Wednesday 9 June 2010

Il-Ġens Illum: Il-Ministru Dolores Cristina qalet li għad hawn ħafna preġudizzji u ideat żbaljati dwar nies ġejjin minn pajjiżi differenti

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=13&news=4455
4 ta'Gunju 2010

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina, qalet li l- ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi dritt fundamentali, valur ewlieni, u kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-miri ta’ Malta li jkun hawn tkabbir ekonomiku, żjieda fl-impjiegi u li l-pajjiż ikollu koeżjoni soċjali. Hi qalet dan meta kienet qed tindirizza s-sitt konferenza annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Il-Ministru Cristina spjegat li r-rwol tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kiber matul l-aħħar snin biex jinkorpora wkoll id-dimensjoni tar-razza. Hi saħqet li llum il-ġurnata, huwa ferm importanti li nies li ġejjin minn pajjiżi differenti jkunu protetti kulfejn ikunu. Il-Ministru semmiet li għad hawn ħafna preġudizzji u ideat żbaljati dwar nies li ġejjin minn pajjiżi differenti, speċjalment jekk dawn ikollhom kulur tal-ġilda differenti u għaldaqstant, enfasizzat li dan mhux aċċettabbli.

Il-Ministru Cristina semmiet il-ħtieġa li jitwessa’ l-iskop tal-ħidma tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Hi esprimiet ix-xewqa li fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, filwaqt li tibqa’ taħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-razez, tibda tħares ukoll lejn ugwaljanza mill-aspett tal-età, reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali.

Dwar din tal-aħħar, il-Ministru Cristina qalet li din il-Kummissjoni għandha taħdem ukoll biex persuni li għandhom orjentazzjonijiet sesswali differenti, ma jibqgħux jiġu mwarrbin u emarġinati, imma jkunu integrati fis-soċjetà għaliex għandhom ħiliet u kwalitajiet kif ukoll drittijiet ugwali daqs persuni oħrajn.

No comments:

Post a Comment