Thursday 11 September 2008

L-Orizzont: Par żarbun bit-takkuna

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=47189
8.9.8; minn DANIELA ATTARD BEZZINA

Illum se nlaqqagħkom ma' Charlotte - raġel ta' 26 sena minn Santa Luċija li minn ġewwa jħoss li hu mara. Għalissa għadu ma bidilx is-sess b'mod kirurġiku iżda jippreferi li nirreferi għalih bħala mara u għalhekk minn issa 'l quddiem se nirrispetta x-xewqa tiegħu.

Charlotte irrakkontatli li kellha tfulija mill-isbaħ bħala waħda minn erba' aħwa. Għal diversi snin kienu hi u oħtha l-kbira biss u kienu jilagħbu flimkien il-ħin kollu. Għalkemm Charlotte kellha ġugarelli li tradizzjonalment huma "tas-subien", kienet aktar miġbuda lejn il-pupi ta' oħtha u lejn il-ħwejjeġ u ż-żraben ta' ommha. "Sakemm kelli xi tmienja jew disa' snin ma kontx nagħti kas imma mbagħad indunajt li dawn l-affarijiet kienu qed jogħġbuni aktar milli suppost u li minn ġewwa kont inħoss li jien tifla u mhux tifel," qaltli Charlotte.

Kompliet tgħidli li fl-iskola primarja ħadd qatt ma qalilha xejn dwar il-fatt li hi kienet dejjem tilgħab mal-bniet, iżda l-iskola sekondarja kienet storja oħra. "Fl-iskola sekondarja kont inħossni tfajla fi skola tas-subien. Għalkemm qatt m'għidt xejn lil ħadd, l-istudenti l-oħra ndunaw li jien kont differenti. Kull filgħodu kont inqum imwerwra mill-prospett ta' ġurnata skola oħra. Kienu jiġu ġranet meta ma kien jagħti kasi ħadd u jħalluni bi kwieti imma ġranet oħra kienu jpattu għal dawn għax matulhom kienu jaqbdu miegħi kontinwament. Ġieli kellimt lil xi għalliema biex forsi jaqbżu għalija u t-tgħajjir jieqaf, imma kien kollu għalxejn. Fil-Form 3 ħassejt li ma kontx niflaħ għal aktar bullying u kelli nbiddel l-iskola. Billi lil tad-dar qatt ma kont niftaħ qalbi magħhom dwar dak li kont ngħaddi minnu l-iskola, ġibtilhom l-iskuża li fl-iskola l-ġdida stajt nitgħallem suġġetti li fl-iskola l-oħra ma kinux mgħallma. Fl-iskola l-ġdida ġieli sibt min jaqbad miegħi u jipprova jwaqqagħni għaċ-ċajt imma kollox ma' kollox kont ħafna aħjar minn qabel."
Charlotte ma kellhiex ħbieb u tmiem il-ġimgħa kienet tqattgħu dejjem id-dar. "Naħseb li tal-familja ġieli ssuspettaw li kien hemm xi ħaġa mhux f'lokha imma qatt ma staqsewni xejn. Aktar ma jistaqsunix, aktar kont nibża' ngħidilhom il-verità. Biex tagħqad, ommi mhux l-ewwel darba li kienet tistaqsini meta se neħdilha xi tfajla d-dar."

Meta spiċċat l-iskola Charlotte bdiet taħdem. Ta' 19-il sena kellha l-ewwel relazzjoni ma' raġel - relazzjoni li permezz tagħha kompliet tikkonferma li hi mhix miġbuda lejn l-irġiel bħala raġel omosesswali iżda bħala mara. Hi stess beżgħet taċċetta dan il-fatt. Kienet tittama li maż-żmien tidra tgħix bħala raġel omosesswali u mhux bħala raġel li jixtieq isir mara, għax kienet tibża' li tal-familja kienu jweġġgħu aktar jekk isiru jafu li hi persuna transesswali milli persuna omosesswali. Iżda ż-żmien għadda u Charlotte baqgħet tħoss li hi mara maqfula f'ġisem ta' raġel.
Għal kważi sentejn, sal-bidu ta' din is-sena, Charlotte ma kellhiex impjieg. Dan kien perjodu ikrah li matulu Charlotte ħassitha frustrata ħafna, aktar u aktar wara li ndunat li xi ħbieb li kellha ma kinux ħbieb ta' veru. Sa fl-aħħar, f'Jannar li għadda, sabet impjieg ġdid li fih tinsab għal qalbha ħafna. Mal-bidu ta' sena ġdida u mpjieg ġdid, Charlotte iddeċidiet li tibda kapitlu ġdid fil-ħajja privata tagħha.

"Bdejt nara li n-nies tampari kollha qabdu triqthom u jafu eżatt x'iridu mill-ħajja. Min qabad karriera eċċitanti u min beda familja, filwaqt li jien kont għadni ma għamilt xejn b'ħajti. Kont għadni ngħix gidba, magħluq fija nnifsi bħala raġel. Iddeċidejt li noħroġ dak li jien verament," qaltli Charlotte.

L-ewwel ħaġa li għamlet kienet li marret tixtri l-ħwejjeġ tan-nisa. Wara baqgħet sejra għand ħabiba tagħha fejn libset ta' mara għall-ewwel darba. "Liebsa bħala Charlotte, ħassejtni komda u kunfidenti għall-ewwel darba f'ħajti. Ħarist fil-mera u ħabbejt lili nnifsi aktar minn qatt qabel."
Il-pass li jmiss kien li Charlotte tgħid il-verità lill-ġenituri tagħha. Ir-reazzjoni tagħhom urietha li ma kellhiex għalfejn tistenna dawk is-snin kollha biex tiftaħ qalbha magħhom. "L-ewwel sibt lil missieri waħdi u għidtlu. Aċċettani kif jien bla tlaqliq. Qalli biss biex nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u ngħix ħajti kif nixtieq. Imbagħad kien imiss li ngħid lil ommi. Ħadtha f'kamarti, fejn kelli xi ritratti tiegħi liebsa ta' mara ssejvjati fil-kompjuter, u wrejthomlha. Għall-ewwel ħasbitni oħti ż-żgħira, imbagħad indunat li kont jien. Qaltli li hi kienet tħoss li jiena differenti minn ġuvintur oħra u wegħditni l-appoġġ kollu tagħha."

Wara li fetħet qalbha mal-ġenituri tagħha, Charlotte ħasset li kienet neħħiet għoqla minn fuq l-istonku. S'issa għadha ma rabbietx kuraġġ biżżejjed biex toħroġ mid-dar tagħhom liebsa ta' mara iżda għandha moħħha mistrieħ li ommha u missierha jafu min hi verament.

L-akbar xewqa ta' Charlotte issa hi li tagħmel l-interventi kirurġiċi meħtieġa biex tibdel is-sess tagħha għal dak femminili.

Għalissa din hi xewqa li ma tistax titwettaq billi tinvolvi ħafna flus iżda t-tama ta' Charlotte hi li xi darba tkun faddlet flus biżżejjed biex il-ħolma tagħha sseħħ.

Staqsejtha jekk tixtieqx li xi darba tiżżewweġ u x'possibiltajiet tara fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar f'Malta raġel li bidel is-sess u sar mara ma tħalliex jiżżewweġ. "Iva nixtieq niżżewweġ, għalkemm meta nisma' b'xi każ bħal dak inħossni naqta' qalbi. Hi ħaġa kiefra li wara dawk is-snin kollha jirnexxilek tibdel is-sess tiegħek kif dejjem xtaqt, biex imbagħad is-soċjetà ċċaħħdek milli tiżżewweġ. Tinduna li ħsibt li ħrabt minn xi ħaġa imma fil-fatt għadha tiġri warajk. F'dal-pajjiż nara li hawn ħtieġa kbira ta' aktar tagħlim, l-aktar lit-tfajliet u l-ġuvintur fi żmien l-adoloxxenza, meta jibdew isiru jafu aktar lilhom infushom."

Charlotte sostniet li hu inutli li tipprova tibdel lil persuna li minn ġewwa tħoss li hi tas-sess oppost. "Naf li hu diffiċli għal persuna straight biex tifhem kif iħossu bniedem li ġo fih hemm maqfula persuna oħra. Jgħidulek li int marid jew li qed tiffissa, imma dan mhux il-każ. Persuna transesswali ma tistax tibdel il-mod kif tħossha. Naf li ħafna nies isibuha diffiċli biex iniżżluha din, imma nitlobhom iħalluna ngħixu ħajjitna trankwilli."

"Jien li nista' ngħid hu li filwaqt li bħala raġel ma nogħġobx lili nnifsi, bħala Charlotte naċċetta lili nnifsi mija fil-mija. Bħala Charlotte nieħu gost aktar bil-ħajja u wiċċi jkun dejjem għad-dawl. Meta jkolli saqajja b'żarbun bit-takkuna nkun tassew jien," temmet tgħidli Charlotte filwaqt li rringrazzjat lill-familja tagħha għall-appoġġ li tagħtiha u lil dawk kollha li jixtiqulha l-ġid.

No comments:

Post a Comment