Tuesday 25 August 2009

ĠENSillum: Direttiva “li tipproteġi lil-individwu fit-tħaddim u fit-tagħlim tar-reliġjon”

Artiklu mhux iffirmat meħud mill-ħarġa ta’ Il-ĠENSillum tas-Sibt, 22 ta’ Awwissu, 2009.

• Silvan Bugeja, il-kelliem għall-Ministeru tal-Politika Soċjali, sostna li l-abbozz tad-Direttiva għal Trattament Ugwali bejn persuni, irrispettivament mir-reliġjon, jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għandha l-għan li tipproteġi lill-individwu fit-tħaddim u fit-tagħlim tar-reliġjon tiegħu.
Dejjem skont dan il-kelliem, din id-Direttiva ma tippreġudikax l-aġir tal-istati membri dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-knejjes u organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq reliġjon jew twemmin fit-territorju tiegħu. Fl-istess ħin, iżda, ma indikax jekk il-Gvern Malti huwiex favur jew kontra din id-direttiva.

Rapporti fil-mezzi tax-xandir lokali sostnew li Malta, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħrajn, fosthom il-Ġermanja, il-Polonja, l-Italja u l-Irlanda qegħdin jopponi din id-Direttiva u għalhekk mhux mistenni li din tidħol fis-seħħ tard din is-sena, kif inhi x-xewqa tal-Presidenza Svediża.

Esponenti Kattoliċi madwar l-Ewropa kkritikaw l-abbozz ta’ din id-Direttiva għax tista’ tfisser li t-tennija ta’ tagħlim infurmat minn reliġjon jista’ jiġi mifhum li qed jagħti fasidju lil xi wħud, u għalhekk ma għandux jiġi mtenni fil-pubbliku. L-istess jista’ jingħad għal ideat iffurmati skont tagħlim reliġjuż waqt li regolamenti ta’ stabbilimenti reliġjużi jistgħu jiġu definiti bħala diskriminatorji, per eżempju jekk koppja omosesswali jew koppja eterosesswali mhux miżżewġa ma titħalliex toqgħod fl-istess kamra f’dar tal-irtiri jew sala parrokkjali ma tingħatax lil gruppi li jistqarru tagħlim li jmur kontra l-Knisja Kattolika.

Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-Gvern dwar din id-Direttiva, il-kelliem għall-Ministeru tenna x’forom ta’ ħarsien kontra d-diskriminazzjoni tipprovdi l-liġi Maltija, u li minħabba li d-Direttiva ma tobbligax lill-pajjiżi membri dwar politika fuq żwieġ u familja, din ma tbiddilx kwistjonijiet ta’ policy pubblika mħaddna mill-Gvern. Madankollu ma qalx jekk il-Gvern Malti hux qed jaddotta pożizzjoni favur jew kontra din id-Direttiva.

Hu spjega li Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta diġa jipprovdi għal protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi ta’ status. Barra minn hekk, il-Liġijiet ta’ Malta jipprovdu għal protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fit-tgawdija ta’ kull dritt rikonoxxut fl-istess Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea.

“F’dan il-qafas ta’ protezzjoni kostituzzjonali u konvenzjonali, il-Gvern ukoll kompla jsaħħaħ il-qafas legali fil-konfront ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, reliġjon, twemmin, diżabilità, età, razza u orjentazzjoni sesswali speċjalment fil-qasam tax-xogħol kif ukoll fil-qasam ta’ servizzi u oġġetti.

“Dan it-tisħiħ jinsab kemm fl-Att dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa kif ukoll fl-Att dwar Mpjiegi u Relazzjonijiet Industrijali li jipprovdu qafas ta’ protezzjoni u saħansitra investigazzjoni ta’ lmenti abbażi ta’ diskriminazzjoni”, huwa qal.
“Il-Gvern kompla saħħaħ ukoll is-sanzjonijiet fil-konfront ta’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ razza u reliġjon meta fil-Kodiċi Kriminali provda għal punizzjoni akbar meta reat fuq persuna jitwettaq bi skop ta’ diskriminazzjoni. Dan jidher mill-Artikolu 222A tal-Kodiċi Kriminali. Minn naħa l-oħra Artiklu 82A jagħmel reat kull tixwiex għal mibgħeda razzjali jew reliġjuża. Id-diskrimianzzjoni fuq bażi ta’ diżabilità wkoll diġa’ tinsab f’qafas legali taħt l-Att għall-Opportunitajiet Indaqs għal Persuni b’Diżabilità”.

Dwar id-Direttiva hu fisser li jinsab “infurmat li d-Direttiva li qed tiġi proposta ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri fil-qasam ta’ familja, żwieġ jew kwistjonijiet oħra ta’ policy pubblika”.

Bugeja sostna li d-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi lill-individwu fit-tħaddim tar-reliġjon tiegħu u fit-tagħlim ta’ din ir-reliġjon, Fl-istess waqt tassigura li reliġjonijiet u twemmin differenti jgħixu fil-paċi u b’rispett lejn xulxin.

Mistoqsi dwar il-fatt li ‘t-twassil’ tat-tagħlim reliġjuż jew morali jista’ jiġi mifhum bħala li jikser id-Direttur, għax per eżempju t-tagħlim dwar sesswalità jagħti fastidju lil persuni omosesswali, Bugeja wieġed li “d-Direttiva ma tindirizzax it-tagħlim reliġjuż u l-anqas tiġġudika dak it-tagħlim”, u li kull persuna hi libera li tħaddan it-tagħlim u l-morali li jidhrilha.

“Id-Direttiva tipprovdi qafas legali biex tiġi mneħħija d-diskriminazzjoni u tassigura li persuna ma ssofriex inġustizzja, preġudizzju, dannu jew marġinalizzazzjoni minħabba xi wieħed mill-istatus tal-persuna li ssemmi d-Direttiva. B’hekk kull membru ta’ reliġjon, ikun liema jkun, huwa liberu li jħaddan dak it-tagħlim jew morali li jidhirlu xieraq fir-reliġjon tiegħu u saħansitra din id-Direttiva tipproteġi kull individwu milli jsofri xi dannu jew preġudizju minħabba t-tagħlim reliġjuż tiegħu”, qal il-kelliem għall-Ministeru tal-Politika Soċjali. “Dan ma jfissirx però li persuna tista’ tippersegwita persuna oħra għax oħrajn mhux membri tal-istess reliġjon u ma jħaddnux l-istess fidi. Kwalunkwe persuna, hija ta’ liema fidi hija, tibqa’ dejjem soġġetta għal liġi”

Fl-istess ħin iżda ma indirizzax dwar x’impatt għandha d-Direttiva, fil-forma preżenti, fuq ‘it-twassil’ tat-tagħlim reliġjuż u morali.

Irid jingħad li l-Konferenza Episkopali tal-Ingilterra u Wales stqarret fost l-oħrajn li frott id-Direttiva, diskussjonijiet f’fora pubbliċi dwar fidi u etika sesswali, fost l-oħrajn, faċilment tagħti opportunità lil individwi li jħossuhom offiżi. Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Ingilterra u Wales, Mons Andrew Summersgill qal li “diversi gruppi x’aktar jużaw il-proviżjonijiet tad-Direttiva biex inaqqsu l-espressjoni ta’ opinjonijiet li ma jaqblux magħhom, u dan sempliċiment billi jiddikjaraw lilhom infushom offiżi. Hekk gruppi omosesswali li qed jagħmlu kampanja favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess jistgħu jiddikjaraw lilhom infushom offiżi mill-preżentazzjoni tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar atti omosesswali.
Hu kien qed jitkellem fit-tweġiba tal-Konferenza Episkopali għall-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din id-Direttiva mniedi mill-Gvern Ingliż.

Il-Professur dwar bioetika William Wagner sostna fuq il-blogg Nisrani tiegħu li “ċittadin li jfittex li jinforma l-etika ċivika ma għandux ikun punit, jew persegwitat għax l-ideat tiegħu huma nfurmati minn twemmin Nisrani”, waqt li tenna li dan ikun projbit mid-Direttiva.

Bugeja sostna wkoll li huwa “infurmat” li l-Artikolu 3 u 13 “jirrikonoxxu li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jirregolaw l-istatus u l-attivitajiet tal-knejjes u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn bbażati fuq reliġjon jew twemmin fit-territorju tiegħu”.

Mons Summersgill qal li mhux ċar jekk id-Direttiva tobbligax lil kappillan jikri s-sala parrokkjali lil grupp ta’ sħaħar. Dwar Artiklu 13 huwa qal li “dan jista’ jobbliga lil gruppi Kattoliċi biex jaġixxu kontra l-ethos tagħhom”.

Huwa semma l-eżempju ta’ post fejn grupp Kattoliku jorganizza attivitajiet tipo irtir: “It-tagħlim tal-Knisja jesiġi li sodda doppja tingħata biss lill-koppji miżżewġin. Taħt Artiklu 13, dan jista’ jkun illegali għax ma tagħtix trattament ekwu lil koppja eterosesswali mhux miżżewġa jew koppja omosesswali”.

No comments:

Post a Comment