Thursday 19 August 2010

L-Orizzont: Raġel u mara

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=65420
19.8.10 minn Lawrence Dimech mill-Awstralja

Tony Briffa (ritratt), id-Deputat Sindku ta’ Hobsons Bay fl-istat ta’ Victoria twieled Altona. Ommu hija minn Ħaż-Żabbar u missieru minn Ħal Għaxaq. Bla dubju dan l-aħħar kien fl-aħbarijiet meta ddikjara s-sess tiegħu bħala ‘other’.

Jidher li kien l-uniku persuna li għamel hekk fi stħarriġ li għamlet il-Victorian Local Government Association. Dan il-kunsillier ta’ Altona Ward twieled b’kundizzjoni intersesswali fejn ġie assessjat bi żball bħala femminili meta kien għadu żgħir.

Ġie mistoqsi minn gazzetta lokali (The Mail, 7 ta’ Lulju) għaliex iddikjara ‘other’ meta ilu tant żmien jissielet biex ikun ta’ sess maskili. “Dejjem iġġilidt biex inkun dak li jien mhux biss Tony, raġel, iżda aktar biex ikun naf x’kelli nkun kieku t-tobba ma ndaħlux, ma mmodifikawnix b’operazzjonijiet u trattamenti bil-hormones.”

Tony Briffa kompla jispjega li huwa twieled fi stat ambigwu fejn jidħol is-sess tiegħu u t-tobba ma kinux ċerti dwar is-sess tiegħu mat-twelid.

“Kemm meta kont żgħir u anke bħala ‘teenager’ kont nistaqsi, kont tifel jew tifla? Dejjem kont femminista. Dejjem emmint f’azzjoni affermattiva u opportunitajiet indaqs. Dejjem kont aktar moħħni fit-tfajliet mhux fis-subien, ħaġa li iktar ikkonfondietni speċjalment meta kont nattendi skola għall-bniet.”

Tony Briffa beda l-vjaġġ li jwasslu biex jiskopri min hu jew x’kien u kif għamlitu n-natura kieku ma ndaħlux l-interventi medikali. Bħala Viċi President tal-Androgen Insensitivity Syndrome Support Group, Awstralja, il-Kunsillier Briffa ilu jitlob għal ‘childhood gender assignments’ u mhux azzjoni fejn ikun hemm interventi serġikali. Huwa qal li grazzi għax-xogħol li wettaq u l-appoġġ mill-grupp li jmexxi fir-Royal Children’s Hospital, wasslu biex sar studju wara 30 sena ta’ tfal li kellhom din il-kundizzjoni.

Skont l-istħarriġ li sar mir-Royal Children’s Hospital, instab li fil-perjodu speċifikat kienu 8% tat-tfal li għexu ħajja b’sess ħa-żin. Skont Tony Briffa din hija statistika orribbli speċjalment meta s-sess ġie inforzat serġikament.

Fl-aħħar id-Deputat Sindku ta’ Hobsons Bay enfasizza li dawn iż-żminijiet hija ħrafa li tgħid li n-nisa mhumiex kapaċi jipparteċipaw bi kwalità daqs l-irġiel u semma kif għandna Gvernatur Generali u Prim Ministru t-tnejn nisa.

Huwa qalli wkoll li hu attiv ferm fil-komunità Maltija. Huwa membru tal-Hobsons Bay Maltese Association u tal-Maltese Historical Society – it-tnejn membri tal-Maltese Community Council of Victoria. Qalli li jaħdem ħafna għall-Komunità Maltija. Il-kundizzjoni medika u ġenetika tiegħu hija xi ħaġa personali li fil-fatt imbuttatu biex jaħdem bi sħiħ fejn jidħlu d-drittijiet tal-individwu.

[L-artiklu ikompli fuq suġġetti oħra. Biex tarahom ikklikja fuq il-hyperlink ta' fuq nett.]

No comments:

Post a Comment