Monday 28 June 2010

Il-ĠensIllum: IIl-Kardinal Newman jitqalleb f'qabru u joħloq kontroversja

Nikol Baldacchino
Il-Kardinal Newman.
Il-Kardinal Newman.

26 ta'Gunju 2010

Fi żmienu kien bniedem kontroversjali, imma anki issa, 120 sena wara mewtu, u ftit xhur qabel jiġi ddikjarat “Beatu” mill-Papa Benedittu XVI, marbuta miegħu hemm kontroversji ġodda.

John Henry Newman, intellettwali Ingliż, kittieb, fundatur tal-Oxford Movement, moviment progressiv Anglikan u saċerdot, kien kaġun li heżżeż id-dinja Anglikana. Fl-1845 huwa kien ħass li jikkonverti, abbanduna l-Knisja Anglikana u ngħaqad ma’ dik li l-Protestanti kienu jsejħu “il-Prostituta ta’ Babilonja” – Il-Knisja Kattolika Rumana. Qed nitkellmu dwar żmien meta ħadd ma kien għadu xamm bl-Ekumeniżmu, u fejn il-knejjes Insara kienu blokok separati totalment minn xulxin.

L-awtobijografija tiegħu, Apologia Pro Vita Sua (Apoloġija Għal Ħajtu) hija meqjusa bħala ktieb klassiku spiritwali kbir. Ħafna jqisu lil Newman, speċjalment fil-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż, bħala wieħed mill-aqwa ħassieba Kattoliċi tal-era moderna.

Newman twieled f’Londra fl-1801, u ta’ 27 sena nħatar vicar ta’ St Mary’s Church, Oxford, fejn baqa’ magħruf għall-priedki profondi tiegħu, u għall-ħidma tiegħu favur ir-riforma fil-Knisja Anglikana.

Meta ta’ 44 sena ddeċieda li jsir Kattoliku, qamu l-irwiefen kollha. Mhux biss fil-Knisja Anglikana, imma anki fost il-Kattoliċi. Kien hemm min baqa’ ma fehmux, u meta jkun hemm il-preġudizzju, ikun hemm is-suspetti. Xi wħud kienu jattakkaw it-tagħlim progressiv tiegħu, imma mhux! L-attakki kienu jsiru saħansitra fuq il-karattru tiegħu.

Ftit wara li sar Kattoliku ġie ordnat saċerdot, waqqaf l-Oratorju ta’ San Filippu Neri f’Birmingham u Londra,u waqqaf ukoll Università Kattolika f’Dublin. L-Apologia Pro Vita Sua kitibha biex iwieġeb għall-attakki li kienu jsiru kontrieh, kif ukoll l-attakki li kienu ħraxu kontra l-kleru Kattoliku, f’epoka li l-intolleranza għall-Knisja Kattolika kienet għadha kkargata sew.

Kellu jkun il-Papa Ljun XIII li jaħtru Kardinal fl-età ta’ 78 sena biex sikket xi ftit lill-kritiċi tiegħu fi ħdan il-Knisja li tant ħabb. Fost ir-“rivoluzzjonijiet” tiegħu nsibu l-ktieb tiegħu “On consulting the faithful in matters of doctrine” u t-trattat tiegħu dwar il-kuxjenza – tagħlim li 100 sena wara sab postu fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.

Imma l-kontroversja ta’ issa ma qamitx dwar it-tagħlim tiegħu, imma għaliex reġgħet qamet id-diċerija li l-Kardinal kien omosesswali. Fi żmienu stess kien attakkat li kellu “karatteristiċi femminili”.

Hu kellu ħafna relazzjonijiet emozzjonali profondi ma’ diversi dixxipli tiegħu. Fost l-aktar ħbieb intimi tiegħu kien hemm ċertu qassis, Ambrose St John. Dawn għexu flimkien għal diversi snin. Ambrose miet qabel Newman, u dan tal-aħħar kien kiteb li l-mewt ta’ ħabibu kienet trawma kbira għalih. Hu kien wera x-xewqa, kif fil-fatt sar, li jindifen fl-istess qabar, ma’ ħabibu Ambrose.

Minkejja dawn il-ħbiberiji li kellu ma’ persuni tal-istess sess, ħadd għadu ma ipproduċa xi evidenza li Newman kien omosesswali jew li qatt ipprattika l-omosesswalità.

Billi issa se jiġi iddikjarat Beatu, il-Vatikan iddeċieda li jeżuma l-katavru tiegħu u jieħu r-relikwji tiegħu f’post li jkunu aktar aċċessibbli għall-qima tal-fidili. L-attivisti omosesswali ddikjaraw dan il-pass li jmur kontra x-xewqa tal-istess Newman, u l-Vatikan għamel hekk biex “jifred” lil Newman mill-“partner” tiegħu!! U dan kollu qed isir bħala “persekuzzjoni kontra l-omosesswali!”.

Każ klassiku ta’ kif tagħmel
hijack minn xi ħaġa u ddawwarha għall-finijiet tiegħek. Dan kollu, jidhirli jien, ma jagħmel unur la lill-memorja ta’ bniedem devot, Nisrani ta’ veru, li ta kontribut kbir lill-Knejjes Insara kollha, u lanqas lill-istess omosesswali.

No comments:

Post a Comment