Tuesday 1 September 2009

L-Orizzont: David Casa “fl-aħħar” jiffirma kontra d-diskriminazzjoni tal-‘gays’

minn Victor Vella

Il-kommunità ‘gay’ f’Malta qiegħda tesprimi sodisfazzjon hekk kif wara pressjoni li ilha tagħmel għal diversi ġimgħat, fl-aħħar il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista, David Casa aċċetta li jiffirma l-impenn ta’ ILGA Europe – l-għaqda li tirrappreżenta l-‘gays’.

Dan l-impenn hu dwar id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, diżabilità, orjentazzjoni sesswali u reliġjon. Malta hu l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fejn l-Ewro Parlamentari kollha iffirmaw l-impenn ta’ ILGA Europe. F’Mejju tas-sena li għaddiet meta ttieħed il-vot fil-Parlament Ewropew, David Casa kien astjena, u issa bil-pressjoni tal-moviment ‘gay’ iffirma l-impenn kontra d-diskriminazzjoni. Fi kliem persuni ‘gay’, David Casa, issa qiegħed fuq l-istess dgħajsa għallinqas fuq il-karta.

Id-direttiva proposta qajmet kontroversja fl-aħħar ġimgħat, minħabba l-fatt li tista’ twassal biex jitneħħew is-slaleb minn postijiet pubbliċi, jekk xi ħadd jilmenta li qiegħed iħossu offiż bihom. S’issa l-Gvern Malti għadu ma ddikjarax il-pożizzjoni tiegħu fuq din id-direttiva, għalkemm sorsi mhux uffiċjali qegħdin jgħidu li l-Gvern Malti flimkien mal-Polonja, l-Italja u r-Repubblika Ċeka se jopponu din id-direttiva. Il-Presidenza Svediża trid li din tkun diskussa qabel ittemm il-Presidenza f’Diċembru.

Ta’ min jgħid li ftit jiem biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali waqt laqgħa li l-‘Malta Gay Rights Movement’ (MGRM) kellha mal-Partit Nazzjonalista, l-eks-Ministru Louis Galea u eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Joe Saliba stqarrew li fil-prinċipju huma favur leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-provvista ta’ prodotti u servizzi u qalu li huma lesti li jappoġġjaw direttiva tal-UE f’dan ir-rigward.

Iżda ftit inqas minn tliet xhur wara, Simon Busuttil innifsu, flimkien mal-MEP l-ieħor tal-PN David Casa insew x’kienu wegħdu u minflok appoġġjaw din id-direttiva, “farfru” ir-responsabbilità minn fuq spallejhom u astjenew fil-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew nhar l-20 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet.

Minkejja li astjenew xorta waħda l-Parlament Ewropew adotta r-rapport imħejji fi ħdan il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea żżomm “l-impenn tagħha li tressaq direttiva komprensiva li tkopri d-diżabilità, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-orjentazzjoni sesswali.”

Ir-rapport kien adottat b’362 vot favur, 262 kontra u 56 astensjoni u fost dawk li astjenew kien hemm Simon Busuttil u David Casa.

Dwar dan il-vot, l-MGRM, fi stqarrija għall-istampa kienet qalet li “għal darb’oħra, il-Membri Parlamentari Ewropew Nazzjonalisti naqqsu li jappoġġjaw miżura tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi protezzjoni legali fil-konfront ta’ numru ta’ gruppi ta’ minoritajiet li jbatu minn diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età, reliġjon, diżabilità u orjentazzjoni sesswali.”

Il-MGRM kienet qalet ukoll li hija ddiżappuntata bil-mod ta’ kif qegħdin jivvutaw il-Membri Parlamentari Ewropew Nazzjonalisti, li konsistentament qegħdin juru nuqqas ta’ rabta biex jintlaħaq l-għan ta’ ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha tal-UE.

“Dan sar minkejja l-fatt li waqt laqgħa li l-MGRM kellha qabel l-elezzjoni ġenerali, ir-rappreż-entanti tal-PN, fosthom Simon Busuttil, saħqu li m’humiex se joġġezzjonaw għal direttiva kontra d-diskriminazzjoni li tipproteġi l-proviżjoni ta’ prodotti u servizzi,” kienet saħqet il-MGRM.

No comments:

Post a Comment