Tuesday 24 June 2008

Illum: Jien Rachel nieħu lilek Grace...

http://www.illum.com.mt/2008/06/22/t6.html
Aħbarijiet | 22 ta' Ġunju 2008 Nr 86
Fl-isfond ta' l-ewwel żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess
f'California, KURT SANSONE jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni fl-Ewropa

F'California din il-ġimgħa saru l-ewwel żwiġijiet bejn persuni gay
wara li l-Qorti Suprema f'dan l-istat Amerikan iddeċidiet li l-liġi
taż-żwieġ m'għandhiex tiddiskrimina skond l-orjentazzjoni sesswali
tal-persuni li jridu jidħlu f'rabta bejniethom.
Għalkemm l-aħħar kelma dwar iż-żwieġ għal koppji gay f'California għad
trid tingħad meta jsir referendum fuq il-kwistjoni iktar tard din
is-sena, l-attivisti lesbjani anzjani, Del Martin, ta' 87 sena, u
Phyllis Lyon, ta' 83, kienu minn ta' l-ewwel li wegħdu ħajjithom lil
xulxin bil-kunsens ta' l-Istat.
Ma kinux l-uniċi li żżewġu u nies fin-negozju bdew iħokku jdejhom
għall-fatt li ż-żwiġijiet bejn persuni gay jistgħu joħolqu suq ġdid
għal kulmin jaqla' ħobżu mit-tiġijiet.
Imma lil hinn mill-argument ekonomiku l-kelma 'żwieġ' applikata għal
persuni gay tqajjem reazzjonijiet imħallta f'diversi nies.
L-Istat ta' California hu t-tieni Stat Amerikan wara Massachusetts li
llegalizza ż-żwieġ bejn koppji gay anki jekk il-battalja legali u
politika għadha miftuħa beraħ. F'diversi Stati oħra ma jeżistix
iż-żwieġ imma xi forma jew oħra ta' sħubija ċivili li tagħti numru ta'
drittijiet.
Għall-maġġoranza kbira tan-nies iż-żwieġ hu msejjes fuq il-kunċett
reliġjuż ta' għaqda bejn mara u raġel.
Huma ftit il-pajjiżi madwar id-dinja li bidlu l-liġijiet tagħhom biex
fil-każ taż-żwieġ ma ssir l-ebda distinzjoni bejn koppji ta' sess
differenti u oħrajn ta' l-istess sess.

L-Ewropa
L-Ewropa hi l-iktar kontinent sensittiv għat-talbiet u l-ħtiġijiet ta'
persuni gay tant li f'erba' pajjiżi koppji ta' l-istess sess jistgħu
jiżżewġu bla xkiel u bl-istess kundizzjonijiet ta' persuni
eterosesswali.
Hemm ħafna pajjiżi oħra li jirrikonoxxu l-kunċett ta' sħubija ċivili
għal persuni gay, li mhuwiex żwieġ, imma li ħafna drabi jwassal biex
il-koppja tgawdi ħafna mid-drittijiet u l-obbligi li joħorġu
miż-żwieġ.
Fl-Ingilterra, għalkemm koppji gay ma jistgħux jiżżewġu, il-liġi
tagħtihom id-dritt li jirreġistraw uffiċjalment ir-rabta ta'
bejniethom u l-koppja tkun tgawdi mill-istess drittijiet u tieħu fuqha
l-istess obbligi ta' persuni miżżewġa. L-istess sitwazzjoni tinsab
fid-Danimarka u pajjiżi oħra Nordiċi li kienu minn ta' l-ewwel
fid-dinja li rrikonoxxew il-bżonn li l-istat jirregolarizza r-rabta
bejn persuni ta' l-istess sess.
Madankollu l-Olanda kien l-ewwel pajjiż
fid-dinja li fl-2000 biddel il-liġi taż-żwieġ biex persuni ta'
l-istess sess ikunu jistgħu jiżżewġu. Dakinhar l-uniku eċċezzjoni li
ddaħlet fil-liġi kienet li koppja gay miżżewġa ma setgħetx taddotta
tfal minn barra l-pajjiż.
Din kienet l-ewwel darba li żewġ persuni ta' l-istess sess setgħu
jintrabtu bejniethom bl-istess mod bħal koppji oħrajn eterosesswali.
Tliet snin wara, il-ġirien ta' l-Olanda,
il-Belġju, ħadu l-istess pass imma fil-liġi ddaħħlu eċċezzjonijiet
fejn jidħlu d-dritt ta' l-addozzjoni tat-tfal. Madankollu fl-2005
il-Parlament Belġjan neħħa dawn l-eċċezzjonijiet u koppji gay
miżżewġin setgħu wkoll jaddottaw it-tfal ta' xulxin jew tfal oħra.
L-ikbar agħa fl-Ewropa tqajjem fi Spanja
fl-2005. Il-Gvern Soċjalista ta' Zapatero irreżista l-oppożizzjoni li
tqajmet mill-Knisja Kattolika u l-Partit Konservattiv biex ta d-dritt
sħiħ lill-koppji gay li jiżżewġu u jaddottaw it-tfal.
Dan l-aħħar in-Norveġja sar ir-raba' pajjiż Ewropew li biddel il-liġi
taz-żwieġ biex ma tkunx tista' ssir diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess
u għalhekk koppji gay ikunu jistgħu jiżżewġu wkoll. Jidher li
l-Isvezja wkoll miexja fl-istess direzzjoni tan-Norveġja biex
il-kunċett ta' sħubija ċivili televah għal żwieġ.

Malta
F'Malta mhemm l-ebda liġi li b'xi mod tirregola r-relazzjoni ta' koppja gay.
Il-liġi Maltija tagħmilha ċara li ż-żwieġ jista' jsir biss bejn raġel
u mara u sa llum l-ebda partit politiku mhu qed jitkellem dwar żwieġ
għal koppji ta' l-istess sess.
Minkejja li l-erba' partiti politiċi qed jitkellmu fuq xi forma jew
oħra ta' sħubija ċivili li tkun rikonoxxuta b'liġi, jidher li hemm
skumdità kbira dwar is-suġġett.
L-Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit li tkellem dwar
unjoni ċivili għal koppji gay li toffri drittijiet simili għal dawk
ta' koppji miżżewġa.
Għall-Partit Nazzjonalista u għall-Partit Laburista l-kwistjoni hi
iktar marbuta mar-regolarizzazzjoni ta' koppji li jikkoabitaw. Ftit
hemm differenza
fid-diskors tagħhom għax it-tnejn jitkellmu dwar
il-bżonn ta' liġi li tirregola lill-koppji li jgħixu flimkien barra
ż-żwieġ u bħala konsegwenza naturali din il-liġi tkun tapplika wkoll
għal koppji gay u persuni oħra bħall-aħwa li jgħixu flimkien.
Ġeneralment f'dawn it-tip ta' arranġamenti legali l-koppja tgawdi minn
ċerti drittijiet u obbligi imma r-rabta ma titqiegħedx fuq l-istess
livell ta' żwieġ.
Il-kelma żwieġ, anki jekk f'pajjiżna l-kunċett ta' żwieġ ċivili ilu li
daħal mis-Sebgħinijiet, għadha marbuta mar-reliġjon u għalhekk jeżisti
tabù fuq is-suġġett.
Skond stħarriġ ta' l-Eurobarometer ippubblikat f'Diċembru ta' l-2006
kienu biss 18 fil-mija tal-Maltin li qablu maż-żwieġ għal koppji gay.
L-Olandiżi, bi 82 fil-mija, kienu l-iktar li qablu ma' din il-proposta
filwaqt li l-inqas appoġġ kien
fir-Rumanija bi 11 fil-mija.
Il-medja Ewropea kienet ta' 44 fil-mija.
Madankollu l-medja Ewropea niżlet għal 32 fil-mija meta n-nies kienu
mistoqsija jekk jaqblux li koppji gay għandhomx ikollhom id-dritt li
jaddottaw it-tfal.
F'Malta, flimkien mal-Polonja, kien hemm l-inqas appoġġ għal din
il-proposta b'sebgħa fil-mija biss li jaqblu.
Stħarriġ simili li kien sar f'Marzu ta' l-2007 mill-gazzetta
MaltaToday wera li l-appoġġ għal żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess
sess kien ta' 29 fil-mija. L-istħarriġ wera wkoll li l-ikbar appoġġ
għal żwiġijiet gay kien fost dawk taħt l-34 sena. F'din
il-kategorija ta' nies 54 fil-mija kienu favur żwiġijiet gay filwaqt
li 82 fil-mija ta' dawk li għandhom 55 sena jew iktar kienu kontra.
L-istħarriġ ikkonferma wkoll it-tradizzjoni iktar sekulari tal-Partit
Laburista tant li l-ikbar appoġġ għal żwiġijiet ta' l-istess sess kien
fost votanti Laburisti bi 33 fil-mija jesprimu appoġġ għal proposta
bħal din. Fost votanti Nazzjonalisti l-appoġġ għal żwiġijiet gay kien
jammonta għal 14 fil-mija.
Minkejja li f'Malta l-għarfien dwar il-ħtiġijiet u d-drittijiet ta'
persuni gay żdied f'dawn l-aħħar snin, ma jidhirx li f'xi żmien mhux
'il bogħod se nassistu għal xi ċerimonja uffiċjali fejn Rachel tkun
tista' twiegħed lil maħbuba Grace li se tkun
is-sieħba tagħha fit-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u
fis-saħħa tul ħajjitha kollha.

No comments:

Post a Comment