Tuesday 19 May 2009

Illum: Għaliex il-Papa m’għandux raġun dwar il-kondoms

[Click here for English version.]

http://www.illum.com.mt/2009/05/17/l1.html
17 ta’ Mejju 2009 Nr 133; minn Dr. Patrick Attard, Naxxar 
(Tradotta għall-Malti minn Dr Harry Vassallo)

Il-Knisja Kattolika tgħallem li kull xorta ta’ sess mhux fi żwieġ u mhux bil-ħsieb għall-prokreazzjoni hu dnub gravi kontra l-kastità. Għalhekk l-użu ta’ kondoms bejn koppji mhux mizżżewġa u bejn koppji tal-istess sess jaqgħu f’din il-kategorija.

Għalhekk il-Knisja Kattolika ma tistax tapprova l-użu tal-kondom mingħajr ma tagħmel reviżjoni mill-qiegħ tad-dottrina tagħha dwar is-sesswalità. Waqt li wieħed kellu jobsor li l-Papa Benedettu ma japprovax l-użu tal-kondom għal dawn ir-raġunijiet imissu joqgħod lura milli
 jxerred informazzjoni żbaljata dwar dan il-mezz li jsalva l-ħajja. Fil-fatt il-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti waqt il-vjaġġ tiegħu lejn il-Cameroon ġibed lejh oppożizzjoni qawwija mill-Lancet Medical Journal u mill-Parlament Belġjan li għadda mozzjoni ta’ protesta għar-rimarki tal-Papa.

Iżda x’inhu dan l-għaġeb kollu?

Jekk inħarsu lejn din il-kwistjoni mil-lenti matematika, jekk is-seatbelt f’karozza nistgħu ngħodduh effiċjenti f’livell ta bejn 90-95%, wieħed ikun iblaħ li ma jilbsux.

Madankollu jekk xi ħadd nesa jilbsu darba fil-ġimgħa li għaddiet dan in-nuqqas ma kien ikollu l-ebda effett biex inaqqas il-probabbiltà ta’ inċident fil-ġimgħa li ġejja. Iżda peress li l-kondom għandu x’jaqsam ma’ mard li jittieħed, il-kwistjoni hi mod ieħor għal kollox: il-fatt li xi ħadd ma wżax kondom ix-xahar li għadda jista’ jkollu riżultati qawwija ’l quddiem.






















Il-Piramida tal-AIDS

L-aħjar li dan infissruh b’eżempju bħal dak ta’ hawn fuq li fih raġel kellu x’jaqsam sesswalment ma’ 10 nisa f’5 snin (iċ-ċifri jiċċaraw l-eżempju). Fil-ħames snin ta’ wara kull mara minnhom ikollha x’taqsam sesswalment ma’ 10 rġiel li jwassal għal total ta’ 100 raġel. B’dan il-mod f’35 sena se jkun hemm 10,000,000 ruħ fil-qiegħ tal-piramida.





















Il-Piramida tal-AIDS

Issa nieħdu l-każ li l-persuna fil-quċċata tal-piramida kienet infettata bl-HIV li jwassal għall-AIDS u li uża kondom li hu effiċjenti fil-livell ta’ 90% u b’hekk mara waħda minn dawk l-10 ġiet infettata. L-10 nisa fit-tieni saff kollha kellhom x’jaqsmu ma’ 10 rġiel u f’kull każ il-kondom ma ħadimx darba ghal kull waħda minnhom. Peress li disgħa nisa ma kinux infettati ma għaddewx il-virus. L-10 mara kienet infettata u għalkemm m’għaddietx il-virus lil disa’ rġiel, l-10 raġel ġie nfettat meta l-kondom ma ħadimx. B’dan il-mod f’35 sena jiġu nfettati tmienja minn nies.

Fil-każ li ma jintużawx kondoms, ir-raġel infettat infetta lill-10 nisa li kellu x’jaqsam magħhom. Huma nfettaw lill-100 raġel li kellhom x’jaqsmu magħhom fil-ħames snin ta’ wara li huma wkoll infettaw l-1,000 mara li kellhom x’jaqsmu magħhom fis-snin ta’ wara. F’temp ta’ 35 sena
 infezzjoni waħda kienet twassal għal 11,111,111 infezzjoni. Din hi qabża kbira ħafna mit-8 każi ta’ infezzjoni bil-marda meta ntużaw il-kondoms.





















Il-Piramida tal-AIDS

Il-piramidi ta’ hawn fuq intużaw biex ifissru l-eżempju. Il-piramida kienet tkun dejqa ħafna jew ineżistenti fil-każ ta’ relazzjonijiet monogamy iżda wiesa’ ħafna jekk jiġu nfettati dawk li jaħdmu fis-sess.

Waqt li min jemmen jista’ jindem u jqerr dnubietu u jingħata l-assoluzzjoni l-kwistjoni mhix daqshekk sempliċi għal min hu nfettat u s-sistema tal-kura tas-saħħa tista’ tiġi mhedda jekk ma tinstabx kura rħisa ta’ din il-marda.

Il-messaġġ tal-Papa meta semma li l-kondoms iżidu fit-tixrid tal-marda kien raġunament bħal dak ta’ min jaħseb li min jilbes seatbelt isuq iżjed bl-addoċċ minħabba li jħossu iżjed protett. Madankollu fil-każ ta’ mard li jittieħed li fih jistgħu jiġu nfettati miljuni ta’ nies minħabba l-informazzjoni żbaljata, ikun irresponsabbli għal mexxej ta’ komunità hekk kbira li ma jkunx infurmat kif jixraq qabel ma jitkellem dwar suġġett tant delikat.

No comments:

Post a Comment