera li l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali f'isem l-Istat mhux riżultat ta' pressjoni minn forzi konservattivi, li qegħdin jopponu li jingħataw drittijiet kif jiġri f'pajjiżi oħrajn Ewropej minħabba l-ideat personali tagħhom.

L-AD: pajjizna qisu l-"presepju tal-Ewropa"

Diżappunt simili esprimietu wkoll l-Alternattiva Demokratika li filwaqt li sejħet id-deċiżjoni tal-awtoritajiet bħala waħda insensittiva u tal-mistħija, saħqet li Gvern demokratiku u responsabbli għandu dejjem jipproteġi d-drittijiet ċivili mingħajr ma jeskludi lill-ebda minoranza.

Iċ-Ċerpersin tal-AD, Michael Briguglio, qal li l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ġustament ibbażat id-deċiżjoni tagħ­ha fuq iċ-Charter tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Żied jirrimarka li dan juri li, għal darb'oħra, qiegħda terfa' rasha l-ideoloġija konfessjonali im­ħaddna mill-istituzzjonijiet tal-Istat u dan juri l-ħtieġa għal aktar solidarjetà mal-moviment LGBT biex pajjiża ma jibqax qisu l-"presepju tal-Ewropa".


No comments:

Post a Comment