Monday 26 October 2009

L-Orizzont: Din il-gimgha tiltaqa’ f’Malta l-Konferenza Ewropea tal-ILGA

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=57653
26.10.9 minn Sammy Sammut

Grazzi għall-ħidma sfiqa mwettqa minnu f’fora internazzjonali matul ix-xhur li għaddew, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) din il-gimgħa se jkun qed jagħti merħba lil aktar minn 265 delegat minn diversi pajjiżi Ewropej li se jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-31 Konferenza Annwali tal-fergħa Ewropea tal-International Lesbian and Gay Association (ILGA).

It-tema magħżula għall-Konferenza ta’ din is-sena, li se tkun qiegħda tiltaqa’ bejn il-Ħamis, 29 ta’ Ottubru u l-Ħadd, l-1 ta’ Novembru, fil-Lukanda Corinthia Marina fil-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan, hija "Ngħelbu l-Barrieri Reliġjużi u Kulturali għall-Ugwaljanza LGBT".

Il-Konferenza mhijiex sempliċi assemblea ġenerali annwali ta’ din l-għaqda Ewropea, fejn jittieħed kont tal-attivitajiet organizzati matul is-sena li għaddiet u jkun elett il-Bord Eżekuttiv il-ġdid, iżda toffri wkoll l-opportunità lil attivisti LGBT minn kull rokna tal-Ewropea u wkoll lil hinn minnha, biex jiddiskutu u jibdlu l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom dwar firxa sħiħa ta’ suġġetti li jolqtu mill-qrib lill-persuni lesbjani, gay, bisesswali u transesswali.

Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet ta’ din il-Konferenza Ewropea tal-ILGA huwa dak li l-attivisti LGBT jgħarblu problemi u sfidi komuni, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u flimkien jipprovaw jisiltu l-aħjar prattiċi biex ikomplu jikkumbattu d-diskriminazzjoni li għadha teżisti fl-Ewropa u fl-istess waqt javvanzaw il quddiem l-ugwaljanza u d-drittijiet umani tal-persuni LGBT. Dan jsir billi waqt li janalizzaw l-iżviluppi u l-kisbiet li saru matul it-tnax-il xahar li għaddew, jfasslu proġetti, strateġiji u tattiċi futuri.

Konformi mat-tema magħzula għal din is-sena, matul is-sessjonijiet plenarji u aktar minn tletin workshop differenti li sejrin jiltaqgħu matul l-erbat’ijiem tal-Konferenza, id-delegati Ewropej tal-ILGA sejrin ikunu qegħdin jiddjalogaw ma’ rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet reliġjuzi u kulturali diversi bil-għan li tkun megħluba d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru. Attenzjoni patikolari se tingħata wkoll ghar-reati tal-mibgħeda u d-drittijiet ta’ minoranzi, kif ukoll kwistjonijiet kulturali u oħrajn li jolqtu l-edukazzjoni, ix-xoghol, l-inklużjoni soċjali, ir-reliġjon u anke s-servizzi tas-saħħa.

Għal din il-Konferenza diġa kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom uffiċjali mill-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Ewropea ghas-Sigurtà u l-Koperazzjoni (OSCE), kif ukoll rappreżentanti tal-Gvern Skoċċiz u Olandiz, flimkien ma’ persuni akkademiċi minn Spanja u r-Renju Unit.

Kontribut importanti ser jingħata minn għadd ta’ personalitjiet distinti li sejrin jindirizzaw lid-delegati u jieħdu sehem f’workshops differenti. Dawn jinkludu lill-Membru Parlamentari Ewropew Ulrike Lunacek, l-ex Membru Parlamentri Taljan u ġurnalist, Vladimir Luxuria, Juris Callitis li huwa pastor tal-Knisja Anglikana fil-Latvja, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, it-Tabib Francis Agius u s-Sindku tal-belt ta’ The Hague, Frits Huffnagel.
Ġurnata qabel tibda l-Konferenza Annwali tal-ILGA Europe - nhar il-Ħamis, 28 ta’ Ottubru se tiltaqa’ konferenza ohra 'TransEurope’ li se tkun l-akbar waħda li qatt iltaqgħet fuq livell Ewropew biex ikunu diskussi problemi u sfidi li għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom persuni transesswali.

Tul din il-Konferenza se tingħata ħarsa lejn l-iżviluppi politiċi u leġislattivi li kien hemm kemm fuq livell Ewropew kif ukoll dawk nazzjonali, waqt li jkunu mfasslin l-aħjar prattiċi li għandhom ikunu adottati bil-għan li tkompli tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u tinkiseb l-ugwaljanza. Apparti l-Konferenza, sejrin jittellgħu rappreżentazzjoni teatrali u wirja fotografika fiċ-Ċentru tal-Kreattività tal-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Persuni mill-komunità LGBT Maltija kif ukoll oħrajn interessati fid-drittijiet LGBT interessati li jattendu, jistgħu jiksbu aktar tagħrif u dettalji mis-sit: www.ilga-europe.org.

No comments:

Post a Comment