Tuesday 3 February 2009

It-Torċa: Il-Knisja ma timpjegax gays f’relazzjoni

1.2.9

Il-knisja ma timpjegax magħha persuni li jkunu omosesswali u qiegħdin f’relazzjoni ma’ persuna tal-istess sess b’mod miftuħ. Dan stqarru l-arċisqof ta’ Malta, Mons Pawl Cremona, meta kien qed ikun intervistat fuq il-programm Xarabank fuq TVM nhar il-Ġimgħa. Il-programm kien jitratta r-relazzjoni bejn l-omosesswali u l-Knisja.

Mons Cremona kien mistoqsi dwar jekk il-Knisja tiddiskriminax ma’ min huwa omosesswali meta tiġi biex timpjega lil xi ħadd. It-tweġiba tal-arċisqof ta’ Malta kienet li l-Knisja ma tiddiskriminax mal-omosesswali meta tiġi biex timpjega, sakemm dawn ma jkunux f’relazzjoni ma’ persuna oħra omosesswali fil-miftuħ. Din id-dikjarazzjoni ta’ Mons Cremona qanqlet l-għadab u d-diżapprovazzjoni tal-omosesswali li kienu preżenti fl-istudjo minħabba li din tikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra persuni omosesswali.

Dun Anton Gouder, li kien mistieden fuq il-panel tal-programm bħala rappreżentant tal-Knisja, sostna li dan huwa dritt tal-Knisja - li ma timpjegax lil xi ħadd li ma jgħixx skont it-tagħlim tagħha - daqs kemm il-Knisja ma timpjegax persuni li huma razzisti. Il-fatt li Gouder qiegħed lill-omosesswali fl-istess kejl tar-razzisti kompla żied l-għadab tal-komunità gay.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-liġi tax-xogħol jagħmluha ċara li persuna ma tistax tkun diskriminata milli tingħata impjieg minħabba fl-orjentazzjoni sesswali tagħha. Għalhekk, minkejja din il-pożizzjoni mill-kap tal-Knisja f’Malta, każ bħal dan iqiegħed lill-Knisja f’kunflitt mal-Istat Malti u l-liġijiet tiegħu.

No comments:

Post a Comment