Sunday 25 April 2010

KullĦadd: L-istess drittijiet, xejn iktar xejn inqas

18.4.10 minn Randolph Debattista

Jekk tistaqsi mitt persuna, probabbli kollha jgħidu li huma kontra l-omofobija. Ħadd ma jaqbel li persuna jista’ jiddiskrimina ma’ xi ħadd minħabba s-sesswalità tiegħu. Iżda għalkemm dawn l-affarijiet jistgħu jinstemgħu bażiċi, mhumiex daqstant fil-pajjiż Ewropew ta’ Malta. Dwar dan is-suġġett, RANDOLPH DE BATTISTA tkellem ma’ ALBERT GAUĊI CUNNINGĦAM mill-fergħa l-ġdida tal-PL, LGBT Labour. Fl-intervista, Gauċi Cunningħam jiddikjara li l-persuni gay jippretendu l-istess drittijiet daqs min hu eterosesswali, xejn iktar u xejn inqas. Kellu kliem iebes ukoll għal dawk il-politiċi li filgħodu jivvutaw kontra l-interessi tal-gays, u filgħaxija jixorbu magħhom. Jiddikjara li kieku hu jivvota kontra l-gays, ma jersaqx daqs mitt metru viċin ta’ gay bar.

Fil-bidu jispjega li din kienet inizjattiva tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, flimkien mal-mexxej tal-PL, Dr Joseph Musċat. Gauċi Cunningħam jispjega x-xogħol li għaddejja bih din il-fergħa l-ġdida fi ħdan il-PL, filwaqt li jgħid li dawn il-fergħat huma komuni fil-partiti soċjalisti fl-Ewropa.

“Din l-inizjattiva ma ħolomx biha Joseph Musċat biex jiġbor erba’ voti tal-komunità gay f’Malta.” Huwa semma’ li jeżistu diversi fergħat fi ħdan partiti soċjalisti madwar l-Ewropa, fosthom fl-Ingilterra, Spanja, l-Iżvezja u Franza.

“L-LGBT Labour mhix il-vuċi tal-PL mal-komunità gay, iżda l-vuċi tal-komunità gay fil-PL. Jekk il-PL ma jaqbilx ma’ xi proposta, aħna mhux se noħorġu nikkonvinċu lin-nies gay li dik mhix proposta tajba. Iżda rridu naraw li l-messaġġ tal-persuni gay jasal għand il-PL kollu kemm hu, kif inhu, u li jkun hawn viżibbiltà ċara tal-komunià omosesswali fil-PL.”

Hawnhekk jagħmel referenza għal dak li qal Dr Joseph Ċhetċuti, l-awtur ta’ “Queer Mediterranean Memories”, fejn faħħar din l-inizjattiva, u qal li jekk xejn, din tkompli tkabbar il-viżibbiltà tan-nies gay.

Staqsejtu jekk hux se jkunu fergħa cliché u vagi minħabba li huma parti minn partit, jew inkella bi ħsiebhom jidħlu fil-kwistjonijiet jaħarqu.
“Jekk inti temmen f’xi ħaġa ma tistax tkun vag fuqha. Din il-fergħa se tkun suċċess, kemm in-nies gay iriduha tkun suċċess. Jekk il-komunità gay, fil-maġġor parti tagħha tħoss li m’għandhomx bżonn drittijiet ugwali, jew li laħqu l-livell ta’ ugwaljanza, jew li m’għandhomx bżonn struttura li tiddefendi l-interessi tal-persuni gay, allura ma jkunx hawn lok, la għal-LGBT Labour u lanqas għall-MGRM.”

“Sfortunatament f’Malta hawn it-tendenza li kulħadd irid jagħmel kollox u ħadd ma jrid jagħmel xejn. Kulħadd igerger għax il-kontijiet għoljin u mbagħad issir protesta u ssib min jibqa’ d-dar għaliex jibża’ jidher. Anke fuq l-interessi tal-gays, inħoss li għalkemm l-issue qegħda hemm, ma narax li hemm biżżejjed sforz għaliha. Mhux faċli ssib in-nies li lesti joħorġu u jitkellmu fil-pubbliku.”

Pressjoni fuq il-politiċi

Kont pront nistaqsih, “Ma stajtux tiftħu għaqda li tkun indipendenti, u mhux fergħa ta’ partit?” “Ma naqbel assolutament xejn. Sakemm id-deċiżjonijiet fuq l-omosesswali jieħduhom il-politiċi, u mhux Ċikku l-Poplu, allura rridu nagħmlu l-lobby tagħna mal-politiċi u nżommu lilhom responsabbli. Ma nistgħux nibqgħu sejrin f’sitwazzjoni li kull fejn hemm kwistjoni li tolqot lill-gvern, noqgħodu ngħidu li m’għandniex indaħħlu l-politika.”

“Għax hekk sejrin f’dal-pajjiż. Jekk jinqata’ d-dawl jgħidulna ma ndaħħlux politika, l-istess fuq kwistjonijiet ambjentali u tal-MEPA. Fuq l-interessi tan-nies omosesswali wkoll jgħidu l-istess ħaġa, imma jien ngħid li iva l-politika tidħol sakemm il-gvern u l-partiti jiddeċiedu li jieħdu l-pożizzjoni ċara tagħhom.”

“Aħna mhux qegħdin hawn biex malli jiżloq xi żelqa deputat tal-PN, immorru niġru ħalli noħorġu stqarrija, u mbagħad jekk jiġri l-istess mill-PL, noqgħodu nġibu l-iskużi. Il-ħażin huwa dejjem ħażin.”

Hawnhekk spjega li bħalissa qed iħejju manwal li għandu jispjega dak li l-fergħa temmen fih.
X’inhi l-ikbar kwistjoni li LGBT Labour se taħdem fuqha?

Dikjarazzjoni ċara kontra l-omofobija

“L-ikbar kwistjoni hija d-diskriminazzjoni. F’dan il-pajjiż, kull mexxej ta’ partit, għaqda jew istituzzjoni influwenti jrid jieħu pożizzjoni ċara u jgħid li huwa kontra l-omofobija. Li toqgħod iddur magħha jew li tgħid li hija ovvja mhix aċċettabbli. Le mhix ovvja.”
“S’issa fl-istorja politika moderna ta’ dan il-pajjiż, l-ewwel mexxej li għamilha ċara kristall fil-pubbliku mingħajr tidwir, li min hu omofobiku m’għandux postu fil-partit li qed imexxi, kien Joseph Musċat.”

“Issa r-reazzjoni naturali ta’ ċertu nies kienet li din hija ovvja, u għall-ewwel anke jien kont se ngħidha. Imma tant mhix ovvja, li l-PN qatt ma qalha din. Sfortunatament, għalkemm il-Knisja wkoll hija kontra l-omofobija, qatt ma qatgħet linja ċara u qalet li min hu omofobiku ma jistax ikun parti mill-Knisja. Skużi, jekk fratell jew xi ħadd li jġorr il-vara tal-festa, biex ma nsemmix qassisin, huwa omofobiku, jew qed ixerred mibgħeda abbażi ta’ sesswalità, ma jistax jfforma parti mill-Knisja.”

“Il-PL, dik il-pożizzjoni diġà ħadha, u l-LGBT Labour kuntent ħafna li ttieħdet din il-pożizzjoni. Issa nistennew li ħaddieħor jagħmel l-istess. Imma din il-pożizzjoni trid tkun inekwivoka, u mhux tintqal bejn erba’ ħitan, għax il-politiċi għandhom ħabta ma jirrepetux fil-pubbliku, dak li jkunu qalu fil-magħluq.”

Koabitazzjoni mingħajr divorzju

Jekk hemm kwistjoni li se tolqot lill-persuni omosesswali hija dik tal-koabitazzjoni. Dwar din Gauċi Cunningħam jemfasizza li m’għandniex inħarsu lejha bħala s-soluzzjoni għall-persuni omosesswali.

“Din il-liġi ġiet imwegħda mill-PN ħafna snin ilu issa. Tista’ tħares lejha minn diversi bnadi u ma tistax tiddiskutiha waħedha. Jekk tidħol din il-liġi, se tidħol f’pajjiż fejn id-divorzju ma jeżistix. Mela l-koabitazzjoni f’dan ix-xenarju tista’ taħdem kontra dak li l-gvern tallum dejjem ippriedka dwaru, jiġifieri l-familja bħala ċ-ċentru tal-politika.”

“Għax jekk se ddaħħal il-koabitazzjoni f’pajjiż fejn m’hawnx divorzju, allura lin-nies qisek qed tgħidilhom li akkost ta’ kollox minix se ntikom id-dritt li terġgħu tiżżewġu, imma se ntikom id-dritt li tgħixu flimkien, kważi ta’ miżżewġin. Dan jista’ jwassal biex speċjalment dawk li ma jemmnux f’relazzjonijiet twal, imorru għall-koabitazzjoni għax jaqbillhom iktar. Dan narah li jmur kontra t-tagħlim tal-PN stess.”

“Ħa nagħmilha ċara, il-liġi tal-koabitazzjoni mhix is-soluzzjoni għall-persuni omosesswali. Għax jekk se jkollna l-koabitazzjoni biss, allura qed niżvalutaw ir-relazzjoni bejn koppji tal-istess sess, u nkunu qed nirriduċuha għar-relazzjoni li għandhom żewġ aħwa li jgħixu flimkien. Hawn irrid ngħid li jekk tidħol dil-liġi se nkunu mxejna pass ‘il quddiem, imma jien ngħid, imbasta ma ssirx a skapitu tal-valur vera tar-relazzjoni bejn tnejn min-nies gay.

Għaddejt għaż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess jew inkella civil partnership u hawnhekk bilkemm ma qlibniex l-irwoli u spiċċa jistaqsini mistoqsija hu dwar x’differenza nara bejn it-tnejn. Iżda kelli l-iskuża lesta li jien qiegħed hemm biex nistaqsi. Jgħid li l-persuni gay iridu drittijiet daqs iehor. Xejn iktar u xejn inqas.

“Anke jekk aħna rridu drittijiet daqs ħaddieħor, jiena ma nara l-ebda problema li tagħna ssejjaħlu partnership, u tal-eterosesswali ssejjaħlu żwieġ. Dejjem aħjar minn issa żgur, sakemm il-pass li nagħmlu llum ikun il-pass biex għada s-soċjetà tivvaluta r-relazzjoni tiegħi daqs ir-relazzjoni tal-eterosesswali.”

Għażla bejn iż-żewġ partiti

Apparti l-LGBT Labour, f’pajjiżna jeżistu għaqdiet oħrajn, bħall-MGRM u anke DRACHMA. X’inhi r-relazzjoni ma’ dawn l-għaqdiet? “Jien ngħid li wara kollox kollha kemm aħna gay u qed niġġieldu għall-istess interessi. Filfatt aħna wkoll membri tal-MGRM. Però forsi d-differenza hija li aħna la tasal elezzjoni ġenerali se nieħdu pożizzjoni ċara.”

“X’tip ta’ pożizzjoni?” staqsejtu. “Jekk inti trid tivvota fuq it-triq, fuq il-bozza, fuq l-ekonomija jew fuq liema mexxej jiġbdek l-iktar, għandek għażla lil min tivvota. Imma jekk id-drittijiet tal-gays huma l-priorità tiegħek u jekk se tivvota fuq l-interessi tan-nies gay, allura ivvota lill-Partit Laburista. Minix ngħid li jekk int gay, bilfors trid tivvota lill-PL, imma jekk se tivvota fuq id-drittijiet tal-gays, allura għandek tagħti ċans lill-PL.”

Semmejtlu l-kritika ta’ wħud li jgħidu li permezz ta’ fergħat bħal dawn, iktar qed titfa’ stigma u tikklassifika lin-nies gay. Iżda jgħid li dan l-argument ma jreġix.

“Min għamel din il-kritika? Żgur li m’għamluhiex in-nies gay. Jien naħseb li l-lezzjonijiet irridu nieħduhom minn pajjiżi li għandhom dawn l-istrutturi simili fil-partiti politiċi tagħhom, u waslu ħafna iktar milli wasalna aħna. Aħna rridu nitqabblu mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej.”

“Fuq livell politiku, allura jien nistaqsi, l-għaqdiet tan-nisa fi ħdan il-partiti politiċi qatgħu lin-nisa għalihom fis-soċjetà? L-għaqdiet taż-żgħażagħ qegħdin jitfgħu stigma u jikklassifikaw liż-żgħażagħ mill-bqija tas-soċjetà? Ma naħsibx, allura ngħid li huwa argument li ma jreġix. Lil dawn in-nies jien ngħidilhom ifittxu fuq dawn l-istrutturi fl-Ewropa u jaraw fejn waslu dawk il-pajjiżi u fejn wasalna aħna.”
Meta tara l-progress ta’ pajjiżna mqabbel mal-kumplament tal-Ewropa, taħseb li aħna Ewropej biżżejjed?

“Ħafna nies gay ivvotaw favur l-UE u għamlu dan għax ippretendew li ġaladarba nidhlu, se jkollna l-istess drittijiet bħal ma jeżistu fil-pajjiżi Ewropej. Ovvjament kemm aħna Ewropej, mhux se nkejjluha biss fuq l-issues tal-gays. Imma jien ngħid li waħda mill-modi biex inkejjlu kemm inħaddnu l-valuri Ewropej hija minn kemm niġġieldu għall-ugwaljanza fil-pajjiż.”

“F’Malta, kemm ilna li dħalna fl-UE, kemm imxejna ‘l quddiem? Kemm rajna tibdiliet u pożizzjonijiet ċari mill-gvern biex jara li, jekk xejn, id-diskriminazzjoni tiġi miġġielda? Jiddispjaċini li ma sar xejn. F’pajjiżi oħra, kien hemm oppożizzjoni b’saħħitha għal tibdil bħal dan, u m’għandix dubju li l-istess se jkun hawn f’Malta.”

“Imma għallinqas illum il-ġurnata dawn il-pajjiżi waslu. Aħna ma rridux ugwaljanza ta’ fuq il-karta. Jekk irridu naslu xi darba, rridu nibdew billi nieħdu pożizzjoni ċara kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni u billi ndaħħlu leġiżlazzjoni li permezz tagħha nġibu lill-persuni omosesswali daqs min hu eterosesswali.”

Fuq nota aktar umoristika hawnhekk stqarr li l-persuni omosesswali m’għandux ikollhom aktar drittijiet mill-eterosesswali, għaliex imbagħad nispiċċaw b’xi fergħa oħra, “Heterosexual Labour”. “Iżda xi ħaġa inqas mid-drittijiet tal-eterosesswali jkun disservizz għall-għajta tal-ugwaljanza.”

Problema jew marda

Sfortunatament fl-2010 għad għandna persuni, u saħansitra politiċi li jemmnu li persuna gay huwa marid, jew għandu problema. Staqsejtu r-reazzjoni tiegħu għal dawn id-dikjarazzjonijiet.

“Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu imma ppermettuli nistaqsi minn fejn ġabuha din? Jien ngħid li ġabuha minn snin twal ta’ preġudizzju, anke sfortunatament mill-forzi reliġjużi. Hawn ma rridx noħloq argument mal-Knisja.”

“Imma fil-passat kien hemm sitwazzjonijiet fejn omm tieħu lit-tifel tagħha għand qassis, biex ‘ifejjaqulha’ għax huwa gay. Jew agħar minn hekk, għand psikjatra biex jibdilu t-terapija riparattiva. Allura mhux bilfors in-nies jaħsbu li għandu marda?”

“Jiddispjaċini ngħid li hawn ħafna nies, li mingħajr ma jafu, jgħidu ċerti affarijiet li jweġggħu. Kull min jgħid li hija problema jew marda, qiegħed iweġġa’ l-emozzjonijiet tal-persuni omosesswali, u juri li mhux informat. Kellu bżonn li kull marda tħalli l-ġid, is-sabiħ u l-kreattività li ħallew in-nies omosesswali fid-dinja f’dawn is-snin kollha. Għax sfortunatament il-mard biki u dwejjaq iġib.”

Il-voti kontra u l-gay bars

Kellu kliem iebes ukoll għal dawk il-politiċi li jivvotaw kontra l-interessi tal-gay, anke jekk huma stess ikunu jixorbu magħhom filgħaxija.
“Jekk politiku qiegħed f’familja politika li dejjem jivvotaw kontra l-gays, bħal m’huma l-partiti tal-Lemin, allura ma tantx se neħodha bi kbira. Jien nifhem li politiku jrid jimxi mat-twemmin tal-partit tiegħu.”

“Iżda ma naċċetta qatt lil min jivvota kontra l-gays filgħodu, u mbagħad jissoċjalizza magħhom u jtaptpilhom fuq dahrom filgħaxija. Jekk inti ma taqbilx mad-drittijiet tal-gays, għandek kull dritt. Imma mbagħad m’għandekx dritt tagħmel il-ħajja tiegħek pubblika, dieħel u ħiereġ fil-gay bars, imbagħad tivvota kontra l-interessi tiegħi.”

“Dik tista’ biss tissejjah ġakbiniżmu, jew biex tagħmel hekk trid tkun kodard jew mingħajr sinsla. Kieku jien nivvota kontra l-interessi tal-gays, lanqas immur daqs mitt metru viċin ta’ gay bar, għax lanqas itini wiċċi.”

Min-naħa l-oħra saħaq miegħi ukoll li jippretendi li l-politiċi min-naħa tax-Xellug, jivvotaw kontinwament favur l-interessi tal-komunità gay.

Fl-aħħarnett tlabtu jispjegali kif persuna gay iħares lejn l-istat u l-gvern, meta dan ma jagħtix kas tal-interessi tiegħu. Tħoss ‘sense of belonging’ fl-istat?

“Fl-ebda poliċy tal-gvern ma jingħataw importanza l-interessi tal-persuni omosesswali. Anzi l-linja ta’ ħsieb tal-PN dejjem kienet li jekk persuna jiddikjara pubblikament li huwa gay, allura għandu problema. Skużi mhux vera.”

“Illum il-ġurnata dawn l-issues tfajnihom taħt it-tapit biex taparsi ma jidhrux. Billi tinjora s-sitwazzjoni mhux se tgħin lil nies omosesswali. Tgħinhom biss billi taqbad il-barri minn qrunu bħal m’għamlu pajjiżi oħra, nammettu li għad irridu nimxu, u mbagħad naslu biex kull poliċy tal-gvern illum u għada se tinkludi l-interessi tagħhom.”

L-aħħar kliem tiegħu kienu, “ejja naslu f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm bżonn iktar l-LGBT Labour.”

No comments:

Post a Comment