Tuesday 23 March 2010

It-Torċa: Ittra lill-Editur fuq Xarabank u Queer Mediterranean Memories

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
Minn John C. Debattista
21.3.10

Jien ma nafx jekk Dun Ġorġ Preca kienx omosesswali mhux dikjarat. Kien jew ma kienx ma tagħmel differenza, għalija, għax min jgħix ħajja tajba jkunx iħobb in-nisa jew inkella lill-irġiel ftit li xejn jiswa.

Tgħiduli, biex int ġej dal-għodu Ġann?

Kont qed insegwi x-Xarabank tal-kunduttur u tqajjem is-suġġett għax kien mistieden l-awtur ta’ ktieb ġdid dwar l-omosesswalità f’Malta. Dan l-awtur ma jgħixx hawn Malta, imma fl-Awstralja, fejn jekk qbadt sew it-tagħrif dwaru huwa avukat imqabbad sew.

Jien il-ktieb ta’ dan l-awtur ma qrajtux, ħalli nkun qed ngħid kollox, imma kont nistenna li jkun hemm aktar tagħrif fil-programm dwar il-kontenut tiegħu. L-għatx klubi għas-sensazzjonaliżmu li għandu l-kunduttur u dawk li għandu madwaru spiss iżommu suġġett interessanti milli jiżviluppa sew u tgħid tal-anqas it-telespettaturi jieħdu xi ħaġa minnu.

Biex ikompli jgħaqqadli l-bùbù, ma setax jonqos li ma jkunx mistieden l-aktar bniedem antipatku li l-Mulej għoġbu jwaddab fuq din id-dinja, dak is-sapjentun ta’ Dun Ġużepp Borg, li tisimgħu jitkellem taħseb li sa mnalla kien hu biex idawwal l-imħuħ tal-Maltin. Dan l-għaref qassis, li allajbierek jista’ jgħid li jrid għax dejjem qisu għandu l-imprimatur tal-Kurja, iħobb joqgħod ifakkarna li hu akkademiku u ma setax jonqos li anke f’din l-okkażjoni ttanta jniggeż lill-avukat tal-Awstralja li xogħolu mhux akkademiku u x’naf jien. Issa, għeżież qarrejja, jien akkademiku bħal dan il-prifissur ta’ s***i miniex, imma wieħed akkademiku bil-laudi kollha, li iżda mhux miġbud bħal Dun Ġużepp, spiss nisimgħu jgħid li anke jekk tiġbor sala salun ta’ għorrief lanqas jaqblu bejniethom dwar x’inhu l-għerf. Issa ħalliha li dan San Ġużepp Borg qisu d-dawl divin, jew tal-anqas hekk iridu jġibuh li hu l-akkolti kollha li xebgħu jippumpjawh u jonfħuh daqs li kieku kien l-uniku espert dwar ix-xandir f’pajjiżna. Ma nafx eżattament fiex daħal is-sehem tiegħu fi programm dwar l-istorja tal-omosesswalità f’pajjiżna. L-importanti li kien hemm, idardar lill-Maltin u l-Għawdxin, kollu pompa u prożopoppea, tistħajlu xi li ġie jaqta’ s-sentenza aħħarija tal-ġudizzju divin. U ħalluna!

U naċċertakom li dawn l-argumenti mhux l-ewwel darba li tqajmu, għeżież qarrejja. Jien niftakar li meta konna għadna żgħar konna nafu sew x’inhi l-omosesswalità, u niftakar ukoll li kien hemm bosta li lil tal-Mużew ma tantx kienu jafdawhom, proprju minħabba f’dil-biċċa xogħol. Kienu jħarsu lejhom bl-ikrah dak iż-żmien, u dan minkejja li kienu għadhom ma ħarġux fil-beraħ l-iskandli li faqqgħu dan l-aħħar dwar pedofilija fil-knisja. Imma n-nies titkellem. Bħalma kienet titkellem dwar ċerti qassisin u dwar x’kien jiġri fis-skiet ta’ ċerti kunventi. Imma x-xarabank tal-kunduttur, għax moħħu ffissat, u għax dejjem irid idaħħal fin-nofs lill-istess allat li dejqulna għajna jippretenduha ta’ nixxigħat tal-għerf, dak li hu tassew ta’ interess iħallih għaddej. Puhhhh!

No comments:

Post a Comment