Tuesday 1 December 2009

It-Torċa: Il-GWU f’ħidma favur il-ħaddiema LGBT

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
29.11.9

Il-pożizzjoni meħuda mill-General Workers’ Union għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni liżbjani, gay, bisesswali u transgender jidher li aktar ma’ jgħaddi żmien qiegħda tkabbar l-għarfien li l-Union hija l-organizzazzjoni li b’mod tanġibli qiegħda taħdem f’dan il-qasam. Il-komunità LGBT f’Malta kellha reazzjoni pożittiva ħafna speċjalment dawk il-ħaddiema li qiegħdin isofru fuq il-post tax-xogħol minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Mistoqsi mit-TORĊA dwar ħidmet il-GWU f’dan il-qasam id-Deputat Segretarju Ġenerali Gejtu Mercieca qal li l-Union qatt ma qagħdet lura milli tiddiskuti b’mod miftuħ temi soċjali jaħarqu, bħal mhuma dawk li jolqtu l-liżbjani, gays, bisesswali u transgender (LGBT):

“Il GWU qatt ma beżgħet tindirizza dawn it-tip ta’ temi, l aktar meta dawn ikun hemm min jipprova li jew ma jtihomx l importanza meħtieġa, inkella jaħbihom qishom ma jeżitux. Wieħed mill-ogħla prinċipji fundamentali huwa li kull persuna titwieled ħielsa bl-istess drittijiet u dinjità. Dan il-principju universali intrinsikament ifisser li ħadd m’għandu jsofri diskriminazzjoni, la fis-soċjetà u wisq anqas fuq il-post tax-xogħol, minħabba sess jew orjentazzjoni sesswali”

Huwa tenna li dwar il-ħtieġi tal-persuni LGBT il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) xhur ilu organizzat konferenza dwar id-drittijiet ta’ dawn il-persuni. Fost il-punti li ħarġu minn dik il-konferenza, li kienu diversi, hemm il-ħtieġa ta’ għarfien ikbar għar-realtajiet li jgħixu dawn il-persuni u li d-drittijiet tagħhom huma wkoll temi trejdunjonistiċi: “L-impenn tredjunjonistiku preżenti tagħna bħala GWU mandakollu ma jeħlisniex mill-fatt li sa ftit tas-snin ilu ma konniex nagħtu kas tad-drittijiet u r-realtajiet li jgħixu fihom il-persuni li huma LGBT.”

Mercieca qal li fir-realtà f’pajjiżna persuni b’orjentazzjoni sesswali għadhom mhux biss ikunu diskriminati iżda anki żufjettati u abbużati verbalment u fiżikament fuq il-postijiet tax-xogħol u anki fil-ħajja soċjali tagħhom. Dan il-fatt qed iwassal ukoll biex persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti jibżgħu jiżvelaw il-veru identità sesswali tagħhom: “Ċirkustanza li twassal ukoll għal ansjetà bla ħtieġa u biex persuni jħossuhom aborriti mis-soċjetà. Huwa fatt ukoll li persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti għadhom ikunu mċaħħda mid-drittijiet li jgawdu persuni oħra meqjusa li jikkonformaw man-normi stabbiliti.”

Hu f’dan l-ambitu li l-GWU ħadet ir-responsabilità u ħarġet il-Policy Paper tagħha fuq dawn il-persuni u anki ħolqot working group għaliex temmen li dawn il-persuni għandhom bżonn leħen aktar b’saħħtu biex iwasslilhom dawk id-drittijiet fundamentali li għandu jkollhom. Fil-ġimgħa li għaddiet il-GWU kienet mistiedna mill-Ministry of Integration and Gender Equality tal-Iżvezja għall-konferenza fuq din it-tema fejn fiha saret prezentazzjoni tal-policy paper tagħha fuq il-persuni LGBT. Dan juri kemm hu importanti li dawn il-persuni joħorġu fil-beraħ u jfittxu l-wens tal-GWU fl-interess tagħhom.

Min-naħa tiegħu Jeremy Camilleri - assistent segretarju taqsima gvern u entitajiet pubbliċi u preżentament membru fil-kumitat LGBT tal-GWU għall-mistoqsijiet tat-TORĊA qal li jaħseb li l-isfida ewlenija għal dawn il-persuni hija dik li jkunu lesti jgħelbu l-istigma u jneħħu l-biżgħa li qiegħdin iħossu meta jiġu biex jitkellmu dwar il-problemi li jiffaċċjaw ta’ kuljum fid-dinja tax-xogħol: “F’soċjetà li fiha LGBT isofru bullying, harrasement u xi minn daqqiet, anki nuqqas ta’ impjieg fuq bażi regolari minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, il-fatt li dawn ma tantx jitkellmu jew jirraportaw dan l-aġir iqajjem ħafna mistoqsijiet.”

Huwa qal li l-GWU saħħet ix-xogħol tagħha f’dan il-qasam billi nehdiet policy paper li tati direzzjoni ċara u b’saħħitha ta’ fejn, u kif il-Union trid timxi ‘l quddiem. Ta’ min jgħid li din il-policy paper saret wara laqgħat ta’ konsultazzjoni m’għaqdiet bħal Malta Gay Rights Movement (MGRM) fuq bażi lokali kif ukoll l-International Gay & Lesbian Association (ILGA) fuq bażi Ewropea. Xhieda ta’ dan kien il-mod ta kif kienet milqugħa din il-policy paper minn numru ta’ Unions u għaqdiet Ewropej, meta din kienet ippreżentata fi Stokkolma waqt equality summit organizzat mill-EU.

Camilleri tenna li l-ħsieb huwa li jkun hemm numru ta’ ħaddiema LGBT li huma fi ħdan il-Union: “Bħalissa, l-isforzi li qiegħdin isiru min-naħa tagħna biex imexxu ‘l quddiem il-kawza ta’ nies LGBT, hija evidenti kemm lokalment, kif ukoll b’mod aktar wiesa barra minn xtutna, biex nieħdu l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra, u nimxu fuq it-tajjeb tagħhom. Iżda, irridu nammettu wkoll, li l-aħjar nies biex jippreżentaw il-problemi huma l-istess nies li jesperjenzawhom fuq bażi regolari. Għaldaqstant, ikun għaqli li jkollna numru ta’ LGBT fostna, biex aħna stess, bħala Union, nitghallmu mill-esperjenzi tagħhom, u b’hekk, inkun aktar faċli għall-GWU biex tuża s-saħħa kollha li għandha ħalli jitwaqqaf l-aġir diskriminatorju fil-konfront tagħhom fid-dinja tax-xogħol jitwaqqaf minnufih. Jekk nies LGBT ikomplu jingħalqu fihom infushom, l-integrazzjoni tagħhom tagħhom fid-dinja tax-xogħol bħala ‘equal partners’ se tkompli tkun posposta.” Huwa tenna li s-snin kollha ta’ diskriminazzjoni istituzzjonalizzata f’kull aspett tas-soċjetà intolleranti, ħallew l-effett tagħhom: “ħafna minn nies LGBT donnhom daħħlu f’qoxra u jfittxu kenn fl-anonimità. Dan minħabba li jibżgħu li jekk jitkellmu, jew ikunu rredikolati jew is-sitwazzjoni tagħhom tmur għall-agħar.”

Camilleri isostni li: “Dan m’għandu jkun qatt. Persuna, tkun xi tkun l-orjentazzjoni sesswali tagħha għanda titkellem għad-drittijiet tagħha mingħajr biża’ ta’ xejn. Bħala GWU għalhekk qiegħdin iniedu dawn l-inizjattivi, biex noffru ħajt għal-kenn.”

No comments:

Post a Comment