Tuesday 7 July 2009

L-Orizzont: Dinjità fid-Diversità

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=54841
7.7.9 minn Sammy Sammut

Kif sar tul dawn l-aħħar erbgħin sena, l-komunità gay mxerrda madwar l-erbat’ irjieħ tad-dinja qiegħda terġa’ tfakkar lill-irġiel u n-nisa kuraġġjużi li kienu wettqu dawk li storikament baqgħu magħrufin bħala l-Irvellijiet ta’ Stonewall. Dawn l-irvellijiet ta’ Ġunju tal-1969, mhux biss servew biex persuni gay joħorġu minn qoxrithom iżda wkoll biex dawn jingħaqdu f’forza waħda u qawwija f’sejħa għal drittijiet ċivili ndaqs għal persuni gay, leżbjani, bisesswali u transesswali (LGBT).

F’dan iż-żmien tas-sena, l-komunità gay Maltija wkoll tingħaqad mal-moviment gay dinji fl-insistenza kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni u omofobija, waqt li tkompli tisħaq għad-dinjità u r-rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet ċivili tal-persuni LGBT kollha. Huwa għalhekk li t-tema magħżula għall-‘Diverscity Week 2009’, hija ‘Dinjità fid-Diversità’. Għal matul din il-ġimgħa ta’ ċelebrazzjonijiet, il-Malta Gay Rights Movement ħaseb biex jorganizza diversi attivitajiet soċjo-kulturali mmirati li jkomplu jagħmlu lill-pubbliku nġenerali aktar konxju minn kwistjonijiet li jolqtu mill-qrib persuni LGBT.


Film Festival

Għal darba oħra qed jerġa’ jittella’ l-Festival ta’ Films LGBT li se joffri tlett films mill-isbaħ u li ħadd m’għandu jitlef għax għalkemm huma differenti minn xulxin, bil-mod tagħhom kollha kapaċi jnisslulna tbissima kif ukoll demgħa meta nilbsu ż-żarbun tal-protagonisti u nifhmu t-tbatijiet li jkollhom isofru sempliċiment għax parti mis-soċjetà tħares lejhom b’mod differenti mill-bqija.

L-ewwel film jintwera nhar it-Tnejn, 13 ta’ Lulju. “Ma Vie en rose” (1997) jirrakkonta l-istorja ta’ tifel li jkun konvint li huwa tifla u għaldaqstant jittama li jsir miraklu u jkollu ġisem ta’ tifla. Dawk ta’ madwaru jirrealizzaw li xewqtu mhix sempliċi fantasija ta’ tifel u għalhekk jagħmlu minn kollox biex jibdlulu fehmtu iżda kollox ikun għalxejn. Is-sitwazzjoni tinbidel fi drama tal-ħajja reali ta’ reazzjonijiet intensi mill-ġirien, mill-ħbieb u l-għalliema.

X’aktarx li “Ma Vie en rose”, tad-direttur Belġjan Alaine Berliner, kien l-ewwel film li tratta l-identità sesswali f’età daqstant tenera, l-età meta jibdew jitfaċċaw mistoqsijiet dwar dan is-suġġett tant delikat. Min-naħa l-oħra, il-film mhux intenzjonat li juri x’inhu tajjeb jew ħażin għat-tfal kollha. Minflok, dan jeżamina kif każ bħal dan jista’ jaffettwa lill-ġenituri, lill-ġirien u lill-komunità kollha li jagħmlu parti minnha.

L-għada t-Tlieta, 14 ta’ Lulju, naraw il-film tad-direttur Shamim Sharif - “I Can’t Think Straight” (2007), li huwa kummiedja romantika li jlaqqana ma’ żewġ tfajliet li mhux biss ikollhom karattri opposti għal xulxin iżda wkoll ġejjin minn kulturi u reliġjonijiet differenti. Huma jiltaqgħu b’kumbinazzjoni meta waħda minnhom tkun qiegħda tipprepara għaż-żwieġ tagħha waqt li l-oħra tkun qiegħda tinnamra mal-akbar ħabib tal-għarusa.

Minkejja dawn id-differenzi kollha ta’ bejniethom, il-ġibda tagħhom lejn xulxin tkun immedjata, bir-riżultat li jsiru jħobbu lil xulxin, iżda ma jkunux lesti jaċċettaw l-implikazzjonijiet tal-għażla li qalbhom tkun għamlet għalihom. Huma jinfirdu iżda d-destin ikun diġa’ lesta triqithom bir-riżultat li t-tieġ jitħassar u persuni qrib ħafna tagħhom jibdew jippjanaw kif dawn iż-żewġ nisa jistgħu jerġgħu jiltaqgħu.

Iżda forsi l-aktar film qawwi u li għandu jħalli impatt kbir fuq dawk kollha li se jmorru jarawh nhar il-Ħamis, 16 ta’ Lulju, huwa ‘Bent’ (1997) tad-direttur Sean Mathias, fuq adattament ta’ dramm b’kitba ta’ Martin Sherman li kien qanqal reazzjonijiet mill-aktar qawwijin kull fejn ittella’. ‘Bent’ jirrakkonta storja emozzjonali u ta’ imħabba, hekk kif tliet irġiel omosesswali jkollhom jitqabdu kontra persekuzzjoni li twerwer f’attentat li jsalvaw ġildhom fil-Ġermanja faxxista ta’ qabel il-gwerra.

Dan il-film għandu jdaħħal lill-udjenza f’qoxritha bl-istorja li tqanqal il-qalb fejn naraw kif l-imħabba kapaċi tirbaħ fuq kull oppressjoni anke fl-aktar ċirkostanzi estremi. Jagħti wkoll it-tifsira tat-trijanglu roża peress li ftit jafu dwar it-trattament ta’ persuni omosesswali fl-Olokawst għax dawk li salvaw mill-kampijiet ta’ konċentrament, mal-ħelsien tagħhom indunaw li l-istess liġijiet kienu għadhom effettivi fl-Ewropa u li huma ntefgħu l-ħabs għal xi ħaġa li kienet għadha kkunsidrata reat f’ħafna mill-pajjiiżi.

Il-films kollha sejrin jintwerew fil-Kavallier ta’ San Ġakbu u jibdew fid-9.00 p.m. Il-biljetti jistgħu jinxtraw singli għal kull film bil-prezz ta’ €5 għal dawk li mhumiex membri tal-MGRM u €3 għall-membri; jew fi blokk ta’ tlieta għall-prezz ta’ €12 u €7 rispettivament. Għal aktar dettalji ċempel fuq 9925 5559.


Spazju għan-Nisa

Din is-sena se terġa’ tkun organizzata dik magħrufa bħala “Women Space”, nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Lulju, mit-8.00 p.m. ‘il quddiem, fil-post li l-Fondazzjoni Gaia għandha f’Għajn Tuffieħa. Din hija attività annwali ta’ arti u mużika organizzata mill-MGRM esklussivament għan-nisa, fejn diversi personalitajiet femminili jinġabru flimkien biex jiċċelebraw il-feminilità u dak kollu li jgħaqqad lin-nisa flimkien. Il-mistiedna speċjali se tkun Claudia Faniello Unplugged.

Il-parteċipazzjoni se tkun mingħajr ħlas, ħlief għall-ikla buffet li l-biljetti għaliha jistgħu jinkisbu għall-prezz ta’ €10. Għal aktar dettalji jew biex tirriserva post tista’ ċċempel fuq in-numru 9925 5559 jew ibgħat email lil Sonja fuq: support@maltagayrights.org.


LGBT Pride March

Attività li dejjem tkun mistennija b’ċerta ħerqa huwa l-LGBT Pride March li l-Malta Gay Rights Movement se jkun qiegħed jorganizza għas-sitt sena konsekuttiva. Din is-sena dan se jerġa’ jsir fil-Belt Valletta, nhar is-Sibt, 18 ta’ Lulju. Dan jibda fl-10.00 a.m. minn Bieb il-Belt.

Għal din il-mixja qegħdin ikunu mistiedna jattendu dawk kollha li huma ta’ rieda tajba u ma jistax jonqos li jerġgħu jieħdu sehem mexxejja ta’ partiti politiċi kif ukoll rappreżentanza mill-aktar wiesgħa tas-soċjetà ċivili.


Ħsejjes ta’ Diversità

Iċ-ċelebrazzjonijiet organizzati mill-Malta Gay Rights Movement għall-edizzjoni ta’ din is-sena tad-Diverscity Week jintemmu nhar is-Sibt, 18 ta’ Lulju, permezz ta’ inizjattiva mill-aktar interessanti fejn se jkunu qegħdin jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom ‘The Pink Singers’ flimkien ma’ ‘Symphonik’ fil-kunċert bit-tema “Sounds of Diversity”, li jibda fit-8.30 p.m., fis-City Theatre, il-Belt Valletta.

‘The Pink Singers’, li s-sena l-oħra ċċelebraw il-25 anniversarju mit-twaqqif tagħhom, huwa l-kor tal-komunità lesbjana u gay f’Londra u kien deher l-ewwel darba fil-pubbliku fis-7 ta’ April waqt il-Gay Pride tal-1983 f’Londra. Taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mladen Stankovich, ir-ripertorju ta’ ‘The Pink Singers’ huwa wieħed mill-aktar varjat.

‘Symphonik’ huwa proġett ambizzjuż tal-għaqda Żgħażagħ Ħaddiema Nsara (ŻĦN). Huwa grupp ta’ żgħażagħ li jixtiequ jesprimu u jiżviluppaw it-talent mużikali tagħhom waqt li jaħdmu għal kawża ġusta. Huwa kor iffurmat minn għadd konsiderevoli ta’ kantanti, akkumpanjati minn banda. Dan jieħu sehem f’għadd ta’ kunċerti, fejn apparti li jagħtu gost lill-udjenzi, jipprovaw iwasslu messaġġ favur il-ġustizzja soċjali waqt li jqanqlu kuxjenza dwar kawżi ġusti. Bħalissa l-kor qed jieħu sehem fil-proġett tal-UE, ‘Musequality’ li huwa bbażat fuq it-tema ta’ l-ugwaljanza.

Il-biljetti għal dan l-ewwel kunċert tax-xorta tiegħu f’pajjiżna jistgħu jinxtraw għall-prezz ta’ €12. Għal aktar dettalji wieħed jista’ jċempel fuq in-nurmu 7959 3297 jew jibgħat email: info@soundsofdiversity.com jew jidħol fis-sit: www.soundsofdiversity.com.

No comments:

Post a Comment