Tuesday 8 July 2008

L-Orizzont: Għaliex bħall-Anġli tal-Festa?

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=45633
8.7.8 minn Sammy Sammut

Il-protezzjoni ugwali li suppost qiegħda tipprovdi l-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni għadha biss ideal u mhux fatt. Dan japplika għal ħafna persuni lesbjani, gay, bisesswali u transesswali (LGBT) li jgħixu f’diversi pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, mhux l-inqas dawk residenti f’Malta. Jekk tassew nemmnu li persuni LGBT m’humiex bħall-anġli tal-festa, allura m’għandniex inkomplu nikkalkulawhom qieshom huma ċittadini tat-tieni klassi quddiem il-liġijiet Maltin, u dan irridu nagħmluh bil-fatti u mhux bil-paroli.

Dan għax il-prinċipju ta’ trattament indaqs, mhux biss huwa valur fundamentali ta’ l-UE iżda huwa wkoll iggarantit bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li permezz tagħha hija pprojbita kull tip ta’ diskriminazzjoni li tkun ibbażata fost oħrajn fuq ir-razza, is-sess, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, l-opinjoni politika jew ta’ xorta oħra, kif ukoll minħabba xi tip ta’ diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.

Il-miżuri l-ġodda kontra d-diskriminazzjoni li jittieħdu mill-UE għandhom għalhekk, konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jestendu l-protezzjoni legali lill-oqsma kollha li tapplika għalihom il-leġislazzjoni ta’ l-UE għall-Ugwaljanza Razzjali u dan fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE.

Minkejja dan kollu, analiżi akkurata tal-leġislazzjoni li teżisti fis-27 pajjiż membru, li saret mill-Aġenzija ta’ l-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) iddentifikat differenzi sostanzjali fejn jidħlu t-trattament u l-protezzjoni mil-liġi kif ukoll in-nuqqas ta’ tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-UE, partikolarment fejn jidħol iż-żwieġ jew xi tip ieħor ta’ sħubija bejn persuni ta’ l-istess sess.

Ir-rapport juri li f’mhux inqas minn 18-il pajjiż membru ta’ l-UE, l-implimentazzjoni tad-Direttiva għall-Ugwaljanza fl-Impjieg mhux biss laħqet il-livell minimu għal dak li għandu x’jaqsam mad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali fuq il-post tax-xogħol u fejn jidħlu l-impjiegi, iżda qegħdin joffru wkoll protezzjoni fir-rigward tal-protezzjoni soċjali (sigurtà soċjali u kura tas-saħħa), vantaġġi soċjali, edukazzjoni u access għal prodotti u servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż ukoll il-‘housing’.


Nofs sajran

Għall-kuntrarju ta’ dak li għamlu l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri, f’Malta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva saret qiesha nofs sajran għax hija limitata biss kontra d-diskriminazzjoni li tkun ibbazata fuq l-orjentament sesswali ta’ dak li jkun f’materji relatati max-xogħol u l-impjiegi biss.

Hekk ukoll, kontra dak li għamlu l-maġġoranza tal-pajjiżi membri ta’ l-UE, f’Malta ma jeżistiex korp għall-ugwaljanza li jkollu l-kompetenza li jitratta każi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali. Għalkemm teżisti l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza, li twaqqfet fis-sena 2004 biex tara li jkun hemm trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, din m’għandha l-ebda kompetenza fejn tidħol diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali.

L-istess rapport jikkonkludi li Malta hija fost 11-il pajjiż membru li qegħdin jiksru d-drittijiet fundamentali kif definiti mit-Trattat ta’ l-UE kif ukoll qegħdin jonqsu milli jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Moviment Ħieles. Dan billi, fost oħrajn, Malta qiegħda tirrifjuta li tirrikonoxxi żwieġ li jkun sar f’xi pajjiż ieħor bejn persuni ta’ l-istess sess, u għalhekk tista’ tirrifjuta li tikkunsidra lil dawn l-istess persuni bħala ‘sħab miżżewġin’, għall-fini ta’ l-għaqda mill-ġdid tal-familja, u b’hekk ma tirrikonoxxix lis-sieħeb miżżewweġ ta’ ċittadin ta’ l-UE li jkun ta’ l-istess sess.

Dan qiegħed isir minkejja li kull rifjut għar-rikonoxximent tal-validità ta’ żwieġ bejn persuni ta’ l-istess sess li jsir f’xi pajjiż barrani, għall-fini tal-moviment ħieles, jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Aġir simili jikser ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Soċjali u Politiċi kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza kif imħares mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ifisser ukoll li l-moviment ħieles ta’ persuni LGBT huwa ristrett. Dan japplika wkoll anke fil-każ ta’ persuni ta’ l-istess sess li għalkemm ma jkunux miżżewġin, is-sħubija ta’ bejniethom tkun irreġistrata uffiċjalment; u aktar u aktar jekk żewġ persuni ta’ l-istess sess ikunu sħab de facto, jiġifieri għalkemm ikunu jgħixu f’relazzjoni stabbli u permanenti fl-istess dar, din is-sħubija la tkun f’forma ta’ żwieġ u lanqas sħubija reġistrata.


Drittijiet ugwali

L-esperti legali li għamlu dan ir-rapport, li kienu ġejjin mis-27 pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prof. Ian Refalo minn Malta, esprimew il-fehma li d-drittijit u l-vantaġġi riservati għal koppji miżżewġin, għandhom ikunu estiżi wkoll għal koppji ta’ l-istess sess li ma jkunux miżżewġin. Dan għandu jsir meta dawn il-koppji jifformaw sħubija reġistrata fin-nuqqas ta’ possibiltà li jiżżewġu, u meta, fl-assenza ta’ sħubija reġistrata, ir-relazzjoni de facto tippreżenta grad suffiċjenti ta’ permanenza, biex ikun assigurat li jkun hemm trattament ugwali ta’ persuni LGBT.

Kien sostnut ukoll li t-trattament ta’ koppji ta’ l-istess sess f’konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet umani jinħtieġ li jkun assigurat u kjarifikat għad-direttivi kollha li japplikaw, fosthom id-Direttiva dwar il-Moviment Ħieles, id-Direttiva għall-Għaqda mill-Ġdid tal-Familja u d-Direttiva ta’ Kwalifikazzjoni.

Huwa wkoll meqjus bħala diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, il-fatt li għal dak li kuntrarjament jiġri f’pajjiżi oħra membri, is-sieħeb jew is-sieħba ta’ l-istess sess ta’ ċittadini mhux ta’ l-UE - bħal per eżempju persuni refuġjati jew li għal xi raġuni jew oħra jkunu igawdu minn protezzjoni internazzjonali - ma jitħallix jingħaqad mas-sieħeb tiegħu jew is-sieħba tagħha.

Għalkemm bħal 12-il pajjiż membru ieħor, Malta tagħti l-istess drittijiet f’każ li l-koppja tkun iffurmata minn raġel u mara, dawn id-drittijiet huma mċaħħdin lill-koppji ta’ l-istess sess anke jekk iż-żwieġ tagħhom ikun ġie konkluż b’mod validu f’xi ġurisdizzjoni barranija, aħseb u ara jekk dawn ikunu għadhom ma iżżewġux. Dan kollu, jikkonkludi r-rapport, jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u ma jistax ikun iġġustifikat.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li d-dinjità umana għandha tkun rispettata u protetta. F’għadd ta’ pajjiżi membri ta’ l-UE huwa reat kriminali meta xi ħadd jinċità l-mibgħeda, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Għall-kuntrarju, fil-Kodiċi Kriminali ta’ Malta, l-intenzjoni omofobika m’hijiex ikkunsidrata bħala ċirkostanza aggravanti għall-għanijiet ta’ piena. Il-liġi kriminali Maltija tagħmel diversi provedimenti fil-konfront ta’ min jikteb jew jitkellem b’mod li jinċità l-mibgħeda iżda b’inkonsistenza kbira dan huwa espliċitament ristrett biss għal ċerti gruppi ta’ individwi, iżda mhux meta dan il-lingwaġġ jew kitba ta’ mibgħeda tkun diretta lejn persuni LGBT. Eżempju ieħor ta’ din l-inkonsistenza huwa dak li taħt il-Kapitlu tal-Kodiċi Kriminali li jitkellem dwar theddid, vjolenza privata u fastidju, jistipula li l-piena stabbilità għandha tiżdied minn grad sa tnejn meta r-reat ikun aggravat għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ razza jew reliġjon, iżda l-istess aggravju ma japplikax f’każ li l-istess reati jkunu saru fil-konfront ta’ persuni lesbjani, gay, bisesswali jew transesswali sempliċiment minħabba l-orjentament sesswali tagħhom.


Kontra l-omofobija

Ir-rapport jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra jekk għandhiex tipproponi leġislazzjoni, simili għal dik li tirrigwarda r-rażżizmu u x-xenofobija, li tkun tittratta l-omofobija. Leġislazzjoni simili għandha tolqot diskorsi, kitba u reati ta’ mibgħeda omofobika, u kemm jista’ jkun l-Istati Membri kollha għandhom japplikaw pieni li jkunu approssimattivi kemm jista’ jkun f’każi bħal dawn. B’dan il-mod, jitneħħew l-ostakoli li jeżistu biex kemm jista’ jkun, persuni LGBT jeżerċitaw id-drittijiet tal-moviment ħieles u drittijiet oħrajn b’mod li ma jsofru l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni.

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tisħaq ukoll li persuni transesswali għandhom ikunu protetti mid-diskriminazzjoni fl-UE. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istrumenti li jimplimentaw il-prinċipju għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu interpretati b’mod li dawn joffru l-akbar protezzjoni minn diskriminazzjoni fuq il-bażi tat-transesswalità.

Hawnhekk ukoll, għall-kuntrarju ta’ kif jagħmlu l-maġġoranza tal-pajjiżi membri ta’ l-UE, diskriminazzjoni bbażata fuq it-transesswalità f’Malta la hi meqjusa bħala diskriminazzjoni sesswali u lanqas bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Dan l-istat ta’ fatt joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza sesswali.

Għalkemm il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani tiggarantixxi r-rikonoxximent legali lix-xorta ta’ sess miksub wara li tkun saret operazzjoni medika, kif ukoll tirrikonoxxi d-dritt ta’ persuna transesswali li tiżżewweġ persuna tax-xorta tas-sess oppost, Malta flimkien ma’ tliet pajjiżi oħrajn għadha ma tridx tirregolarizza ruħha għal kollox ma’ din il-ħtieġa.

L-esperti legali jsostnu fuq l-importanza li persuni transesswali għandhom ikunu protetti bl-akbar mod possibli u li din il-protezzjoni tkun ċċarata billi dawn qegħdin jisfgħu vittmi ta’ diskriminazzjoni u omofobija. Huma jgħidu li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jintroduċu jew itejjbu l-liġijiet u l-prattika biex jassiguraw għal kollox r-rikonoxximent legali sħiħ lix-xorta ta’ sess ġdid ta’ dawn il-persuni transesswali fosthom billi jingħataw id-dritt li jibdlu isimhom, in-numru tas-sigurtà soċjali u indikaturi oħrajn.

L-istess rapport jirreferi wkoll għall-fatt li tista’ tgħid madwar l-UE kollha jeżisti nuqqas kbir ta’ ġbir ta’ tagħrif rilevanti dwar id-diskriminazzjoni li ssir fuq l-bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Dan in-nuqqas ta’ tagħrif statistiku jista’ jkun attribwiet għal nuqqas ta’ ftehim fir-rigward tal-leġislazzjoni ta’ l-UE dwar il-protezzjoni ta’ l-informazzjoni. Għalhekk ġie suġġeriet li tkun iċċarata l-kompatibilità tad-direttiva ma’ l-ipproċessar ta’ tagħrif personali sensittiv bħalma huwa t-tagħrif dwar il-ħajja sesswali ta’ dak li jkun, għal skopijiet ta’ statistika. Opinjoni bħal din tnaqqas l-inċertezza legali u tħajjar li jkun hemm politika anti-diskriminatorja billi tagħmilha possibli li jkun hemm statistika komprensiva u ta’ min joqgħod fuqha dwar kull forma ta’ diskriminazzjoni.

“Dan kollu huwa importanti għax li jkun hemm trattament ugwali huwa dritt fundamentali li l-membri kollha tas-soċjetà tagħna għandhom igawdu”, qal Korten Kjaerum, Direttur ta’ l-Aġenzija ta’ l-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Qal ukoll li “l-fatt li persuni lesbjani, gay, bisesswali u transesswali għadhom m’humiex trattati l-istess u b’mod ugwali f’ċerti aspetti tal-leġislazzjoni ta’ l-UE, partikolarment fejn jidħlu koppji ta’ l-istess sess, għandu għalxiex jħassibna lilna lkoll”.

No comments:

Post a Comment