Tuesday 27 January 2009

Illum: Reazzjoni għad-Diskors ta' Tonio Borg

[Din l-ittra mhix online s'issa]
25.1.9 minn Gabi Calleja; Malta Gay Rights Movement

Waqt seduta Parlamentari riċenti fejn kienet qed tiġi diskussa r-riforma fil-Liġi tal-Kera, il-Ministru Tonio Borg għamel intervent li wera l-pożizzjoni xejn ċara li l-Gvern għandu fir-rigward tar-regolarizzazzjoni ta’ koppji tal-istess sess. Bl-intervent tiegħu l-Ministru kompla jfakkarna li koppji Maltin tal-istess sess igawdu minn ħafna inqas drittijiet meta mqabbla ma’ dawk li jgħixu f’pajjiżi Ewropej oħra.

Minkejja li l-PN diversi drabi saħaq dwar il-bżonn li l-pożizzjoni ta’ koppji li jikkoabitaw tiġi regolarizzata – kemm jekk ta’ l-istess sess u kemm jekk tas-sess oppost – kliem Tonio Borg iġiegħel lil wieħed jirrifletti dwar jekk teżistix realment volontà politika biex dan iseħħ.

Il-kliem li ntuża mill-Ministru u t-ton kważi ta’ tmasħir li bih intqalu dehru intenzjonati li jwaqqgħu l-valur ta’ koppji tal-istess sess u wrew insenstittività kbira lejn persuni gay. F’parti mid-diskors, il-Ministru saħaq li ma jaqbilx mal-estensjoni tad-drittijiet “għal min jiddeċiedi li jmur jgħix flimkien tal-istess sess”, daqslikieku koppja tal-istess sess “tiddeċiedi” li tgħix flimkien għal raġunijiet differenti minn dawk ta’ koppji tas-sess oppost.

Jidher ċar li d-drittijiet umani ta’ koppji tas-sess oppost u ta’ dawk tal-istess sess mhux qed jiġu meqjusa fuq l-istess livell. Bid-diskors tiegħu l-Ministru implika li jekk il-maħbub/a jew l-ulied ta’ koppja tal-istess sess kellhom jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, din ma tkunx ħaġa li għandha tikkonċerna lill-Istat.

Il-Ministru staqsa wkoll kif jista’ wieħed ikun jaf li persuna tkun qed tikkoabita peress li ma jkunx ġie maħruġ ċertifikat taż-żwieġ. Milli nftiehem mid-diskors tiegħu jidher li l-Ministru jara t-tnedija ta’ reġistru għall-koabitanti bħala idea redikola minkejja li din hi xi ħaġa komuni f’ħafna pajjiżi oħra. Ninsabu ċerti li ħafna politiċi barranin iqisu li hi l-attitudni tal-Ministru li għandha tiġi meqjusa bħala pjuttost redikola u barra minn lokha.

Il-Malta Gay Rights Movement tixtieq tirringrazzja lill-MP Evarist Bartolo tal-intervent tiegħu fejn widdeb lill-Ministru Tonio Borg għan-nuqqas ta’ sensittività tiegħu fir-rigward ta’ minoranzi sesswali.

No comments:

Post a Comment