Friday 24 April 2009

Jesuits' Website: IL-KRIŻI FIL-KNISJA ANGLIKANA - Sfidi kbar għall-għaqda

http://jesuit.org.mt/jml/content/view/147/94/
[Artiklu mingħajr Data.] Minn Sr Josette Zammit Mangion

Id-dibattitu dwar l-omosesswalità ilu fiċ-ċentru tal-ħajja tal-knisja Anglikana għall-lanqas matul l-aħħar għaxar snin. Is-suġġett tfaċċa uffiċjalment għall-ewwel darba fil-Konferenza ta’ Lambeth – laqgħa ta’ l-isqfijiet kollha fil-Komunjoni Anglikana, li sseħħ darba kull għaxar snin – fl-1998, fejn il-firdiet qawwija u akrimonjużi mill-ewwel dehru biċ-ċar.
Josette Zammit-Mangion IBVM

Il-knisja Episkopali Amerikana, li diġà kienet qed tipproċedi uffiċjalment bl-ordinazzjoni tan-nisa għas-saċordozju u l-episkopat, kienet qed tordna lil nies li kienu omosesswali pubblikament, u tikkunsidra li jitbierku relazzjonijiet omosesswali. Ix-xbieha ta’ isqof Afrikan jgħajjat li l-Levitiku jitlob il-piena tal-mewt għall-omosesswali, u jipprova jeżorċizza lil Richard Kirker, membru tal-Lesbian and Gay Christian Movement, li dehret fil-mezzi kollha tax-xandir u ta’ l-istampa, baqgħet għal-ħafna nies il-memorja predominanti ta’ din il-laqgħa.

Id-distinżjonijiet bejn il-konservattivi u l-progressivi malajr iffurmaw u ssaħħu f’linji ċari: il-knejjes Amerikani u Kanadiżi kontra l-knejjes tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni importanti ta’ l-Isqof Desmond Tutu ta’ l-Afrika t’Isfel). Il-knisja Ingliża sabet ruħha maqsuma min-nofs, bin-naħa evanġelika toħroġ bis-sħiħ kontra dik aktar liberali. Id-dikjarazzjoni ta’ Lambeth (1.10), fl-aħħar verżjoni tagħha, tmil lejn in-naħa konservattiva. Tibda billi tafferma l-importanza taż-żwieġ bejn mara u raġel u tipproponi l-astinenza sesswali għal dawk li mhumiex imsejħa għal din it-triq. Iżda l-punt kruċjali huwa r-raba’ wieħed, li jgħid hekk:

While rejecting homosexual practice as incompatible with Scripture, [this Conference] calls on all our people to minister pastorally and sensitively to all irrespective of sexual orientation and to condemn irrational fear of homosexuals, violence within marriage and any trivialisation and commercialisation of sex.

Għalkemm grammatikament il-punt ċentrali ta din is-sentenza jsejjaħ pożittivament għall-inklużjoni ta’ nies omosesswali, il-frażi kruċjali, waħda li baqgħet essenzjalment diviżiva, hija l-ewwel waħda: il-kundanna tal-prattika omosesswali à bażi ta’ l-iskrittura.

In-natura tal-Komunjoni Anglikana

Bħal kull dikjarazzjoni tal-konferenza episkopali, din l-istqarrija m’għandhiex qawwa li torbot, imma li tirrikmanda. Il-Komunjoni Anglikana tiddiskrivi lilha nnifisha bħala ‘familja ta’ knejjes’ li jirrikonoxxu r-riti ta’ xulxin, iżda li huma maqsuma f’erbgħa u erbgħin provinċja li fl-aħħar mill-aħħar huma awtonomi. L-għaqda, il-Komunjoni, hija bażata fuq ir-rispett reċiproku, ix-xewqa għall-għaqda, u twemmin fi knisja ‘wahda, kattolika u appostolika’. Hija għaqda li tippermetti diversità kemm fid-duttrina kif ukoll fil-liturġija. L-Arċisqof ta’ Canterbury huwa meqjus bħala primus inter pares – l-ewwel fost l-aħwa – u ma għandu l’ebda ġurisdizzjoni barra mill-Knisja Ingliża (l-anqas fl-Iskozja jew Wales!). Fil-knisja Anglikana, fl-aħħar mill-aħħar, kull deċiżjoni dottrinali u pastorali tittieħed lokalment.

Lambeth 1998 tqieset minn ħafna bħala vittorja għall-konservattivi. Il-gwaj kbir però kien li l-kampijiet diversi webbsu l-pożizzjonijiet tagħhom, b’kitbiet kontra xulxin li ftit li xejn wrew spirtu nisrani. Il-ħatra ta’ Rowan Willams bħala Arċisqof ta’ Canterbury f’Lulju 2002 ntlaqgħet bi trepidazzjoni miż-żewġ naħat. Williams, li kien Arċisqof ta’ Wales, aktarx li hu l-iktar teologu eminenti Ingliż ta’ żminijietna u bniedem ta’ spiritwalità profonda. Hu kien jagħmel man-naħa progressiva kattolika tal-knisja (Carey, l-Arċisqof ta’ qablu, kien min-naħa Evanġelika), u kien magħruf għas-simpatija pastorali għall-omosesswali fi ħdan il-knisja.

Tiħrax il-kwistjoni

Hekk kif inħatar Williams, tlett ġrajjiet fuq xulxin wrew li l-kwistjoni ma kinetx ser tisparixxi. F’Lulju 2003, id-djoċesi ta’ New Westminster fil-Kanada approvat rit ghat-tberik tar-relazzjoni bejn żewġ persuni ta’ l-istess sess, b’maġġoranza qawwija, iżda mhux unanima. Williams ħareġ stqarrija li fiha wera d-dispjaċir tiegħu dwar din id-deċizjoni li kienet inevittabilment ser twassal għal tensjoni u firda. Fl-istess waqt, il-kriżi waslet fuq l-għatba ta’ daru stess, meta l-Prim Ministru Ingliż ħabbar il-ħatra ta’ Jeffrey John bħala isqof ta’ Reading, fuq rakkomandazzjoni ta’ l-isqof ta’ Oxford. Kemm dan, kif ukoll Williams kienu jafu dwar l-omosesswalità ta’ John li, ghalkemm kien jgħix mal-partner tiegħu, kien ukoll ta assigurazzjoni li għex iċ-ċelibat għall-aħħar għaxar snin.

Dan l-avveniment wassal għall-mobilizzazzjoni tal-kamp Evanġeliku. Sittax-il isqof fissru d-diżapprovazzjoni tagħhom f’ittra u talbu li John jindem pubblikament mill-imgħoddi tiegħu. Il-kwistjoni waslet fix-xena internazzjonali hekk kif l-Arċisqof Akinola tan-Niġerja u Jensen ta’ Sidney heddew li jirtiraw mill-Komunjoni jekk din il-ħatra ma tinbidilx. Williams, li fil-bidu tat-tilwima baqa’ sieket, kellu jintervjeni: eventwalment, diskussjoni twila ma John wasslet biex dan irriżenja. Jekk wasslet għal soluzzjoni temporanja, ir-riżenja ukoll ħalliet lil ħafna nies fil-knisja Ingliża diżillużi u miġugħin.

Il-knisja Amerikana, ħielsa minn responsabbiltà għat-tmexxija tal-Komunjoni, ma kenitx lesta għal kompromess bhal dan. Għalkemm fi hdanha wkoll kien hemm ċertu nuqqas ta’ qbil, dan ma kienx qawwi daqs dak fil-knisja Ingliża, aktarx għaliex l-element konservattiv nisrani fl-Amerika jinsab iktar fi knejjes oħra milli f’dik Episkopali. Fil-5 ta’ Awissu 2003 Gene Robinson, divorzjat minn mal-mara tiegħu u f’relazzjoni ma raġel ieħor, laħaq isqof ta’ New Hampshire bl-approvazzjoni tas-sinodu Amerikan. Din id-darba ma kienx hemm ċans ta’ riżejna, għalkemm ir-riverberazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni nstemgħu mill-ewwel madwar il-Komunjoni. L-isqfijiet Afrikani speċjalment għollew leħenhom … dawn qalu li ma setgħux jibqgħu f’komunjoni ma knisja li ħadet pass bħal dan. Akinola, il-Primat tan-Niġerja, sa wasal biex ordna isqof Niġerjan għall-Amerika għall-kura pastorali ta’ dawk l-Amerikani li ma jaqblux mal-prattika tal-knisja lokali tagħhom.

L-attitudni nisranija quddiem sfida għall-għaqda

Williams sab ruħu għal darb’oħra fil-pożizzjoni diffiċli li jżomm l-għaqda fost dawn id-diverġenzi kbar, fi knisja fejn l-awtorità hija devoluta, u fejn l-għaqda tiddependi fl-aħħar mill-aħħar mill-kunsiderazzjoni u r-rispett reċiproku, attitudnijiet li ma jinżammux faċilment f’każijiet emottivi bħal dawn. L-omeliji tiegħu fil-kungressi u laqgħat tal-Primati jemfasizzaw id-doni diversi tal-membri tal-knisja li huma msejħa fl-istess spirtu, is-sejha għall-konverżjoni tal-qalb, li noqgħodu attenti għall-bżonnijiet ta’ l-oħrajn, li nkunu lesti li nitgħallmu mingħand dawk li ma naqblux magħhom u li nimxu lil hinn mill-preġudizzju u l-biżgħat tagħna.

Fuq nota iktar prattika twaqqfet kummissjoni taħt l-Isqof Eames biex tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni. Il-Windsor Report saħaq li l-isqfijiet għandhom ikunu aċċettabbli għall-komunjoni kollha, u li l-knejjes Amerikani u Kanadiżi għandhom juru sogħba għall-passi li ħadu, filwaqt li jiddikjaraw moratorium fuq is-sitwazzjoni. Għalkemm fl-istess waqt ir-rapport jsejjaħ lill-Afrikani biex juru sogħba għall-passi li huma ukoll ħadu, ir-rapport inftiehem l-iktar bħala pass konservattiv. Fil-laqgha tal-Primati fit-Tanżanija din is-sena, l-isqfijiet stabbilew l-aħħar ta’ Settembru biex l-ECUSA, l-ghaqda ta’ l-isqfijiet Amerikani, twieġeb għal dawn is-sejħiet. Huma rrikjedew wegħda li ma jinħatrux aktar isqfijiet omosesswali, li ma jitberkux relazzjonijiet omosesswali u li jipprovdu isqfijiet għal nies fil-knisja tagħhom li ma jaqblux mat-tmexxija liberali tal-knisja. F’laqgha fit-tmiem ta’ Settembru ta’ din is-sena, ECUSA qablet ma’ l-ewwel żewġ talbiet, filwaqt li kkritikat l-ordinazzjoni ta’ isqof Niġerjan għall-Amerika, kif ukoll id-deċiżjoni ta’ Williams li jeskludi lil Robinson mill-konferenza ta’ Lambeth li jmiss fl-2008.

Għal issa dan forsi ser joffri ftit żmien ta’ kalma, li fih Williams jista’ jitlob għal riflessjoni profonda u attitudni li tkun lesta li tisma’ fejn qed imexxi l-Ispirtu. Żgur iżda li ma jwassalx għat-tmiem tad-dibattitu.

Fil-qofol tal-kriżi jinsabu żewġ problemi kruċjali: l-ewwel, id-differenza fl- interpretazzjoni ta’ l-Iskrittura tant li din m’għadhiex toffri bażi għall-għaqda; it-tieni, kemm tista’ struttura devoluta toffri possibbiltajiet għal soluzzjoni mingħajr ma twassal għal xiżma. Fil-Punent il-knisja taffaċċja l-problema tal-kredibiltà hekk kif dan id-dibattitu jiżvolġi fl-arena pubblika taħt il-ħarsa kritika tal-Media. Fl-istess ħin dawn id-diskussjonijiet qajmu problemi fir-relazzjonijiet mal-knisja Kattolika kif ukoll ma’ l-Islam. Ta’ min jagħlaq però bil-kliem li bih jibda l-Windsor Report: ‘Perhaps the greatest tragedy of our current difficulties is the negative consequence it could have on the mission of the Church to a suffering and bewildered world.’

Josette Zammit Mangion, soru IBVM, tgħallem it-teoloġija f'Heythrop College, fl-Universita' ta' Londra.

No comments:

Post a Comment