Tuesday 30 November 2010

L-Orizzont: Iriduh ixejjer il-"bandiera tal-qawsalla"

Fil-logħba tal-Kroazja kontra Malta…
17.11.2010

Gruppi li jaħdmu favur id-drittijiet ta' persuni LGBT qegħdin jinsistu mal-President tal-Federazzjoni tal-Fut­bol tal-Kroazja biex fil-logħba ta' kwalifikazzjoni għall-Euro 2012 bejn il-Kroazja u Malta, li se tintlagħab illum, l-Erbgħa, ixejjer il-'ban­die­ra tal-qawsalla' bħala sinjal li tassew iddispjaċih għar-rimarki dispreġjattivi li għadda fil-konfront ta' persuni 'gay'.

Vlatko Markovic (ritratt) qanqal ferment sħiħ meta waqt intervisti li ta lill-ġurnal ta' kul­jum "Vacernji list" u lill-gaz­zetta tal-Ħadd, "Vecernje no­vosti", hu ddikjara: "Sa­kemm nibqa' jien president (tal-federazzjoni tal-futbol) ma jkun hemm l-ebda plejer 'gay'. Għall-grazzja t'Alla per­suni sani biss jilagħbu l-futbol."

Għaqdiet li jaħdmu għall-ħarsien u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa, fuq quddiem nett gruppi 'gay' u liżbjani, saħ­qu mal-awtoritajiet sportivi li għandhom jieħdu azzjoni dixxiplinarja fil-konfront tal-President tal-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kroazja Mar­kovic għall-kummenti tie­għu li plejers 'gay' m'għand­homx jitħallew jilagħbu għal pajjiżhom.

Il-kummenti magħmulin minn Markovic ikkonfermaw il-fatt li l-omofobija għad­ha ssib art għammiela fil-qasam sportiv. L-Euro­pean Gay and Lesbian Sport Federation (EGLSF), li tirrapp­reżenta 17,000 persuna, kemm irġiel kif ukoll nisa, li huma attivi f'xi qasam jew ieħor ta' sports, qiegħda tmexxi l-appell biex tittie­ħed azzjoni legali kontra Mar­kovic, waqt li sejħet lill-UEFA biex tagħti bidu għal proċeduri dixxiplinari kontrih.

L-Ewro-Parlamentari Awstrijakk Ulrike Lunacek, li huwa membru tal-grupp tal-Ħodor u parteċipant attiv fil-Gay Games, wissa li jekk il-Gvern Kroat jonqos milli jieħu azzjoni kontra Markovic, allura d-dikjarazzjonijiet li għamel jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni ta' pajjiżu biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Dan billi waħda mill-kundizzjonijiet hija li l-Kroazja għandha timplimenta leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni.

Quddiem dan kollu, Vlatko Markovic, li għandu 73 sena u bħalissa għaddej b'kampanja biex ikun elett għar-raba' darba bħala l-pre­sident tal-federazzjoni tal-futbol f'pajjiżu, skuża ruħu u insista li kien miftiehem ħażin.

Għal din id-dikjarazzjoni, il-gruppi Kroati għad-drittijiet tal-persuni 'gay', Kontra u Iskorak saħqu li jekk tassew irid juri s-sinċerità tad-dis­pjaċir tiegħu għal dak li qal, Markovic għandu jxejjer il-'bandiera tal-qawsalla' waqt il-logħba li l-Kroazja se tilgħab kontra Malta illum l-Erbgħa, fil-kwalifikazzjoni­jiet għall-Euro 2012.

Ir-rimarki ta' Vlatko Markovic kienu segwiti b'appell li sar mill-plejer Ġermaniż ta' Bayern Munich, Mario Go­mez, li qal li l-plejers 'gay' għandhom jagħmlu kuraġġ u jiddikjaraw l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Hu qal li meta jagħmlu dan, huma jħossuhom bħallikieku ġew illiberati waqt li kompla jgħid li wasal iż-żmien li wieħed ma jibqax jittratta l-omosesswa­lità bħala "suġ­ġett taboo".

Anke l-kummenti ta' Mar­io Gomez qanqlu diskussjoni sħiħa għax kien hemm min wissa li f'każ ta' plejers attivi, dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħ­hom tista' toħloqilhom press­joni kbira fuqhom.

Il-President tal-Federazzjo­ni tal-Futbol Ġermaniża, Theo Zwanziger, li kien ġie mfaħħar ħafna meta qal li kien lest li jisma' u jgħin lil dawk il-plejers gay li jridu jiddikjaraw pubblikament l-orjentazzjoni sesswali tagħ­hom, esprima l-iskantament tiegħu li l-futbol professjo­nali għadu wieħed mill-ftit oqsma fil-ħajja pubblika fejn l-omosesswalità għadha meqjusa bħala 'taboo'.

"Fil-politika, l-arti u l-kultura m'għadhiex aktar problema iżda fil-futbol professjonali jidher li għadha," huwa qal.

L-esperta tal-midja Ġerma­niża, Tatjana Eggeling qalet waqt il-programm televiżiv ZDF Sportstudio li "xi plejers 'gay' fil-Ġermanja u anke fl-Italja saħansitra jirranġaw żwiġijiet foloz" f'at­tentat li jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Ta' min jgħid li l-eks-kap tal-federazzjoni tal-futbol Aw­strijakka, Otto Baric, kien immultat mill-UEFA wara li fis-sena 2004 kien qal: "Naf li m'hemm l-ebda omosesswali fit-tim tiegħi. Kapaċi ninduna b'persuna 'gay' f'in­qas minn għaxar minuti, u lil dawn ma rridhomx fit-tim tiegħi."

No comments:

Post a Comment