Monday 29 December 2008

It-Torċa: Reliġjon organizzata u awtorità ċivili

Dan l-artiklu mhux fuq il-website tat-Torċa s'issa
28.12.8 minn Alfred Sant

F’dan l-istudju maqsum fuq erba’ partijiet, Alfred Sant jagħti ħarsa lejn ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon b’mod istituzzjonalizzat u l-awtorità ċivili; kunflitti, eġemonija, tensjonijiet u bilanċi fl-istorja ta’ pajjiżna u lilhinn.

Il-bilanċ li għandu jinżamm fis-soċjetà bejn il-poter tar-reliġjonijiet organizzati (l-aktar fi knejjes) u l-poter tal-awtorità ċivili jibqa' jqanqal kontroversja u diskussjoni. Forsi ma jistax ikun mod ieħor. Iż-żewġ poteri jieħdu s-saħħa u l-leġittimità tagħhom mit-twemmin tal-bnedmin dwar dak li jorbothom flimkien f'ħajja komuni. Jiħduhom ukoll mit-twemmin l-ieħor, dwar it-tifsira "vera", "fondamentali", għidilha li trid, tal-ħajja tal-bniedem fuq din il-pjaneta, li ż-żewg poteri jirriflettu fl-eżistenza stess tagħhom.

Kien hemm żminijiet u soċjetajiet fejn iż-żewġ poteri kienu magħquda flimkien fi struttura waħda. Fi żminijiet u soċjetajiet oħra, kienu mifruda minn xulxin bl-aktar mod skjett. Anzi, għad nistgħu nixhdu sal-lum l-eżistenza ta' dawn iż-żewġ fasliet f'ċerti nħawi tad-dinja. Barra minn hekk, bejn iż-żewg poli ta' kif il-poteri tar-reliġjon organizzata u tal-awtorità ċivili jieħdu l-pożizzjoni tagħhom, hemm varjetà sħiħa ta' bilanċi, li tapplika għal għażla kbira ta' strutturi differenti, kemm ta' organizzazzjoni reliġjuża u kemm ta' awtorità ċivili.

Tipi differenti

ħafna fatturi jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' dil-varjetà wiesgħa. Min-naħa tar-reliġjon, fost l-aqwa fatturi hemm ix-xeħta stess tat-twemmin li r-reliġjon ixxandar - jekk dan jirrekjedix manifestazzjonijiet materjali estensivi u popolari, jekk il-prattiċi tal-kult jitolbux impenn kollettiv qawwi, jekk il-ġerarkija ekkleżjali li tmexxi jew tiggwida l-ħidma tkunx burokratika u dixxiplinata, jew tkunx aktar mistika u spezzettata fil-metodi kif tirregola ħidmietha.

Dan kollu jorbot imbagħad mal-istorja tar-reliġjon partikolari, kif żviluppat fost il-ġnus, u kif it-tradizzjonijiet u l-aspettativi marbuta magħha xxettlu matul is-snin ta' din l-istorja. ‘aġa ta' min jistenniha wkoll hi li l-mod kif reliġjon organizzata tirrelata ma' l-awtorità ċivili se jiddependi mis-saħħa tal-preżenza li jkollha r-reliġjon organizzata f'kommunità: jekk ir-reliġjon tkun dominanti u esklussiva - mod; u jekk il-kommunità tkun pluralista, fejn ir-reliġjon taħbat biss waħda minn numru ta' reliġjonijiet imħaddna fis-soċjetà - mod ieħor.

Bl-istess loġika, ma jistax jonqos li t-tip ta' stat li qed jipprovdi qafas għall-ħajja flimkien tal-kommunità, bl-istrutturi ta' awtorità ċivili li jsawruh, se jkollu effett qawwi fuq kif jispiċċa l-bilanċ bejn knisja u gvern. Fi stat konfessjonali jew li formalment jirrikonoxxi l-ħidma reliġjuża, il-bilanċ żgur se jkun differenti minn wieħed fejn l-awtorità ċivili tiddikjara ruħha lajka, billi tiskarta kull kriterju reliġjuż mill-prinċipji li fuqhom tibbaża ħidmietha.

Għandna mbagħad il-profil li tieħu l-awtorità ċivili: tagħmel żgur differenza jekk l-istat ikunx awtoritarju jew fondamentalista, b'kuntrast ngħidu aħna, ma' stat post-industrijali u demokratiku.

ħaġa oħra li se tinfluwixxi bil-kbir fuq l-iżvilupp tal-bilanċ bejn iż-żewġ poteri li jinteressawna, hi l-qagħda tas-soċjetà ċivili. Jekk tkunx dgħajfa jew tkunx organizzata tajjeb, jekk tkunx immodernizzat ruħha jew tkunx għadha b'orjentament tradizzjonali, huma fost oħrajn, fatturi li se jaffettwaw b'mod qawwi l-bilanċ. Bl-istess mod wieħed irid iqis kemm fil-komunità, ikunu żviluppati l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, speċjalment f'rabta mal-media awdjo-viżiva u elettronika, ġewwa l-komunità nnifisha u fil-kuntatti tagħha ma' barra.
L-ippożizzjonar tal-istrutturi tal-poter ċivili lejn ir-reliġjon organizzata u viċi versa, jiddetermina ruħu u jiżviluppa skont kif dawn il-fatturi u oħrajn magħhom, jixxebilku flimkien. Kemm min-naħa u kemm mill-oħra, hu ippożizzjonar li jibqa' fluwidu sa min-natura stess tiegħu. Kif kiteb Max Weber, "kull reliġjon etika jkollha b'kejl li jixtiebah u għal raġunijiet li jixtiebhu, iġġarrab tensjonijiet mal-qasam tal-ħidma politika. It-tensjoni toħroġ fil-beraħ malli r-reliġjon tkun ipprogrediet lejn xiħaġa li tqarreb għal statut ta' ugwaljanza mal-qasam tal-assoċjazzjonijiet politiċi".
Tensjoni
Biss l-istess tensjoni sservi biex tingħata sura lill-parteċipazzjoni tar-reliġjon organizzata fil-proċessi li bihom l-awtorità ċivili tasal għad-deċiżjonijiet li jorbtu lis-soċjetà kollha kemm hi.
Naraw dil-ħaġa tiġri tista' tgħid mad-dinja kollha. Fl-Istati Uniti fost dibattiti pubbliċi oħra li jibqgħu għaddejja b'parteċipazzjoni massiċċa ta' knejjes differenti, hemm dawk li għandhom x'jaqsmu mar-riċerka fuq iċ-ċelloli stemma, mal-abort, maż-żwiġijiet bejn individwi tal-istess sess, u ma' jekk l-evoluzzjoni għandhiex tiġi mgħallma fl-iskejjel.

Fir-Renju Unit, il-gvern Laburista kellu jiffaċċja l-inkwiet ta' uħud mid-deputati tiegħu meta ressaq leġiżlazzjoni li tippermetti esperimenti xjentifiċi fuq embriji, bit-taħlit ta' materjal ġenetiku tal-annimali ma' dak tal-bniedem. Kontroversja oħra kienet meta l-Arċisqof ta' Canterbury fisser il-fehma li ċ-ċittadini musulmani kellhom jingħataw il-jedd li jkollhom il-ħajja familjari u soċjali tagħhom regolata skont il-liġi iżlamikaŠ jew talanqas, hekk inftiehem li qed jgħid.
Fit-Turkija, il-qorti suprema ddikjarat bħala kontra l-kostituzzjoni liġi ġdida li biha n-nisa studenti jistgħu jmorru għall-klassijiet fl-università b'rashom imgħottija, kif titlob ċerta prattika iżlamika. Fil-Polonja mal-waqa' tal-kommuniżmu, il-Knisja Kattolika ħadmet b'suċċess biex l-abort jiġi projbit. Fil-Ġermanja, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jitolbu li parti mit-taxxa fuq id-dħul li jħallsu, tingħata lill-knisja li tagħha jkunu membri, bħala kontribuzzjoni finanzjarja. Meta l-Unjoni Ewropea kienet qed tiddiskuti test għall-Kostituzzjoni Ewropea, il-Knisja Kattolika għamlet sforzi kbar, li ma rnexxewx, biex fil-preambolu tat-test tidħol referenza għall-karattru Kristjan tal-kontinent.
Fil-fatt, meta wieħed iqis sew il-fond tal-kwistjoni, hi ħaġa ta' min jistenniha, hi ħaġa naturali, li se tqum tensjoni bejn il-proċessi tar-reliġjon organizzata u dawk tat-tmexxija ċivili. Anzi, tkun ħaġa tal-iskantament kieku dit-tensjoni kellha ma tispuntax. Li jsir kruċjali allura, hu kif din it-tensjoni tiġi regolata b'mod "kostruttiv", li jirrispetta l-aqwa valuri umani skont il-mument storiku li tkun għaddejja minnu soċjetà.

F'Malta wkoll teżisti din it-tensjoni. Tirriżulta bħal f'soċjetajiet oħra, mill-bidliet dejjem għaddejja fostna, soċjali, ekonomiċi u kulturali, li jċaqilqu bla waqfien il-bilanċ qadim jew ġdid milħuq bejn iż-żewġ poteri.

Mhix tensjoni li qiegħda twassal, kif għamlet fis-snin tletin jew sittin, għal konfrontazzjoni politika qawwija. Anzi llum, ħafna drabi ninnotaw li t-tensjoni tinsab fostna mhux għax tiġi esternalizzata bi storbju u daqq ta' trombi, imma għax isir sforz ċar kważi minn kulħadd ħalli tiġi injorata, ħalli nippretendu li kollox miexi tajjeb, li l-ebda tensjoni serja ma teżisti, u li m'hemmx bżonn ta' djalogu għax diġà qed isir, u m'hemm l-ebda ħtieġa ta' aktar riflessjoni u azzjoni dwar l-iżbilanċi li jkunu qegħdin jikkargaw.

Fatturi Maltin

‘aġa li tiftiehem hi li kull pajjiż għandu profil li hu tiegħu biss, tat-tensjonijiet miġmugħa, skont l-istorja u l-karatteristiċi partikolari tal-komunità nazzjonali. Bħala komunità ċkejkna u insulari, fil-periferija tal-Ewropa, fl-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tagħna rajna x-xejra Ewropea lejn modernizzazzjoni politika u ekonomika u t-tħaddim ta' istituzzjonijiet demokratiċi rappreżentattivi, jitrikkbu fuq proċessi oħra li ssenslu mill-qagħda kolonjali u post-kolonjali tal-pajjiż. Matul is-sekli, iċ-ċokon tagħna fisser li konna marġinali għall-forzi politiċi u ekonomiċi kbar li ddominaw ir-reġjun tagħna: kellna nissottomettu ruħna u nadattaw għalihom. Minħabba f'hekk, sal-lum, is-sens ta' identitaċ nazzjonali għadu fraġili - fis-sens ta' identità li hi fiduċjuża fiha nnifisha u lesta twettaq deċiżjonijiet li jirriflettu perspettivi mħassla f'Malta, aktar minn perspettivi importati minn barra.

Fl-istess ħin, dejjem eżistiet fostna qalba ta' strutturi tradizzjonali ta' poter u prestiġju, li kienu jirriflettu l-interessi ta' oqsma tradizzjonali tas-soċjetà u li baqgħu jiġbdu lejhom l-aqwa deċiżjonijiet soċjali u jiddeterminaw l-istili ta' ħajja. Il-kattoliċeżmu, bħala reliġjon organizzata safa matul is-sekli, l-akbar fil li madwaru ntrabtet l-identità nazzjonali, anki jekk ma kellux għalfejn bħad-din Ortodoss fil-Greċja, isir il-mutur ta' xi ġlieda għall-ħelsien nazzjonali.

Ir-reliġjon organizzata f'Malta dejjem fittxet it-trankwillità fil-kuntatti tagħha mal-awtorità ċivili sakemm din iggarantitilha sovranità effettiva fuq il-materji li hi qieset bħala "tagħha". Sakemm il-prattika tal-kult Kattoliku, sakemm il-valuri tal-kult, u sakemm il-poter soċjali ta' min imexxi l-kult, kienu garantiti mid-diriġenti tal-gżira, allura l-Knisja wriet kull dispożizzjoni biex tappoġġa lill-awtorità ċivili fl-oqsma li min-naħa tagħha, din kienet tqis bħala ta' priorità.
L-aħjar eżempju ta' dan kien x'ġara fi żmien l-Ingliżi matul is-seklu għoxrin, meta l-Knisja kkollaborat bla wisq problemi mal-awtorità ċivili, anki dwar kwistjonijiet li setgħu kienu kontroversjali, sakemm deher ċar li l-eġemonija "spiritwali" tagħha (jien ngħidilha aħjar, eġemonija "kulturali") fost il-popolazzjoni lokali baqgħet salvagwardjata. Dan kellu jsir kontra forzi "Protestanti" ġejjin mir-Renju Unit. Sar ukoll kontra forzi Maltin li riedu jdaħħlu f'Malta ideat progressisti, l-ewwel ta' natura illuminista, aktar 'il quddiem ta' xeħta soċjalista. Dwar tal-ewwel, l-awtorità kolonjali kienet lesta tagħmel kompromess fl-interess tat-tisħiħ tas-sigurtà militari tal-gżira, mitqiesa bħala fortizza siewja tal-Imperu. Dwar tat-tieni, dehret konverġenza ta' interessi bejn l-awtorità ċivili kolonjali u l-Knisja.

Bidliet minn barra u minn ġewwa

Matul is-snin, il-bilanċ fit-tensjoni bejn knisja u stat li nstab b'dal-mod, ġie mminat minn żewġ żviluppi kbar li seħħew f'Malta, bħal ma seħħew f'pajjiżi oħra. Hawn ġraw b'dewmien imqabbel ma' barra. Min-naħa, kien hemm il-pressjoni mad-dinja kollha favur id-drittijiet tal-bniedem u drittijiet oħra "ġodda" taċ-ċittadin; min-naħa l-oħra, kien hemm il-kisba tal-ħelsien nazzjonali minn għexieren ta' soċjetajiet l-aktar fl-Afrika u l-Asja, li kien ilhom snin jifformaw parti minn imperi Ewropej.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, infirxu u twettqu ideat ta' demokrazija avvanzata: mal-ispazju ewro-amerikan, xterdu b'mod konkret valuri favur id-drittijiet tal-bniedem, marbuta mal-ħarsien ta' drittijiet soċjali ewlenin bħal edukazzjoni b'xejn għal kulħadd, servizzi tas-saħħa li jilħqu idealment liċ-ċittadini kollha, sigurtà soċjali għal kontra l-qgħad u għall-wens fix-xjuħija. Biex inkunu għedna kollox, id-drittijiet soċjali kienu effettivi aktar fin-naħa Ewropea, milli fin-naħa Amerikana.
Bl-istqarrija li d-drittijiet tal-bniedem bħala valur jirkeb fuq ħafna valuri oħra, il-kunċett ta' stat sovran kif imħaddem mid-diplomazija klassika Ewropea beda jinħall. Qabel, it-tmexxija interna fi ħdan ta' stat wieħed jew federazzjoni ta' stati, kienet materja li taqa' barra mil-limiti ta' x'jistgħu jkunu l-esiġenzi diplomatiċi. Issa, id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi 'l ġewwa mill-fruntieri ta' stat saru materja li setgħet b'mod leġittimu titqanqal bħala esiġenza diplomatika sħiħa.

Ġara wkoll matul l-aħħar kwart tas-seklu għoxrin, li d-dinamika li xerdet dan l-etos, iċċentrata kif kienet fl-ispazju politiko-ekonomiku ewro-amerikan, spiċċat maħkuma mill-ideoloġija neo-liberali tas-suq ħieles "akkost ta' kollox". Il-ftuħ tal-fruntieri għad-dixxiplina ta' valuri li jpoġġu l-individwu u l-ħtiġiet tiegħu fuq quddiem nett, spiċċa li aktar minn hekk, irid jirrispetta d-dixxiplina tas-suq imsejjaħ ħieles, ħaġa li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar kellha ssir fuq livell globali.

Fit-tieni lok, waqt li kien qiegħed iġarrab dawn il-bidliet, pajjiżna bħal pajjiżi oħra, għadda mill-bidliet li ġabet magħha d-dekolonizzazzjoni li seħħet wara t-Tieni Gwerra Dinjija Din ukoll, f'parti minnha, kienet rifless tad-dinamika favur il-ħarsien tal-libertà individwali li ħadet ir-rankatura mis-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor. Imma l-proċess tad-dekolonizzazzjoni ġab miegħu effetti separati u distinti minn dak li nqala' biċ-ċaqliq l-ieħor.

Fost l-effetti kbar tiegħu, il-proċess ta' dekoloniżazzjoni bidel mill-qiegħ il-bilanċi li l-forzi soċjali fil-pajjiżi konċernati, l-aktar barra l-Ewropa, kienu draw jgħixu bihom. Per eżempju, f'ħafna pajjiżi Afrikani, fejn kellhom tmexxija Ingliża, s-sistemi ta' awtoritaċ ċivili ppernjati fuq il-kapijiet tat-tribuċ li l-Ingliżi kienu jagħtuhom għarfien qawwi, sabu li biex isostnu l-influwenza tagħhom ma setgħux iserrħu aktar fuq il-poter ċentrali, li sa ftit qabel kien wieħed kolonjali. Minflok, kienu daħlu sorsi ġodda ta' poter politiku u ekonomiku, mibni l-aktar madwar dawk li kienu ġġieldu għall-ħelsien nazzjonali, li fil-ħerqa tagħhom biex jimmoderniżżaw il-pajjiż, mhux bilfors kien jimportahom li jappoġġjaw il-forzi ta' poter tradizzjonali.

Il-Knisja Kattolika f'Malta, bħala reliġjon organizzata, baqgħet matul is-sekli l-aqwa prinċipju organizzativ fis-soċjetà ċkejkna Maltija. Tista' faċilment tiġi mqabbla mal-poter u l-influwenza tal-kapijiet tat-tribujiet Afrikani fil-qafas ta' soċjetajiet kolonizzati. Il-fidi reliġjuża nħasset għal żmien twil bħala parti essenzjali minn kif kienet tiġi kostitwita u leġitimizzata l-identità nazzjonali.

F'Malta, kif diġà għedna, b'kuntrast ma' x'ġara f'imkejjen oħra bħal Ċipru, il-Knisja ma kinitx xi protagonist fil-proċess tal-ħelsien nazzjonali. Minflok, rat kif tasal għal modus vivendi aċċettabbli mal-awtorità ċivili barranija, maħsub biex hi tkun tista' twettaq il-ħidma reliġjuża tagħha bla xkiel, skont kif tifhem hi li għandha twettaqha.

L-arranġament inkluda miżuri għall-kontroll eġemoniku tal-prattiċi reliġjużi fi ħdan is-soċjetà Maltija, liġijiet li jimplimentaw miżuri ta' moralità kif definiti mill-Knisja, u rikonoxximent sħiħ ċivili tar-rwol u l-istatus tal-ġerarkija ekkleżjastika. Il-leġittimità ta' dan il-qafas kien jinstab fil-fatt evidenti li l-popolazzjoni tal-gżira kienet tista' tgħid mija fil-mija, tipprofessa d-din Kattoliku. Effettivament, l-aktar aspett radikali tat-tilwima politiko-reliġjuża li seħħet bejn il-Partit Laburista u l-Knisja fis-snin sittin, kien jinsab appuntu fil-kontestazzjoni spjetata tal-eġemonija "spiritwali" tal-Knisja u l-leġittimità tagħha.

(tkompli...)

No comments:

Post a Comment