Thursday 22 April 2010

Illum: L-akbar biża’ tiegħi: li l-Knisja ma tinbidilx [Fr Renè Camilleri]

Bejn żjara ta’ Papa u kriżijiet fi ħdan il-Knisja u l-pajjiż
http://www.illum.com.mt/2010/04/18/interview.html
18.4.10 minn Julia Farrugia

“X’inhi l-akbar biża’ tiegħek?” nistaqsieh jien u nimla l-kaxxa bil-mistoqsijiet fil-ġenb ta’ din l-intervista.
Saret bħal rutina li qabel nidħlu għall-intervista proprja flimkien mal-mistieden ngħaddu sett ta’ mistoqsijiet personali li jitfgħu dawl fuq angoli differenti ta’ ħajtu.
Is-soltu din il-fażi tieħu ftit minuti u barra bid-daqq. Imma b’differenza mill-persuni li ntervistajt f’din il-paġna, Fr Renè Camilleri jirnexxielu jibgħat messaġġ anke minn dawn is-sempliċi linji żgħar.
It-tweġibiet jiġu kollha b’ħeffa, ħlief din. Jitbissem u jagħfas iż-żewġ pali ta’ jdejh flimkien. Jaħseb fit-tul u t-tweġiba ma titfaċċax.
Niddeċiedu li naqbżuha sa ma naslu għal ħin ieħor fl-intervista u nkomplu nitħaddtu fuq mitt suġġett.
Fi kliemu li kieku kellu jmexxi l-pajjiż l-ewwel deċiżjoni li jieħu tkun li jipprova jikkalma lin-nies.
“Qed insiru poplu bla paċenzja u mimlijin nervi. Jien naħseb għax aħna bqajna pajjiż tradizzjonali u fl-istess ħin irridu nkunu pajjiż modern. Żammejna l-antik u daħħalna l-ġdid kollu. Biex inkun evanġelist ngħidlek: nippruvaw indaħħlu l-inbid fid-damiġġjani l-qodma.
“Din il-problema ma narahiex biss fuq livell ta’ Knisja imma naraha fuq livell anke politiku.”
Jagħmel numru ta’ dikjarazzjonijiet li fihom x’tomgħod: “Bħala pajjiż irridu l-bidla imma meta tiġi nirreżistuha. Naħsbu b’kategoriji antiki anke jekk ngħixu fl-2010.”
Nitolbu jagħtini eżempji.
“Meta tħares madwarek tinduna li f’Malta għadna naħsbu fuq refurbishment u mhux f’bidla. Dan hu biss patching up. Għadna naħsbu f’kategoriji qodma.”
Isemmi lista ta’ passi storiċi li għadda minnhom il-poplu bħala nazzjon fejn dan is-sintomu kien dejjem preżenti, fosthom: l-Indipendenza, il-Ħelsien u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
“Din hi sintomatika ta’ poplu li jibża’ jitlef dak li rċieva u fl-istess ħin irid il-ġdid.”
Nitolbu jkun ċar u jsemmi eżempji.
“Il-problema li nara hi li aħna affaxxinati minn stili ta’ ħajja radikali minn tagħna. Il-poplu fuq livell ta’ istituzzjoni, kemm jekk hi ta’ Knisja kif ukoll ta’ partiti politiċi, mhux veru li qed jara minnhom viżjoni. We are not managing change.”
Għal Fr Renè Malta għandha żewġ problemi li qed inawruha. Fi kliemu “dawn huma kwistjonijiet ta’ natura ekonomika.”
“F’dan il-pajjiż il-faqar, u dak materjali, jeżisti. Din hi problema. Il-problemi materjali jwasslu għal problemi oħrajn. Inutli nġibu l-anġli jiżfnu quddiem il-poplu fl-edukazzjoni u fl-informatika meta jkollok taqtigħa fuq problemi ekonomiċi.”
Jinsisti li l-ideoloġiji waqgħu u jistaqsi x’inhi d-differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi.
“Ftit nara differenza bejniethom u kif jiffunzjonaw. Imma jagħtu l-impressjoni li differenti. Imma kif differenti?”
Nistaqsieh x’inhi t-tieni problema li qed jara f’Malta.
“M’hemmx dubju li hemm problema ta’ direzzjoni ta’ valuri, ta’ twemmin. Allura indirettament qed ngħidu għar-reliġjon. Il-mistoqsija li għandu l-poplu quddiemu hi, where we stand bħala reliġjon?”
Stħarriġ tal-Malta Today ta’ ġimagħtejn ilu juri figuri kunfliġġenti dwar kif il-Maltin iħarsu lejn ir-reliġjon. Fuq numru ta’ temi sensittivi qed jagħżlu dak li jaqblilhom u jwarrbu għal kollox ir-regoli tal-Knisja.
“Inkwetanti, u mhux din il-ħaġa għax turik framentazzjoni bejnietna. Mhux inkwetanti għax qegħdin in-line ma’ pajjiżi ġirien. Imma li jinkwetani hu: dan il-poplu finalment x’deċiżjonijiet se jieħu?”
Għad-divorju qed jirreferi?
“Ma jinkwetanix ċertu tibdil fil-familja imma jekk it-tibdil mhux qed ikun managed, se jiżnaturak,” tkun it-tweġiba.
“Il-kwistjoni tad-divorzju tista’ tkun paraventu fil-pajjiż biex jgħatti problemi oħrajn. Hemm il-ko-iżjoni soċjali. X’se jżommna bħala Maltin? L-identità ta’ Maltin qed nirriskjaw li nitilfgħuha għax mehdijin wisq fil-partiġġjaniżmu.”
U ż-żjara tal-Papa, li kieku kellu jkejjel l-importanza tagħha, x’kejl jagħtiha?
“Ħa nkun sinċier, fl-opinjoni tiegħi minn żjara ta’ Papa ta’ 26 siegħa m’għandix aspettazzjoni li se tbiddel xi ħaġa. Anzi ngħid li din mhu se tbiddel xejn. Imma hemm mistoqsija importanti. Għalina l-Papa x’jirrappreżenta? Jirrappreżenta t-tradizzjonijiet li dejjem konna marbutin magħhom.
“Din iż-żjara għandha tkun mument ta’ riflessjoni. Imma tista’ tkun biss żjara ta’ Papa ċerimonjali…”
Nistaqsieh jekk tħassbux.
“Nistenna li jiġri hekk…”
Madwar id-dinja faqqgħet il-kriżi minħabba abbużi minn saċerdoti fuq tfal … inkluż f’Malta. Fr Renè Camilleri x’jemmen li għandha tkun il-politika tal-Knisja fuq dawn il-każi?
“M’hemmx dubju li dan hu mument li għandna niddistingwu b’mod ċar bejn il-problema u s-sintomi. Il-pedofilja hi gravissima fuq livell ta’ ċiviltà. M’hemmx dubju li hi ferm agħar u akbar fejn tidħol il-Knisja.”
Il-fehma ta’ Fr Renè hi li i-pedofilja fost il-qassisin mhix marbuta mal-fatt li individwu jrid iżomm iċ-ċelibat u ma jiżżewwiġx.
“La norbotha maċ-ċelibat u lanqas mal-omosesswalità,” jiddikjara l-qassis b’kuntrast għad-dikjarazzjoni li għamel ftit tal-jiem ilu n-numru tnejn tal-Vatikan il-Kardinal Tarcisio Bertone.
Anzi għal Fr Renè “dak il-kumment ta’ Bertone kien barra minn loku kompletament, biex ma ngħidx aktar minn hekk.”
“Il-pedofilja hi marda. Imma ma jfissirx li għax ġrat fil-Knisja għandna nittrattawha bl-ingwanti tal-bellus minflok bl-ingwanti tal-boxing.
“Il-Knisja għandu jkollha tolleranza zero fuq il-każi ta’ qassisin f’pedofilja.”
Jinsisti li f’Malta l-affarijiet hemm bżonn li jinbidlu.

“Fejn il-qafas legali mhux qed jaqdi l-funzjoni se jkollok ġungla. Hi x’inhi s-sitwazzjoni. Sal-bieraħ konna qed niddibattu jekk għandniex nirrappurtaw qassisin Maltin li jabbużaw minn tfal. L-ewwel soluzzjoni għandha tkun fuq livell ċivili biex tinbidel il-Liġi,” jinsisti.
“Il-Knisja kif suppost se tagħmel għandha tiddeċiedi li pedofilja minn qassisin hu att kriminali. Jekk qassis joqtol, l-ebda Knisja ma toħlom li tagħmel il-ġuri l-Kurja. Dan japplika wkoll għall-pedofilja,” jiddikjara Fr Renè Camilleri.
Jargumenta li mid-diskors tal-Papa f’Malta jistenna li għandu jindirizza l-problema tal-pedofilja minn qassisin.
“Jien nistenna u konvint li l-Papa jindirizza din il-problema waqt iż-żjara f’Malta. Imma jien nippreferi nara lill-Papa jaġixxi ta’ Papa milli biss bil-kliem. Nistenna lill-Papa jaqbad il-barri minn qrunu u li l-pedofli jittrattahom u jiddilja magħhom.”
Għada t-Tnejn il-Papa diġà għandu msejjaħ il-Kulleġġ ta’ Kardinali f’Ruma biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni.
“Nixtieq li lil hinn mill-ġesti tad-diskorsi li huma importanti, il-Papa jkollu l-forza u l-kuraġġ li jindirizza l-problema fuq livell strutturali nkella l-problemi jkomplu jdewdu minn ġewwa.”
U kif iħares lejn il-furur li nqala’ meta Membri Parlamentari Maltin separati rċevew invit waħedhom u mhux mas-sieħba – dan l-attaġjament kompla gerrex nies separati
’l bogħod mill-Knisja?
“Din kienet naqra mishandled. Minn filgħodu stess, wara li ħarġet l-aħbar fil-beraħ, ċempluli żewġ persuni differenti. Din id-deċiżjoni weġġgħet lil ħafna nies. Ċempilt mill-ewwel lill-PRO tal-Kurja u spjegajtlu kif naħsibha.
“Jien naħseb li dawn huma sitwazzjonijiet li lil hinn mill-moralità tal-ħaġa rridu nitrattawhom b’sensittività. Għalija din kienet deċiżjoni li ma kinitx tagħmel sens.”
Konxju li din id-deċiżjoni bagħtet messaġġi ħżieni fost eluf ta’ persuni li ż-żwieġ tagħhom sfaxxa, Fr Renè jitkellem b’dik is-solitu attitudni ta’ ragħaj b’idejh miftuħa għal dawk li jħossuhom imwarrbin jew għal xi raġuni maqtugħin mill-Knisja.
“L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech talabni biex nagħmel eżerċizzji għal separati u li qiegħdin f’ħajja ġdida ma’ xi ħaddieħor. Kienu eżerċizzji suċċess u attendew ’il fuq minn 70 koppja.”
Nagħlaq il-ktieb fejn nieħu n-noti u nerġa’ nittanta bl-istess mistoqsija ta’ qabel.
“L-akbar biża’ tiegħi, Julia? Li l-Knisja tibqa’ ma tinbidilx,” jistqarr Renè Camilleri.
Il-bniedem jinstema’ sinċier. Inħoss li qed jostor fih numru ta’ affarijiet. Jixtieq il-bidla. Imma din il-bidla għadha ma waslitx…

1 comment:

  1. I have great respect for Fr.Rene's approach of informing his theological background on social issues. This means that the good news or gospel is not monolothic. The good christian or catholic should not just conform to the literal sense of the gospel. The spirit of the entire gosple ought to speak to present day reality that people live in now and give encouragement, sustenance and life to people struggling to live integral and loving lives.
    So the whole question of divorce, for instance, has nothing to do with our traditional and cultural stance, like that of the crucifix in schools, hospitals etc. Even this needs to be looked at from our newly emerging social context where public spaces ought to be religiously speaking newtral. Tying our cultural identity to not having divorce in the country is plainly foolish and not what the gospel demands for us. Was not Jesus responding to the attitude of people in his time to the whole question of divorce ? Was Jesus actually forbidding divorce for all time for his followers.. I doubt it seriously if we are to read the context to which Jesus was really responding.

    Finally, I feel that Rene is right. It is symptomatic of us as a people that while we want to change, we are afraid of letting go of that which still shackles us.

    ReplyDelete