Friday 5 September 2008

L-Orizzont: Ħomor u ħodor …iżjed mill-blù!

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=47122
5.9.8; minn Evarist Bartolo MP

L-elezzjoni li ġejja se tkun differenti minn dik li għaddiet u waqt li nitgħallmu mill-aħħar telfa, irridu nifhmu kif qed ikompli jinbidel pajjiżna biex bħala partit inkunu Oppożizzjoni soda u qawwija fil-pajjiż u nuru li kapaċi nkunu fil-Gvern. Jekk mhux se jirnexxielna nuru li kapaċi niggvernaw u nsolvu l-problemi ta' dan il-pajjiż, mhux se niġbdu lejna l-maġġoranza tal-votanti: jew jibqgħu jivvotaw lill-PN jew ma joħorġux jivvotaw.

Irridu nifhmu xi rridu nbiddlu fina nfusna biex nirbħu l-imħuħ u l-qlub tal-maġġoranza tal-poplu. U waqt li nifhmu x'inhuma l-bidliet li rridu nagħmlu, nagħmluhom! Irridu nifhmu lill-poplu tagħna u xi jridu sezzjonijiet differenti tiegħu u nuru li kapaċi nagħtu tweġibiet serji għall-mistoqsijiet tagħhom u t-tamiet tagħhom biex jgħixu f'pajjiż ħafna aħjar milli għandna llum.

L-aħħar elezzjoni urietna b'mod ċar li mhux biżżejjed għall-Partit Laburista li l-PN ikollu ħafna nuqqasijiet. Għadni nemmen li l-PN ma jistħoqqlux ikun fil-Gvern għax mexxa ħażin u seraq l-aħħar elezzjoni bil-gideb u bil-pjaċiri li għamel. Minkejja li ġab biss ftit mijiet ta' voti iżjed minna, il-PN flok għamel eżami tal-kuxjenza u għaraf fejn mexxa ħażin qabel l-elezzjoni u biddel triqtu u imġiebtu, il-PN qed ikompli jmexxi b'arroganza u b'suppervja minkejja li għandu kontra tiegħu iżjed min-nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż.

Fil-pajjiż hawn maġġoranza kontra l-PN, iżda din il-maġġoranza hija mifruda u kull min jaħdem biex iżomm din il-maġġoranza mifruda jkun qed jaħdem biex iżomm lill-PN fil-Gvern. Nemmen li rridu naħdmu iżjed mill-qrib mal-Alternattiva Demokratika, mhux sempliċiment għax jekk ngħoddu flimkien il-voti tal-Partit Laburista u tal-Alternattiva Demokratika jkollna maġġoranza fuq il-PN. Kieku fl-aħħar elezzjoni l-ħomor u l-ħodor f'pajjiżna kienu flimkien u vvotaw għal xulxin kienu jġibu iżjed voti mill-blù u kieku llum f'pajjiżna m'għandniex il-PN imexxi.

Iżda lil hinn mis-somom tal-voti għandna nitgħallmu minn koalizzjonijiet u alleanzi li saru bejn il-ħodor u l-ħomor f'pajjiżi Ewropej oħrajn li jaħdmu flimkien għax jaqsmu ideali komuni dwar il-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp ekonomiku, il-ħarsien ambjentali u l-libertajiet ċivili.

Nemmen li anke f'pajjiżna jeżistu l-kundizzjonijiet biex partiti li jemmnu fl-ideali Soċjalisti, Demokratiċi u Liberali jaħdmu flimkien. Kemm fil-Labour kif ukoll fl-Alternattiva hemm min jara idea bħal din ereżija. Iżda nemmen li jekk se nkomplu bil-mentalità antika li għandna, nibqgħu mifrudin u se nkomplu nsaħħu lill-PN u l-blokk ta' poter tiegħu.

Nemmen li alleanza bħal din tgħin biex nagħtu ħajja ġdida lil dan il-pajjiż li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jersaq lejn is-sistema ta' dittatura ta' partit wieħed fil-gvern bi tmexxija li għandha l-irtokk kollu tad-demokrazija parlamentari, iżda li f'ruħha u f'ħidmietha hija dittatura ta' partit wieħed li huwa l-PN. Dan ħażin għall-poplu tagħna, għal pajjiżna u ħażin għas-sistema demokratika parlamentari tagħna għax bl-istess partit u bl-istess nies fil-gvern għal żmien twil, il-pajjiż jitħassar u jmur lura.

Naf li jiena leħen fid-deżert meta nitkellem fuq il-bżonn ta' alleanza programmatika minn issa mal-Alternattiva Demokratika. Imma s'issa ma nara l-ebda mod ieħor serju u realistiku kif f'pajjiżna nibnu maġġoranza ta' moderati u progressivi biex nagħtu tmexxija u direzzjoni ġdida lil pajjiżna.

Ma nistgħux nibqgħu nħallu l-politika f'pajjiżna qisha raħal b'żewġ każini tal-banda rivali ta' xulxin u waqt li jeskludu lil min mhux partitarju tagħhom, iħallu l-ħajja soċjali tistaġna fil-pajjiż u ma ġġeddidx lilha nnifisha bl-enerġija, bl-ideat u l-inizjattivi ta' forzi soċjali differenti fil-pajjiż. Għall-ġid ta' pajjiżna għandna noħolqu politika li tiċċelebra d-diversità.

Il-PN mhuwiex biss partit fil-Gvern. Huwa blokk ta' poter qawwi politiku, soċjali u ekonomiku b'xibka qawwija mifruxa fl-oqsma differenti tal-ħajja u biex inneħħuh mill-poter se jkollna bżonn viżjoni u programm politiku qawwi li jmorru lil hinn minn kemm kapaċi nitbissmu fuq it-TV u minn kemm kapaċi nagħmlu ġesti ġodda u nippreżentaw irwieħna aħjar. It-tbissim, il-ġesti u l-preżentazzjoni huma essenzjali, iżda aktar importanti minnhom hemm is-sustanza.

Fejn jinsab pajjiżna llum? Kif qed jgħixu niesna? X'futur iridu? X'inhuma l-akbar problemi li għandna? X'inhuma t-tweġibiet tagħna għal dawn il-mistoqsijiet? Jekk bħala Partit Laburista se nibqgħu nwieġbu bħal qabel, jekk mhux se noħorġu bi tweġibiet ġodda li jgħoddu għal-lum u għada, m'hemm l-ebda raġuni għaliex il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin għandhom jarawna bħala alternattiva aħjar mill-PN.

Biex ma nsirux relikwa tal-passat irridu nikkonvinċu lilna nfusna u lill-akbar numru possibbli ta' ċittadini li aħna l-Laburisti fis-Seklu 21 nafu min aħna, nafu xi jrid il-poplu u kapaċi nagħtuh dak li jrid b'politika serja mfassla wara riflessjoni tajba u konsultazzjoni ġenwina u b'ideat ġodda dwar kif se nżidu l-ġid u x-xogħol f'pajjiżna, kif se nsaħħu l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent f'pajjiżna u kif se jkollna soċjetà iżjed miftuha fejn iċ-ċittadini tagħna jkollhom il-libertajiet ċivili li għandhom pajjiżi oħrjna Ewropej, fosthom id-dritt għad-divorzju u d-dritt għall-persuni u koppji omosesswali li, għax bnedmin daqs l-oħrajn, għandhom igawdu mid-drittijiet kollha li jgawdu ċittadini oħra.

---
Tista' taqra reazzjoni għal dan l-artiklu mill-Perit Carmel Cacopardo - AD
---
Tista' taqra ukoll artiklu ieħor interessanti ħafna minn Evarist Bartolo:
Malta Today: Full Equality for gays

No comments:

Post a Comment